Left arrow Go Back

IL-GVERN IDDEĊIEDA LI L-AIR MALTA GĦANDHA TWAQQAF KULL INVESTIMENT KAPITALI ĠDID FL-AZZURRAAIR SPA U TIPPROVDI GĦAT-TELF KOLLU MILL-INTERESSI LI GĦANDHA FIL-KUMPANIJA TALJANA U FL-AJRUPLANI AVRO RJ

PR315
Date Icon 09/03/2004

L-għan ewlieni ta’ din l-istqarrija hu li jitħabbru d-deċiżjonijiet tal-Gvern bħala sid ewlieni ta’ l-ishma ta’ l-Air Malta dwar l-investimenti tal-kumpanija fil-flotta Avro RJ u fl-interessi tagħha fil-kumpanija Taljana AZZURRAair.Dawn iż-żewġ investimenti ġarrbu ħafna interpretazzjonijiet u kontroversja fil-mezzi tax-xandir l-aktar minħabba numru ta’ intenzjonijiet, li aktar iva milli le, kellhom warajhom interessi settorjali jew partiġġjani aktar milli kienu msejsa fuq l-interess kummerċjali ġenwin ta’ l-Air Malta u tal-pajjiż kollu. Minħabba f’dan, hu xieraq ukoll li din l-istqarrija tinkludi rendikont oġġettiv u mingħajr ambigwità ta’ l-istorja wara dawn iż-żewġ materji.

Hu meħtieġ li mill-bidu, it-tema tax-xiri ta’ l-ajruplani British Aerospace Avro Regional Jet 70 u 80 tinfatam mit-tema ta’ l-investiment ta’ l-Air Malta u t-twaqqif u l-bidu ta’ l-operat ta’ l-AZZURRAair Spa. Minkejja li f’numru t’okkażjonijiet dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu relatati, ikun żball jekk tinħoloq konfużjoni bejn żewġ temi li fl-aħħar mill-aħħar huma u jibqgħu distinti.

L-istrateġija ta’ hub (fus)/strateġija reġjonali għall-Air Malta u x-xiri ta’ erba’ Avro RJ 70s

Is-sitwazzjoni pożittiva ta’ l-Air Malta fl-1993 kient ġejja l-aktar miż-żieda konsistenti fit-traffiku tat-turisti minn destinazzjonijiet li kienet topera l-linja lejn Malta, minkejja d-dipendenza qawwija fuq il-ftit rotot li waħedhom kienu jikkontribwixxu għal 70% tat-traffiku kollu tas-servizz bi skeda.

F’dan iż-żmien, l-Air Malta kienet qed taħdem bi flotta t’ajruplani relattivament żagħżugħa, li nofshom kienu Boeing 737/200 kollha mwassla bejn l-1983 u l-1987. Tajjeb jingħad li f’dan iż-żmien dan it-tip t’ajruplan kien kull ma jmur ibati minn aktar restrizzjonijiet u penalitajiet fl-Ewropa minħabba li kien jikser il-livelli meħtieġa dak iż-żmien ta’ tnaqqis ta’ storbju u ta’ ħarsien ta’ l-ambjent.

It-traffiku turistiku minn punt għall-ieħor li kellha l-Air Malta – l-aktar fix-xogħol turistiku ta’ ftit dħul – kien kull ma jmur qed joqrob għal-limitu tiegħu minħabba li Malta laħqet il-punt fejn ma kinitx qed iżżid aktar turiżmu lejha. Il-linja ta’ l-ajru stess rat li l-ispazju li kellha biex tkompli tikber kien limitat għal kemm jistgħu jiżdiedu t-turisti fix-xitwa. Fil-fatt, l-istorja wriet li dan it-tbassir kien korrett għax fl-aħħar għaxar snin, it-tkabbir medju ta’ l-attività tal-linji kollha ta’ l-ajru li joperaw minn u lejn Malta kien t’anqas minn 1% fis-sena.

L-Air Malta kienet dak iż-żmien stqarret li riedet tkompli tikber u tibqa’ żżomm il-profittabilità tagħha. Kien ċar iżda li biex ikun tkabbir sinjifikanti dan bil-fors ried jinħoloq b’mezzi ġodda. Żewġ rotot strateġiċi li l-Air Malta esplorat dak inhar kienu:

    1. li tidħol għal servizzi fuq distanza twila; u
    2. li tiżviluppa traffiku bejn il-linji, għall-ewwel fil-Mediterran u mbagħad għal destinazzjonijiet aktar il-bogħod.

Il-ħolqien ta’ din l-attività ta’ fus ("hub") għall-Air Malta kienet taqbel sew mal-viżjoni ġenerali tal-Gvern li jagħmel minn Malta fus għall-industriji tas-servizzi. Din l-istrateġija terġa kienet aktar valida wkoll fiż-żmien meta l-kompetituri diretti tagħna f’dan is-suq kienu għaddejjin minn staġun ekonomiku iebes ukoll.

Biex l-istrateġija hub ta’ l-Air Malta (l-aktar bl-attività ewlenija tat-traffiku bejn il-linji) setgħet tirnexxi, il-kumpanija essenzjalment kellha:

    1. żżid il-frekwenzi tagħha matul is-sena;
    2. toffri livelli ogħla ta’ servizzi (biex tieħu ħsieb it-traffiku tal-business); u
    3. toffri prezzijiet kompetittivi.

B’mod prattiku, biex tadotta din l-istrateġija, l-Air Malta riedet iżżid it-titjiriet skedati tagħha b’35% sa l-1997. Teoretikament dan kien itaffi il-konvenjenza tal-flotta li kellha dakinhar l-Air Malta u l-kundizzjoni li kienet fiha l-flotta.

Twettqu analiżi tekniċi ta’ l-aspetti differenti ta’ l-istrateġija kemm internament, bit-tim anzjan tat-tmexxija tal-kumpanija (preċiżament dawk li kienu responsabbli mill-Commercial, Fleet Planning, Flight Operations, Finance u Engineering Departments), kif ukoll minn konsulenti esterni mir-Renju Unit. L-analiżi indikat li prima facie l-kumpanija kellha bżonn tkabbar il-flotta tagħha billi ddaħħal gradwalment regional jets u li gradwalment tneħħi il-Boeing 737/200, l-aktar minħabba l-problemi li ssemmew qabel. Fuq il-bażi ta’ dan il-parir, il-Bord tad-Diretturi approva l-istrateġija hub, u b’hekk inħoloq il-bżonn li jiddaħħlu l-ajruplani reġjonali.

Wara din id-deċiżjoni tal-bord, l-Air Malta daħlet biex tevalwa possibiltajiet ta’ flotta ta’ tlieta biex tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ l-istrateġija hub:

    1. li jitranġaw u tinbidel il-konfigurazzjoni tal-flotta preżenti ta’ sitt Boeing 737/200;
    2. li jinxtraw Avro RJ70s; jew
    3. li jinxtraw Fokker 70s.

Kien hemm diskussjoni estensiva mal-bennejja ta’ l-ajruplani kif ukoll fl-istrutturi interni ta’ l-Air Malta. Il-Bord tad-Diretturi fl-1993 approva x-xiri t’erba’ ajruplani Avro RJ 70 u t-tpartit ta’ erba’ Boeing 737/200 bħala parti mill-istess transazzjoni.

Minbarra x-xiri ta’ l-RJs u l-bejgħ tal-Boeings, l-istess ftehim kien jaħseb għal numru ta’ garanziji tal-performance ta’ l-ajruplani, it-twaqqif ta’ faċilità f’Malta għat-tiswija tal-makni Avro RJ, ajruplan żgħir għall-Forzi Armati ta’ Malta, għajnuna lil Malta biex tikseb drittijiet ta’ traffiku taħt il-ħames ħelsien (5th Freedom Rights) fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra. Il-Memorandum of Understanding kien iffirmat f’Jannar 1994 u l-ajruplani twasslu lill-Air Malta f’Settembru, Ottubru, Novembru 1994 u f’Marzu 1995.

Fiż-żmien li matulu l-Air Malta wżat l-ajruplani, instabu sensiela ta’ problemi u diffikultajiet l-aktar minħabba li kienu teknikament inkonsistenti, kienu jagħmlu żmien twil wisq weqfin biex jinbidlu jew jissewwew il-makni, kienu jiswew wisq biex tħaddimhom u kienu skomdi għal min jaħdem fuqhom u għall-passiġġieri li jirkbuhom.

Bl-għaqal kollu li jiġi ħafif meta tara l-affarijiet b’lura, illum wieħed jista’ jgħid li minn perspettiva teknika u ekonomika, id-deċiżjoni ta’ l-1993 li jinxtraw l-Avro RJ 70s ma kinitx l-aħjar deċiżjoni għall-bżonnijiet futuri ta’ l-Air Malta, l-aktar minħabba l-problemi tekniċi ta’ l-ajruplani. Dan imbagħad sar agħar meta l-Air Malta abbandunat l-istrateġija hub fl-1997. Madankollu, wieħed irid jgħid ukoll li f’dik l-istess sena Fokker (li kien il-kompetitur ewlieni dak iż-żmien ta’ l-Avro) waqaf jopera, li, wkoll bl-għaqal b’lura, juri li kieku l-Air Malta għamlet din l-għażla minflok, kienet tispiċċa toħroġ agħar.

Il-ħsieb wara l-investiment fl-AZZURRAair

Bħala parti importanti mill-isforzi tagħha biex tkabbar l-attività tagħha, l-Air Malta fl-1995, esplorat kif tista’ tieħu sehem f’dak li hu magħruf bħala t-Tielet Pakkett (l-ispazju liberalizzat tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea). Dan biex tieħu l-opportunità vitali li kienet teżisti biex tkompli tikber. Uffiċjali anzjani ta’ l-Air Malta analizzaw il-kundizzjonijiet tat-Tielet Pakkett u taw parir lill-Bord dwar l-opportunitajiet li jistgħu joħorġu mis-sehem ta’ l-Air Malta fl-ispazju liberalizzat tat-trasport fl-Unjoni Ewropea.

Fl-istess sena, grupp ta’ ex-uffiċjali anzjani ta’ l-Alitalia iffurmaw l-Istituto Marketing Strategico (IMS), bil-għan li jwaqqfu linja ta’ l-ajru low-cost, li tkun versatili għall-aħħar biex topera fl-Italja u biex taqdi wkoll numru ta’ rotot reġjonali fl-Ewropa. Dak iż-żmien is-suq tat-trasport bl-ajru fl-Italja kienu għadu m’hux tant żviluppat u kien mimli l-aktar mill-Alitalia, b’sehem żgħir ħafna mis-suq f’idejn il-Meridiana. F’Settembru 1995, l-IMS kellmet lill-Air Malta biex din issir il-linja ta’ l-ajru sieħba f’dan il-proġett biex tappoġġja l-pjanijiet tal-linja l-ġdida Taljana. Fl-istess waqt, twaqqfu żewġ linji simili ġodda oħra fl-Italja: AirOne u Alpi Eagles.

IMS preparat business plan dettaljat u għaddietu lill-Air Malta biex din tkun tista’ tqisu. Il-pjan kien ibbażat fuq flotta ta’ tlett ajruplani reġjonali joperaw minn Bergamo. Qabel l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, il-pjan kien verifikat internament mit-tmexxija anzjana ta’ l-Air Malta u esternament mill-imsieħba lokali ta’ dak iż-żmien tal-KPMG. Meta kien qed jiddelibera l-pjan, il-Bord ta’ l-Air Malta kien iddeċieda wkoll li juża r-riżorsi tal-kumpanija stess għax-xogħol back-office tal-linja l-ġdida, minħabba li dak iż-żmien kellha riżorsi umani aktar milli kellha bżonn.

Hu importanti ħafna li hawn wieħed iżomm f’moħħu li l-oġġettiv ewlieni wara l-ħolqien ta’ l-AZZURRAair kien li jkun hemm linja ta’ l-ajru reġjonali li tivjaġġa bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ l-Italja, waqt li fl-istess ħin tisfrutta s-swieq ta’ Franza u l-Ġermanja li kienu fil-qrib u li kellhom potenzjal ta’ qliegħ.

M’hux hekk biss, iżda l-investiment ta’ l-AZZURRAair kien ifisser ħafna aktar valur miżjud għall-Air Malta mill-valur tagħha fuq il-karta. Il-proġett kien joffri lill-Air Malta l-opportunità li minn linja li tradizzjonalment kienet taħdem biss fis-settur ta’ l-ivjaġġar għad-divertiment tidħol fis-suq ġdid li jħalli aktar qliegħ, ta’ l-ivjaġġar għall-business. Il-miri strateġiċi ta’ l-Air Malta dak iż-żmien kienu li tidħol fi swieq ġodda, iżżid il-profitti tagħha, tidentifika sinerġiji, tikseb esperjenza fis-suq reġjonali, tidħol għal proġetti li jħalluha tikber u, l-aktar importanti fi żmien qasir, titfa’ sieqha fis-suq Taljan u fis-suq Ewropew, billi tidħol fit-Tielet Pakkett anke qabel Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea.

F’Novembru 1995, il-Bord tad-Diretturi, b’mod unanimu, approva l-investiment fl-AZZURRAair. Xahar wara kienet iffurmata l-Kumpanija u fi Frar 1996, il-Qorti ta’ Ruma approvat it-twaqqif tal-kumpanija.

AZZURRAair bdiet topera fl-10 ta’ Diċembru 1996, xahrejn wara l-bidla fil-Gvern ta’ Malta. Sa dan iż-żmien instabu investituri oħra u l-Air Malta kienet identifikata bħala s-sid industrijali ta’ l-ishma b’49% ta’ l-ishma tal-kumpanija. L-ewwel President m’hux eżekuttiv (li jixbah il-mudell lokali ta’ Chairman) ta’ l-AZZURRAair kien il-Professur Imperatori li kien Chairman ta’ waħda mis-sidien l-oħra ta’ l-ishma tal-kumpanija.

L-awtoritajiet Taljani ta’ l-avjazzjoni ċivili taw iċ-Ċerifikat għall-Operaturi bl-Ajru (il-liċenzja għat-trasport bl-ajru), ħamest ijiem qabel bdew l-operazzjonijiet.

Ix-xiri ta’ tlett Avro RJ 85 għall-AZZURRAair

Kif intqal qabel, il-business plan ta’ l-IMS, approvat mill-Air Malta, kien jaħseb li l-bidu ta’ l-AZZURRAair jkun fih flotta ta’ tlett ajruplani reġjonali. Dak iż-żmien l-Air Malta kienet provat ħafna biex issib tikri dawn l-ajruplani minn sorsi oħra, iżda minħabba li ma kienx hemm ħafna kompetizzjoni f’dan il-qasam (essenzjalment l-unika produttur kienet il-British Aerospace bil-linja tagħha ta’ l-Avro) u anke minħabba li kien hemm aktar domanda għal dan it-tip t’ajruplan fl-Ewropa milli fil-fatt kien hemm ajruplani, il-prodottur kien lest biss ibiegħ dan l-ajruplan. Minħabba dan, ittieħdet id-deċiżjoni li jintgħażlu l-ajruplani Avro RJ 85 li, dak iż-żmien, kienu l-aktar mudell Avro li fil-fatt kien jintuża.

Minħabba li l-AZZURRAair ma kelliex biż-żejjed kapital biex tixtri l-ajruplani l-ġodda, f’Mejju 1996, l-Air Malta ddeċidiet li tixtri l-ajruplani u tikrihom lura lill-AZZURRAair b’kundizzjonijiet raġjonevoli. Meta qieset din il-materja, l-Air Malta qieset li minħabba li globalment kienet qed tiżdied id-domanda għall-ajruplani reġjonali, li kellu jfalli l-proġett AZZURRAair, ma kienx ikun diffiċli li l-ajruplani RJ 85 jergħu jitqiegħdu fuq is-suq bl-anqas telf għall-Air Malta stess. Din il-kunsiderazzjoni kienet tillimita r-riskju ta’ din l-operazzjoni. Minbarra dan, l-Air Malta kienet temmen ukoll li d-dħul fl-attività tal-kiri ta’ l-ajruplani kien itiha l-esperjenza li kellha bżonn biex tidħol fis-suq attraenti tal-kiri, li kien qiegħed jikber konsistentement minħabba li dak iż-żmien it-traffiku bl-ajru kien maħsub li ser jiżdied.

L-Avro RJ 85s twasslu f’Novembru 1996, f’Diċembru 1996 u f’Mejju 1997 u nkrew minn Peregrine Aviation Leasing (kumpanija ta’ l-Air Malta bbażata l-Irlanda) lill-AZZURRAair.

L-operat u r-riżultati ta’ l-AZZURRAair

Kif intqal qabel, l-AZZURRAair bdiet topera f’Diċembru 1996. Minkejja li kellha struttura ta’ tmexxijja effettiva (immexxija minn impjegat ta’ l-Air Malta), il-kumpanija qatt m’għamlet profitt. Fil-fatt it-telf ta’ l-AZZURRAair qabel it-taxxa kien kif ġej:

Madankollu, tajjeb jingħad li t-tlett raġunijiet ewlenin li kkontribwew għall-operat defiċjenti tal-kumpanija:

    1. Il-franchise agreement ma’ l-Alitalia – In-negozjati għall-franchise agreement ma’ l-Alitalia saru bejn Marzu u Ottubru 1997. Il-ftehim innifsu bejn l-Alitalita u l-AZZURRAair fil-fatt qatt ma nkiteb u r-relazzjoni kollha tħaddmet fuq il-bażi ta’ dokument bil-Kapijiet ta’ Ftehim, li kien konkluż bejn il-partijiet b’antiċipazzjoni għal ftehim komplet. Jekk issir analiżi tat-telf tal-kumpanija mill-attivitajiet tagħha, jidher ċar ħafna, il-kontribut negattiv li l-attività ta’ l-Alitalia kellha fuq l-AZZURRAair:
    2. Dan il-ftehim ma kienx iħalli lill-AZZURRAair tkabbar il-koperazzjoni li kellha ma’ l-iSwissair li kienet qed tħalli l-qliegħ u li kienet biż-żejjed biex l-AZZURRAair timla t-titjiriet li kellha dak iż-żmien. Dan minħabba li l-Alitalia imponiet fuq l-AZZURRAair ftehim esklussiv u minħabba f’dan kien meħtieġ li jitwaqqaf il-ftehim ma’ l-iSwissair. AZZURRAair kellha wkoll bil-fors tirtira l-brand tagħha li kienet bniet b’tant sforz, u kellha minflok ittajjar il-kuluri ta’ l-Alitalia u ċċedi l-ispazju tagħha għall-Alitalia.

      Ir-relazzjoni imposta mill-franchise agreement kienet żbilanċjata bil-goff favur l-Alitalia u kontra l-AZZURRAair. Biż-żejjed jingħad li fl-2000, AZZURRAair ġarret 14% aktar passiġġieri fuq il-programm tagħha ma’ l-Alitalia (kif maħsub fil-franchise agreement ta’ l-1997) u batiet tnaqqis fid-dħul medju minn kull passiġġier ta’ 17%. Ir-riżultati pubblikati ta’ l-Alitalia juru li fl-istess perjodu, it-tnaqqis fid-dħul medju minn kull passiġġier fuq in-network Ewropew ta’ l-Alitalia kien t’anqas minn 1%. Meta tqis li l-AZZURRAair kienet essenzjalment parti minn network Ewropew ta’ l-Alitalia, dawn ir-riżultati u t-telf li wara ġabu magħhom, ma kienu jagħmlu ebda sens loġiku u kummerċjali.

      Fl-2001, saru negozjati għal ftehim ġdid ma’ l-Alitalia, li għalkemm kien aħjar minn ta’ qablu, kien mgħarraq b’dak li ġara fil-11 ta’ Settembru. Wara l-11 ta’ Settembru l-Alitalia abbandunat il-ftehim negozjat u offriet lill-AZZURRAair code-share agreementbiss waqt li AZZURRAair iżżomm il-brand tagħha u tikkumerċja b’isimha. Ovvjament minħabba li qabel l-AZZURRAair kienet imġiegħla tneħħi l-brand tagħha u minħabba li kif inhu ċar kienet tiddependi ħafna fuq l-Alitalia, l-aġġustament għal dan ix-xenarju kummerċjali ġdid, f’ambjent estern fis-settur tal-linji ta’ l-ajru negattiv, fisser daqqa ta’ ħarta qawwijja fuq ir-riżultati operazjonali ta’ l-AZZURRAair għall-2002;

    3. Il-kiri ta’ l-Avro RJ 70s – Fl-1997, il-Bord il-ġdid ta’ l-Air Malta ddeċieda li jipproponi li l-flotta t’erba’ Avro RJ 70s (li kienet ta’ l-Air Malta) tinkera lill-AZZURRAair minbarra l-flotta li kellha diġà f’idejha ta’ tlett Avro RJ 85. Il-Bord ta’ l-AZZURRAair aċċetta din il-proposta. Il-kirja ddaħlet bħala dħul fil-kotba ta’ l-Air Malta iżda dan u l-ispiża biex tħaddem il-flotta għamlu pressjoni fuq l-ispiża ta’ l-operat ta’ l-AZZURRAair;
    4. In-nuqqas t’appoġġ mill-Air Malta – Id-deċiżjoni ta’ l-1996 li l-Air Malta tipprovdi l-appoġġ back-office li kellha bżonn l-AZZURRAair (l-aktar minħabba li l-Air Malta kellha riżorsi amministrattivi żejda), inqalbet fl-1997. Dan żied l-ispiża tax-xogħol fl-Italja għax l-AZZURRAair kellha timpjega l-ħaddiema biex tkun tista’ topera.

L-investiment oriġinali fl-AZZURRAair kellu l-ħsieb ukoll li jkun hemm integrazzjoni akbar ma’ l-Air Malta fl-attivitajiet tal-linji ta’ l-ajru. Fl-1997 ukoll din id-deċiżjoni nqalbet u ma saret ebda integrazzjoni.

Dawn il-fatturi ħolqu diżgwid m’hux mixtieq bejn is-sidien ta’ l-ishma dwar x’għandha tkun id-direzzjoni strateġika tal-kumpanija. Ovvjament dan id-diżgwid ta kontribut negattiv u għamel ħsara li ma tissewwiex lill-effettività ta’ l-operat tal-kumpanija.

Bħal kull deċiżjoni oħra t’investiment, l-investiment ta’ l-Air Malta fl-AZZURRAair kien iġorr livell ta’ riskju li, bħal f’kull deċiżjoni kummerċjali oħra, kien bilanċjat minn livell pariġġ ta’ possibiltà ta’ qliegħ. Il-viżjoni ta’ l-Air Malta li ssarrfet fl-involviment fl-AZZURRAair kienet xi ħaġa li mingħajr dubju ta’ min ifaħħarha.

M’hux xi ħaġa li jafuha l-ftit li l-industrija ta’ l-avjazzjoni fiha kompetizzjoni ħarxa ħafna tant li ftit industriji għandhom bħalha. L-industrija hi mifnija b’tattiċi qliel li ma jimxux bil-pass tad-dgħajfa anzi huma mfassla minn dawk li joperaw mal-globu kollu. Barra minhekk l-ambjent estern ta’ l-industrija hu kumpless għall-aħħar minħabba l-impatt ta’ fatturi politiċi, ekonomiċi, regolatorji u teknoloġiċi.

L-Air Malta xtrat seba’ Avro RJs għal Lm69.3 miljun. Wara dak li ġara nhar il-11 ta’ Settembru 2001, il-kumpanija ħasbet għat-telf tad-dgħjufija ("took an impairment loss" -- transazzjoni fuq il-kotba biss marbuta mal-waqgħa fil-valur ta’ l-ajruplani wara l-inċidenti li ssemmew) ta’ Lm18.8-il miljun. L-ajruplani nbiegħu għal Lm29 miljun u nkrew lura lill-Air Malta.

Kif spjegat hawn, l-Air Malta għall-ewwel ħadet sehem fit-twaqqif ta’ l-AZZURRAair fl-1996 b’49% ta’ l-ishma bi sħab ma’ sidien ta’ l-ishma oħra. Matul is-snin, is-sidien l-oħra ta’ l-ishma ma riedux ipoġġu aktar kapital biex ikopru t-telf kroniku tal-kumpanija.

Bejn l-1997 u l-2003, l-Air Malta:

  • għaddiet lill-AZZURRAair Lm32.1 miljun; u
  • direttament, jew permezz ta’ sussidjarji, irċeviet Lm37 miljun fi dħul mill-kirjiet ta’ l-ajruplani mill-AZZURRAair.

Biex wieħed ikun ċert li s-sekwenza ta’ dak li ġara tkun ċara ta’ min jerġa’ jsemmi li:

    1. d-deċiżjoni li jinxtraw l-Avro jets għall-Air Malta u d-deċiżjoni li l-Air Malta tieħu sehem fl-AZZURRAair ittieħdet mill-Bord tad-Diretturi li kien hemm bejn l-1992 u l-1996 immexxi miċ-Chairman Joe N. Tabone;
    2. l-operazzjonijiet ta’ l-AZZURRAair bdew (u għall-ewwel sentejn saru) taħt il-patronaġġ tal-bord il-ġdid maħtur mill-Gvern Laburista u mmexxi miċ-Chairman Louis Grech sa l-1998. F’dawn is-sentejn, il-Bord ta’ l-AZZURRAair ħa d-deċiżjoni li jidħol fil-franchise agreement ma’ l-Alitalia u jikri l-Avros ta’ l-Air Malta;
    3. ċ-Chairman Louis Grech mexxa għal darb’oħra lill-Bord tad-Diretturi ta’ l-Air Malta mill-1998 sa Mejju 2003. Matul dan iż-żmien l-operat ta’ l-AZZURRAair wera telf sena wara l-oħra.

Deċiżjonijiet li ttieħdu wara l-elezzjonijiet ta’ l-2003

L-ewwel deċiżjoni tal-Gvern, permezz tal-Ministeru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment, kienet li jirrakomanda li l-Air Malta twaqqaf kull investiment kapitali ġdid fl-AZZURRAair b’seħħ immedjat. Fil-fatt minn April 2003, l-Air Malta m’għaddiet ebda kapital lill-kumpanija u m’għaddiet ebda self ġdid.

L-Air Malta kien ilha wkoll ix-xhur tipprova tbiegħ l-ishma tagħha fl-AZZURRAair u wara numru ta’ negozjati esploratorji ma’ xerrejja potenzjali differenti, l-Air Malta irnexxielha tidħol f’Memorandum of Understanding mas-7 Group plc f’Settembru 2003. Permezz ta’ dan il-ftehim, minbarra x-xiri ta’ l-ishma kollha ta’ l-Air Malta fl-AZZURRAair, 7 Group ikkommettiet ruħha li tipprovdi l-kapital meħtieġ għall-AZZURRAair u tara li l-AZZURRAair iġġedded il-kirja tal-flotta RJ. 7 Group għad s’issa ma fformalizzatx dan il-ftehim.

F’Diċembru 2003, l-Air Malta rtirat l-ajruplani Avro RJ u aktar tard itterminat il-ftehim tal-kiri minħabba n-nuqqas ta’ l-AZZURRAair skond l-istess ftehim. Id-daqs tal-flotta u l-ispiża biex tmantniha ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ l-irtirar tal-flotta. B’konsegwenza ta’ dan, il-flotta Avro reġgħet f’idejn l-Air Malta u bħal-issa tinsab wieqfa f’Exeter. L-Air Malta qed bħal-issa tipprova tqiegħed fuq is-suq dawn l-ajruplani.

Minkejja li xi mezzi tax-xandir ikkwotaw gazzetti Taljani li rrapportaw lill-President il-ġdid ta’ l-AZZURRAair, is-Sur Fausto Capalbo, jgħid li l-kumpanija dan l-aħħar itterminat il-kiri tal-flotta Avro RJ għax l-ajruplani żgħar wisq jew għax jiswew wisq biex tmantnihom, ir-raġuni għat-terminazzjoni tal-kirja saret minħabba l-fatt sempliċi li l-AZZURRAair naqset milli tonora l-obbligi tagħha.

Madankollu, u l-aktar importanti, l-Air Malta ddeċidiet li ddaħħal fil-kotba ta’ din is-sena (2002/2003) it-telf kollu meħtieġ ta’ Lm14.2-il miljun biex jipprovdi għall-ammonti mgħoddija lill-AZZURRAair (Lm11.4-il miljun) u għall-garanziji u l-irbit kollu li sar (Lm2.8 miljuni) rigward din il-kumpanija. Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li jiddaħlu Lm7 miljun għall-kuntratti relatati mal-kiri ta’ l-Avro RJ.

Dawn id-deċiżjonijiet raġjonevoli li ħadu l-Gvern u l-Bord tad-Diretturi preżenti ser jagħlqu il-kwistjonijiet ta’ l-Avro RJ u ta’ l-AZZURRAair. Sakemm ma jkunx hemm xi ostakli legali jew dewmien biex titqiegħed fuq is-suq il-flotta Avro RJ, il-Gvern għandu l-assigurazzjoni li l-Air Malta m’hix ser tirraporta aktar telf minħabba dawn iż-żewġ materji.

Il-ġejjieni ta’ l-Air Malta

L-AZZURRAair hi kumpanija li f’ħames snin, iġġenerat traffiku u dħul li l-Air Malta damet għoxrin sena biex irnexxielha tlaħħaq. Il-proġett kien ta’ valur u potenzjal enormi iżda jidher li kien ittimbrat bħal “wild m’hux mextieq” mill-Bord tad-Diretturi bejn l-1997 u l-1999. Bħal f’kull inizjattiva kummerċjali, wieħed ma jistax ma jagħtix kas tar-riskju li kien hemm, iżda wieħed irid jgħid li fl-istess żmien operaturi oħra ta’ l-ajru ħadu deċiżjonijiet simili (b’riskji simili). Uħud irnexxew u għadhom itiru. Oħrajn le, iżda wieħed jista’ jikkritikahom biss bl-għaqal ta’ wara li jkunu ġraw il-fatti.

Il-Gvern u l-Bord tad-Diretturi ta’ l-Air Malta ħadu d-deċiżjoni responsabbli li jagħlqu dan il-kapitlu fl-istorja ta’ l-Air Malta darba għal dejjem. Il-Gvern, bħala s-sid ewlieni ta’ l-ishma ta’ l-Air Malta, jemmen li wasal iż-żmien li s-sidien l-oħra ta’ l-ishma, il-Bord, it-tmexxija u l-impjegati għandhom jirreaġixxu b’mod effettiv għar-realtajiet li jimponi l-ambjent dgħajjef fl-industrija globali tal-linji ta’ l-ajru u mid-dizabilitajiet li għandha l-kumpanija minħabba prattiċi tax-xogħol skaduti li jekk ma jinbidlux immedjatament, ser jheddu bl-akbar gravità, il-futur tal-linja ta’ l-ajru u ta’ l-impjegati tagħha.

F’dan il-kuntest, il-Gvern isejjaħ lil dawk kollha interessati fl-Air Malta biex jirrealizzaw li l-unika rotta fix-xenarju tal-lum hi li ningħaqdu f’sinerġija matura, ħielsa minn kull aġenda moħbija li tista’ biss tkompli tgħarraq il-vijabilità tal-linja nazzjonali ta’ l-ajru tagħna. Minħabba f’dan, il-Ministeru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment ser jistieden lil dawk kollha interessati fil-kumpanija biex jiddiskutu l-vijabilità tagħha fil-ġejjieni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow