Left arrow Go Back

IMNEDIJA Ċ-ĊELEBRAZZJONIJIET GĦAD-DĦUL TA’ MALTA FL-UNJONI EWROPEA

PR259
Date Icon 01/03/2004

Il-Gvern illum nieda l-programm ta’ attivitajiet uffiċjali li ser jiġu organizzati sabiex ikun ċelebrat id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

Matul konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura, l-Onor. Jesmond Mugliett iddeskriva l-programm ta’ attivitajiet bħala festival artistiku li ser jirrifletti r-rikkezza u d-diversita’ tal-kultura Maltija, kif ukoll id-diversita’ tal-kulturi tal-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea.

"Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hija kisba għall-poplu Malti kollu. Fl-istess spirtu, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ser ikunu ta’ l-ogħla livell sabiex jirriflettu l-importanza ta’ dan l-avveniment storiku u biex jiġbdu l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.

"L-għajnejn ta’ ħafna popli ser ikunu fuqna matul dawk il-ġranet. Jeħtieġ li nisfruttaw din l-attenzjoni sabiex nipproġettaw dehra ta’ Malta bħala pajjiż b’kultura għanja, ħajja, moderna u mżewqa. Din l-attenzjoni diġà tinħass bin-numru ta’ ġurnalisti li qegħdin iħejju features fuq il-kultura Maltija. L-entużjażmu tal-poplu Malti kollu għal dawn il-ġranet qiegħed ukoll jinħass b’numru sabiħ ta’ proposti minn entitajiet artistiċi sabiex attivitajiet tagħhom ikunu nklużi fil-programm uffiċjali,” qal il-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura.

Matul l-istess konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru Mugliett żvela wkoll dettalji ta’ l-attivitajiet li ser isiru matul it-tliet ġranet l-aktar sinifikattivi fil-programm taċ-ċelebrazzjonijiet.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ser jinfetħu fis-16 t’April – fl-ewwel anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ateni, li ssiġilla t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea - b’kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Il-qofol tal-programm ta’ attivitajiet ser jintlaħaq fil-lejl ta’ bejn it-30 t’April u l-1 ta’ Mejju, meta ser jittella spettaklu pirotekniku u bid-dwal madwar il-Port il-Kbir. Dwar dan intlaħaq ftehim mal-European Broadcasting Union (EBU) li kienet uriet interess partikulari fl-ispettaklu li ser jittella’ Malta, fuq dawk tad-disa’ pajjiżi l-oħra, biex dan jixxandar ma’ l-Ewropa kollha. L-ispettaklu ta’ Malta intgħażel mill-EBU bħala wieħed mill-aqwa fost l-għaxra li qed jittellgħu fil-pajjiżi membri ġodda u ser jixxandar meta l-programm televiżiv jilħaq il-qofol tiegħu f’nofs il-lejl.

L-attivita’ ta’ lejlet id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ser tinkludi wkoll pre-show imqassam fuq erba’ palkijiet, li ser jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ artisti Maltin magħrufa mill-oqsma mużikali u taż-żfin. L-attivita’ hija diżenjata biex tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku li huwa mistenni joħnoq ix-xtut ta’ madwar il-Port il-Kbir, sabiex isegwi spettaklu ta’ kalibru daqshekk għoli.

Fl-aħħar ġurnata taċ-ċelebrazzjonijiet – fid-9 ta’ Mejju, li jaħbat Jum it-Tberik ta’ l-Ewropa – ser isir kunċert u servizz inter-reliġjuż fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet uffiċjali jiġi fi tmiemu bit-tielet edizzjoni tal-Fireworks Festival madwar il-Port il-Kbir.

L-attivitajiet li ser isiru bejn it-tliet dati mportanti – jiġifieri s-16 t’April, l-1 ta’ Mejju u d-9 ta’ Mejju, ser ikunu mżewqa u mifruxa ma’ Malta u Għawdex. L-attivitajiet jinkludu kunċerti, żfin, esibizzjonijiet, attivitajiet sportivi u għaż-żgħażagħ. Fl-1 ta’ Mejju, ser jittella’ programm f’Għawdex. Il-programm kollu għadu qed jiġi ffinalizzat u mistenni jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru Mugliett kompla jgħid li tnejn jew tlieta mill-avvenimenti ser jingħataw coverage minn stazzjonijiet tat-televiżjoni internazzjonali. Hu qal li dan il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet ta’ livell għoli ser ipoġġi lil Malta fuq il-mappa ta’ postijiet fejn isiru avvenimenti artistiċi ‘avante-garde’. “Żgur li l-interess u l-coverage għandu jħalli impatt fuq it-turiżmu lejn Malta fix-xhur ta’ wara ċ-ċelebrazzjonijiet," temm jgħid il-Ministru Jesmond Mugliett.

Intant matul l-istess konferenza ta’ l-aħbarijiet, tnedew ukoll il-logo uffiċjali u l-website taċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-diżinn tal-logo huwa xogħol l-artist żagħżugħ Gordon Bonello. Il-logo intgħażel fost 26 xoghol li ġew sottomessi għal kompetizzjoni organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti. Il-membri tas-sottokumitat għall-għażla tal-logo kienu il-Prof. Richard England, Lara Strickland u George Glanville.

Il-website uffiċjali li tinsab fuq l-indirizz www.malta-celebrates-eu.com ser isservi bħala l-gwida definittiva għal qabel u waqt iċ-ċelebrazzjonijiet. Minbarra kalendarju interattiv, flimkien ma’ l-aħħar informazzjoni u aħbarijiet dwar iċ-ċelebrazzjonijiet, www.malta-celebrates-eu.com ser tinkludi video streaming u kontenut interattiv ieħor.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow