Left arrow Go Back

RISPOSTA MILL-MINISTERU TA` L-EDUKAZZJONI GĦALL-ALLEGAZZJONIJIET MAGHMULA MILL-‘PULSE’

PR31
Date Icon 13/01/2004

B’referenza għall-istqarrija li l-Għaqda ta’ l-Istudenti ‘PULSE’ ħarġet fit-13 ta’ Jannar 2004, intitolata "Studenti Minsija mill-Gvern", il-Ministeru ta` l-Edukazzjoni jiddikjara illi:-

Il-PULSE messha taf li ma teżistix dik li hi qed isejjaħ l-"Iskema tal-‘Workphase’ tal-Gvern". Dik l-iskema, l-aħħar li tħaddmet kien fl-1999. Mis-sena 2000 ’l hawn, ix-xogħol għas-Sajf għall-istudenti ta’ l-Universita` ma` baqax responsabbli għalih il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, iżda kull Dipartiment, Korp Parastatali, Kumpannija privata jew entita’ oħra li trid tagħti esperjenza ta’ xogħol lil studenti universitarji. Kull organizzazzoni bħal din tidħol responsabbli hi għall-ħlas ta’ l-istudenti u għall-ħinijiet li jaħdmu u kundizzjonijiet oħra. Kull ma` jagħmel il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, permezz tal-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti hu li jiffaċilita` dan il-proċess, billi jħeġġeġ kull tip ta’ employer joffri esperjenza ta’ xogħol lill-istudenti, kif ukoll li joħroġ u jirċievi l-applikazzjonijiet.

Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kienet responsabbli biss mill-ħlas tal-Proġett Skola Sajf. L-istudenti kollha li ħadmu f’dan il-proġett, tħallsu.

Il-Ministeru kien responsabbli ukoll għal 100 ‘posting’ li kienu offruti lil diversi għaqdiet ta’ l-studenti, biex isir xogħol fi ħdanhom fix-xhur tas-sajf, wara li ssottomettew proġetti li riedu jwettqu. Anke f’dan il-każ, dawk l-għaqdiet li bagħtu l-attendenza ta’ l-istudenti tagħhom, kif kienu obbligati jagħmlu immedjatament wara li spiċċa l-perjodu tax-xogħol, tħallsu kollha.

Hemm għaqdiet studenteski oħra, li għadhom sal-lum ma bagħtux l-attendenza ta’ l-istudenti li ħadmu magħhom. Tnejn minn dawn l-għaqdiet bagħtu l-attendenzi tagħhom f’dawn il-ġranet. L-Ghaqda PULSE stess, bagħtet l-attendenza ta’ dawk li ħadmu magħha, wara nofs Diċembru 2003. B’responsabbilta’, ma`jistax isir ħlas lill-istudenti, la darba ma kienx hemm mod kif jivverifika li dawn verament ħadmu; u lanqas ma kien hemm l-ismijiet ta’ l-istudenti li kellhom jitħallsu.

Minħabba n-nuqqas ta’ serjeta` ta’ ċerti għaqdiet ta’ l-istudenti, li ma mxewx kif miftiehem, il-flus li kienu allokati għal dawn il-ħlasijiet, skond ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern, issa reġgħu marru fil-Fond Konsolidat; billi ma ntużawx fil-ħin u għalhekk trid issir proċedura oħra, biex nippruvaw nikkoreġu n-nuqqas ta’ dawn l-għaqdiet ta’ l-istudenti, fosthom l-Ghaqda PULSE.

Hu għal kollox bla bażi u barra minn loku, it-tħassib li l-Ghaqda PULSE qed tallega li hemm fost l-istudenti tal-Junior College u l-Universita`, li, minħabba l-metodu ġdid ta’ ħlasijiet, mhux se jitħallas l-istipendju ta’ Lulju. Il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jixtieq iserraħ ras l-istudenti kollha li huma ntitolati għall-Għotja ta’ Manteniment, li se jirċievu l-ħlasijiet kollha dovuti lilhom.

Dwar l-istudenti ta’ l-MCAST, l-Ghaqda PULSE ghandha tkun taf li f’Malta m’għadhomx jeżistu “studenti-ħaddiema". Dawn l-istudenti tħallsu l-għotja ta’ manteniment (stipendju) kollha, kif jitolbu r-regolamenti, għax-xhur bejn Ottubru u Ġunju.

Element importanti mill-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ l-istudenti ta’ l-MCAST huwa li jiksbu esperjenzi rilevanti ta’ xogħol f’ambjenti produttivi. Numru minn dawn l-istudenti ingħataw din l-opportunita’ f’Lulju. Din l-esperjenza, li mhix koperta bir-regolamenti ta’ l-istipendji, hi ta’ vantaġġ għall-istudenti. Kieku l-MCAST kellu jitlob ħlas lill-employers għal din l-esperjenza jinħolqu diffikultajiet biex tiġi provduta din l-esperjenza.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow