INAWGURATA L-EWWEL FAŻI TAĊ-ĊENTRU ĠDID TA’ DISTRIBUZZJONI ELETTRIKA GĦAT-TRAMUNTANA TA’ MALTA - INVESTIMENT TA ‘L FUQ MINN LM26 MILJUN
L-Onor. Austin Gatt, Ministru għat-Teknoloġja ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment inawgura uffiċjalment l-ewwel fażi taċ-Ċentru Ġdid ta’ Distribuzzjoni Elettrika għat-Tramuntana ta’ Malta. L-idea dwar dan il-proġett kienet nibtet 11-il sena ilu fil-kuntest ta’ pjan nazzjonali ta’ żvilupp għad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Dan il-pjan kien jinkludi wkoll il-bidu tat-tħaddim tal-power station ta’ Delimara, il-bidu tat-tħaddim taċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Marsa u l-pjan li ċ-ċentri kollha tad-distribuzzjoni jitqabbdu maż-żewġ power stations.
Dan il-proġett huwa riżultat ta’ investiment ta’ Lm10 miljun lira f’dawn l-aħħar sitt snin. Il-Ministru Gatt spjega li l-Gvern ser ikun investa’ ‘l fuq minn Lm 22 miljun biex is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku tissaħħaħ.
Austin Gatt spjega li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett rat ukoll inizjattiva ġdida li permezz tagħha sar tħaffir ta’ mini ta’ kommunikazzjoni, li jistgħu jintużaw m’hux bissmill-Enemalta, iżda minn kull min għandu bżonn jikkomunika f’dawn id-distanzi. Dawn il-mini swew investiment ieħor ta’ Lm 4.2 miljun. F’dan il-kuntest il-Ministru Gatt ħabbar li dalwaqt jitlesta t-tħaffir ta’ l-aktar mina importanti, dik li ser tgħaqqad liż-żewġ power stations li għandna f’pajjiżna.
Madankollu, ħdax-il sena ilu l-pjan ma’ antiċipax iż-żieda tremenda f’dawn l-aħħar tlett snin fil-konsum ta’ l-elettriku fit-tramuntana ta’ Malta. Dan kien dovut għal tkabbir fir-residenzi tas-sajf u fl-attività turistika fit-tramuntana ta’ Malta, sjuf qliel, roħs fit-teknoloġija ta’ l-arja kundizzjonata u prezzijiet baxxi ta’ l-elettriku. Austin Gatt spjega li għalkemm ma stajniex nobsru kemm kienet se tikber id-domanda, l-ammont ta’ elettriku ġġenerat miż-żewġ power stations xorta kien biżżejjed. Il-problema li kienet qed tikkawża ‘l-qtugħ fil-provvista ta’ l-elettriku, kienet fid-distribuzzjoni. Għalhekk ġie deċiż li ninvestu ‘l fuq minn Lm 26 milljun.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tlestiet f’anqas minn sena mill-bidu tal-proġett. Dan sar biex ikun hemm titjib immedjat fil-livell ta’ servizz ta’ l-elettriku għat-tramuntana ta’ Malta.
Il-Ministru Gatt spjega li d-disinn u l-armar ta’ dan il-proġett sar mill-impjegati ta’ l-Enemalta, “xhieda tat-talenti tekniċi ta’ min ifaħħarhom li għandhom l-inġiniera u l-impjegati tal-kumpanija.”
Żieda fid-Domanda
F’dawn l-aħħar 15-il sena (1988 sa 2003) id-domanda għall-elettriku fix-xitwa żdiedet b’84%. Anke d-domanda fis-sajf żdiedet. Fil-fatt l-istatistika turi li d-domanda żdiedet b’152%. Hu mistenni li d-domanda tkompli tiżdied. L-esperjenza turina li aktar ma’ tagħmel sħana, aktar tiżdied id-domanda; aktar ma’ tagħmel sħana, aktar tonqos il-kapaċità tal-power stations li jipproduċu elettriku; aktar ma nikkonsmaw elettriku, aktar nipproduċu emissjonijiet mill-power stations li jżidu l-greenhouse gases fl-atmosfera; aktar ma’ nipproduċu emissjonijiet mill-power stations, aktar tiżdied is-sħana. F’dan il-kuntest il-Ministru Gatt qal li filwaqt li rridu ninvestu biex inlaħħqu mad-domanda, il-Maltin iridu jsiru aktar konxji kif jużaw l-enerġija elettrika bil-galbu u b’responsabbiltà.
Il-Ministru ha wkoll l-okkazjoni biex jirreferi għall-kritika riċenti tal-kelliema ta’ l-Oppozizzjoni Laburista, l-Onor. Joe Mizzi, John Attard Montalto u Marie Louise Coleiro, dwar iż-żieda fil-prezz tal-gass, li skond huma, qed iżżid il-faqar fil-pajjiż.
Il-Ministru Gatt qal li fil-verità, il-prezz tal-gass żdied bi 3% biss, li medja dan se jfisser żieda fl-ispiża tal-familja ta’ ċenteżmu (one cent) fil-ġimgħa. Kontra dak li ġie allegat mill-kelliema Laburisti, m’hux veru li ż-żieda saret ‘over and above’ iż-żieda fil-VAT. L-Enemalta kienet u għadha tassorbi l-VAT kollha hi.
Wieħed ma jistax ma jsemmix l-ipokrezija tal-kelliema ta’ l-Oppozizzjoni Laburista. Dan għaliex l-aħħar li għola l-gass kien f’Ġunju 1997, meta kemm l-Onor. Joe Mizzi u l-Onor. John Attard Montalto kienu Ministri fil-Gvern Laburista ta’ dak iz-zmien. Dak inhar iż-żieda fil-prezz ma kienitx ta’ 3%, iżda ta’ bejn 13 u 18%. Jekk wieħed iħares lejn l-aktar ċilindri li jintużaw fid-djar (tal-15-il kilò) u li issa żdiedu b’7ċ, il-Gvern Laburista fl-1997 kien għollihom 25ċ.
DOI – 23.02.2004


Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en