Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. JOHN DALLI, MINISTRU TAL-FINANZI U AFFARIJIET EKONOMICI WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MILL-M.F.S.A. DWAR ANALIZI TA’ L-ISTATISTIKA DWAR L-INTRAPRIZI TA’ DAQS ZGHIR U MEDJU - 20.02.2004

PR220
Date Icon 23/02/2004

In-negozji ż-żgħar huma importanti hafna għat-tkattir ta’ impiegi sostenibbli fl-ekonomija tagħna.  Illum f’Malta, il-kumpaniji żgħar jimpjegaw bejn wieħed u ieħor 60% tan-nies kollha li jaħdmu fis-settur privat.  99% tan-negozjanti Maltin huma żgħar.  Bejn l-2002 u l-2003, in-negozji żgħar għollew il-pagi li jagħtu lill-ħaddiema tagħhom b’rata aktar magħġġla minn negozji kbar.  Kumpaniji li jħaddmu inqas minn 10 persuni huma l-iktar profitabbli minn oħrajn fis-setturi tal-barrieri, manifattura, kostruzzjoni u ħwienet li jbiegħu bl-imnut u l-ingrossa.   

Negozji żgħar igawdu minn flessibiltà kbira minħabba id-daqs tagħhom.  Din il-flessibiltà hija ferm importanti illum hekk kif qed ngħixu f’dinja fejn il-kompetizzjoni qed iġġiegħel lil kull kumpanija biex kontinwament itejjeb il-prodotti u s-servizzi li toffri sabiex tibqa’ kompetittiva.  Il-kompetizzjoni qeda wkoll twassal sabiex il-kumpaniji jiffukaw fuq niċeċ speċifiċi biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ klienti partikolari li huma kuntenti jħallsu aktar sabiex ikollhom dak li tixtieq qalbhom.  Il-kumpaniji żgħar huma mportanti sabiex jaqdu dawn in-niċeċ partikolari li huma profittabbli ħafna.   

F’dan l-isfond huwa mportanti li aħna flimkien noħolqu ambjent fejn dawn in-negozji żgħar jkunu jistgħu jkomplu jinħolqu u jipprosperaw.  Huwa mportanti li l-individwu li jsib il-kuraġġ ġewwa fih li jieħu riskju sabiex jesprimi l-kwalitajiet tiegħu b’mod indipendenti f’negozju żgħir jsib il-wens u mhux it-tfixkil minn naħa tal-Gvern. 

Għandna bżonn gvern li kapaċi jifhem il-bżonnijiet ta’ l-intrapriżi żgħar u kif ukoll ikun kapaċi jieħu d-deċizjonijiet meħtiega sabiex dawn in-negozji ikunu jistgħu jkattru l-ġid fl-ekonomija tagħna.  Intom li qedin hawn għal din il-preżentazzjoni dwar l-istatisika fuq negozji żgħar u self employed, tridu tkunu minn ta’ l-ewwel li tifhmu li intom dmirkom huwa li tkunu ta’ servizz għall-ħtiġijiet ta’ min qiegħed fin-negozju filwaqt li taraw li tkunu mill-iżjed flessibbli biex tissimplifikaw il-proċeduri tal-ħidma tagħkom u għalhekk tnaqqsu il-burokrazija żejda.   

Negozji żgħar ikollhom ovvjament ftit riżorsi umani fuqiex iduru.  Għalhekk l-aktar ħaġa frustranti għal dawn in-negozjanti huwa li jsibu quddiemhom ħajt għoli ta’ karti, formuli, spejjeż u ġiri minn naħa għal oħra sabiex jinqdew mill-Gvern.  Kull ħaddiem mill-għola sa l-inqas saff taċ-ċivil li jkollu x’jaqsam man-negozju għandu jew għandha tifhem li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jaqdu lis-settur kummerċjali jekk jista’ jkun, illum qabel għada u bl-anqas xogħol u spejjeż possibbli ghan-negozjant.   

Dan il-Gvern ħabrek sabiex malli l-poplu reġa’ tah il-mandat biex jiggverna, iwaqqaf mill-ewwel struttura li tħajjar l-investiment li taħdem tassew, avolja jkolli ngħid, bi kritika kontinwa mill-Oppożizzjoni li ma għarfux, għallinqas fuq din il-kwistjoni, li jogħlew ’l fuq minn politika partiġġjana. It-twaqqif tal-Malta Enterprise serva sabiex inħollu lin-negozji tagħna mill-kobba mħabbla ta’ burokrazija li kien iħossu fiha investitur li lanqas biss kien jaf liema bieb jrid iħabbat hekk kif kulħadd beda jibgħatu mingħand Kajfa għal għand Pilatu.   

Malta Enterprise trid tkun mudell ta’ aċċessibilta’ għan-negozji anki għal istituzzjonijiet oħra li jaqdu dan is-settur.  Irridu li Malta Enterprise tinfluwenza istituzzjonijiet oħra sabiex jkollna moviment sħiħ miexi fl-istess direzzjoni u kulħadd ikun jaf liema naħa irridu mmorru w is-settur kummerċjali jkun moqdi dejjem aħjar.   

Fis-servizzi finanzjarji għandna lill-Malta Financial Services Authority li ser taħdem sabiex ukoll tgħin in-negozji li jkollhom x’jaqsmu magħha joħorġu mill-kobba tal-burokrazija kif ukoll tiproponi misuri sabiex din il-burokrazija titnaqqas.   

L-importanza tan-negozji żgħar toħroġ ukoll mill-fatt li huma n-negozji ż-żgħar li mbagħad isiru kbar.  Jekk ma jkollokx kumpaniji żgħar jiftħu mhux ser jkollok negozji kbar fil-futur.  Għalhekk huwa l-għan tal-Gvern li mhux biss ma jxekkilx in-negozji ż-żgħar iżda anki jgħinhom jikbru.  Sabiex negozju jikber jinħtieġ li l-ewwelnett ikun fuq quddiem kemm jista’ jkun dwar l-iżviluppi li qed jseħħu fis-settur tal-prodott jew servizz mibjugħin sabiex ikun jaf x’inhuma l-opportunitajiet kif ukoll it-tedditiet li jistgħu joħorġu minn dawn l-iżviluppi.  Jiġifieri n-negozji żgħar għandhom bżonn kontinwu ta’ riċerka sabiex iżommu l-pass ma’ żviluppi ġodda u għalhekk jibqgħu kompetittivi.  Għal dan il-għan kemm il-Malta Enterprise kif ukoll il-Malta Financial Services Authority ser jaħdmu sabiex jgħinu kumpaniji jagħmlu din ir-riċerka mhux biss waħedhom iżda anki b’kollaborazzjoni ma’ negozji oħra li għandhom l-istess interess.   

Ingredjent importanti ieħor fit-tkabbir ta’ negozji żgħar huwa li dawn jsibu klijenti ġodda għas-servizzi jew prodotti tagħhom.  Hekk kif is-suq lokali joffri inqas opportunitajiet għat-tkattir minħabba li aħna żgħar ħafna, huwa mportanti li n-negozji tagħna jsibu swieq ġodda barra minn-Malta.  Id-dħul fl-Unjoni Ewropea sejjer jġib miegħu ferm aktar opportunitajiet ta’ negozju mhux biss ma’ pajjiżi membri ma’ Unjoni Ewropea iżda anki ma pajjiżi oħra li l-Unjoni Eworpea għandha ftehim speċjali magħhom.  Fost dawn hemm pajjiżi Mediterranji li għadhom lura fl-iżvilupp ekonomiku tagħhom u għalhekk hemm ħafna opportunitajiet ġodda għal negozju.  In-negozji tagħna għandhom mhux biss jaħtfu dawn l-opportunitajiet huma imma anki jgħinu lil kumpaniji sħabhom Ewropej jippenetraw dawn is-swieq.  Għalhekk l-Malta Enterprise ser tkompli taħdem ukoll sabiex tgħin kumpaniji lokali jsibu swieq ġodda għal prodotti u servizzi tagħhom.   

Problema oħra tan-negozji żgħar hija li ma jistgħux jieħdu vantaġġ minn tnaqqis ta’ spejjeż li jgawdu minnhom negozji kbar, jew kif inhuma magħrufa economies of scale, minhabba d-daqs tagħhom. F’Malta hemm diversi setturi fejn il-frammentazzjoni riżultat f’kumpaniji li ma setgħux jikkompetu minħabba l-ispejjeż tagħhom.  Xi kumpaniji setgħu ukoll qatgħu qalbhom li jixtru xi biċċa makkinarju jew li jidħlu għal proġett kbir.  Għalhekk il-Malta Enteprise għandha l-għan ukoll illi ġġib aktar flimkien in-negozji sabiex lkoll flimkien ikunu jistgħu jidħlu għal inizjattivi ġodda bħal investiment f’makkinarju, proġett kbir jew jixtru materja prima bi prezz irħas.  Inizjattivi li jekk ma jikkollaborawx ma’ kumpaniji oħra ma jkunu qatt jistgħu jwettqu għad-detriment ta’ l-ekonomija u mpiegi lokali. Malta Enterprise tista’ anki tgħin ukoll sabiex negozji jsibu fornituri u klijenti fost il-kumpaniji lokali stess.   

Sar ħafna xogħol biex jittejjeb l-aċċess għal finanzi għal intrapriżi żgħar tagħna li jsibuha aktar diffiċli minn negozji kbar biex jissellfu minn banek minħabba li ma jkollhomx mezzi biex jagħtu garanziji.  Din il-problema tinsab l-iktar fost in-nisa li jkunu jixtiequ jiftħu negozju iżda ma jkollhomx assi minħabba li jkunu waqfu jaħdmu sabiex ikabbru familja u żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew id-dinja.  Aħna nipprovdu garanziji fuq is-self iżda llum għandna ukoll forom ġodda ta’ finanzi bħal ‘venture capital’ u ‘business angels’ fejn bażikament intrapriża tiġi ffinanzjata minn impreditur minflok bank.  Madanakollu dawn għadhom mhux maturi f’Malta u irridu naħdmu biex tassew dawn in-nies li jipprovdu mezzi importanti ta’ finanzjament ikunu mħajra jinvestu f’Malta.  Iżda irridu ukoll inħajru imprendituri żgħar Maltin iffittxu dawn it-tip ta’ finanzi.  Ovvjament hemm bżonn ukoll li nikkrejaw forom ġodda ta’ finanzjament bħal ‘microfinance’.  Hija prijorità għalina li nikkrejaw aktar opportunitajiet ta’ finanzjament għan-negozji tagħna.   

Huwa mportanti ukoll li n-negozji tagħna jaħdmu ukoll sabiex jieħdu l-akbar vantaggi possibbli minn sħubija fl-Unjoni Ewropea billi anki jagħmlu mezz li jieħdu sehem fi programmi tal-UE.  Il-Gvern ser jaħdem ukoll biex jiffaċilita kemm jista’ jkun l-aċċess għal dawn il-fondi.  Dawn il-programmi qedin hemm għal kulħadd iżda hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minnha li jipprova jieħu vantaġġ minnhom.  Hemm ħafna xogħol xi jsir sabiex Malta verament tkun fuq livell ugwali jew aħjar minn pajjiżi digà membri fl-Unjoni Ewropea.  Kulħadd jaf fiċ-ċokon tal-ħajja tiegħu jew tagħha x’hemm bżonn u bi ftit kuraġġ u perseveranza, jekk kulħadd jagħmel il-pass zgħir tiegħu ’l quddiem, Malta jirenxxilha tagħmel passi ta’ ġgant.   

Fl-aħħarnett nixtieq nenfasizza l-bżonn ta’ kollaborazzjoni sinċiera mal-imsieħba soċjali kollha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku sabiex nieħdu deċizjonijiet serji li ma nistgħux nipposponu aktar, għax qed jaffetwaw ħażin il-kompetittività tas-setturi ekonomiċi tagħna, u għalhekk l-għixien tagħna lkoll.  Deċiżjonijiet li jekk ma jittieħdux jipperikolaw l-abiltà tal-Gvern li jkun jista’ jagħti lqugħ ta’ wens anki ħmistax-għoxrin sena oħra, biex ħadd ma jibqa’ lura. Deċiżjonijiet li qed insejħu Patt Soċjali Gdid.   

Jiena nemmen li flimkien b’sehem żgħir minn kulħadd, u mhux paroli u recti, nistgħu naslu biex verament intejbu s-sitwazzjoni tan-negozju żgħir tagħna u naslu fi stat fejn ħadd ma jaqta’ qalbu li jibda negozju għal rasu. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow