IŻ-ŻGĦAŻAGĦ: MILL-ISKOLA GĦAD-DINJA TAX-XOGĦOL
"Aktar ma jgħaddi ż-żmien in-numru ta` żgħażagħ li jkomplu bl-istudji tagħhom aktar qed jiżdied. Statistika turi li hemm madwar 3,500 student jirċievu taħriġ vokazzjonali, 5,000 oħra jistudjaw suġġetti ġenerali fil-livell post-sekondarju filwaqt li hemm aktar minn 7,500 student ‘full-time’ fl-Universita`." Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea meta indirizza forum ta` riċerka mtella` mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ dwar iż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol.
F’dan il-forum ġew diskussi l-esperjenzi taż-żgħażagħ hekk kif jispiċċaw mill-iskola u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministru Galea qal li dan is-suġġett huwa wieħed ta` importanza kbira mhux biss għax jolqot direttament liż-żgħażagħ, imma għax jgħaqqad b’mod dirett żewġ fatturi kruċjali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li jinkludi x-xogħol u t-taħriġ.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni spjega kif għal dawk l-istudenti li għal xi raġuni jew oħra kellhom bżonn ta` għajnuna speċjali, il-Gvern qed jiżviluppa l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, is-servizz tal-Complementary Education, u d-Dyslexia Unit biex flimkien jagħtu l-għajnuna meħtieġa lil dawk l-istudenti li għandhom diffikulta` fil-litteriżmu. L-Onor. Galea sostna li aktar ma nnaqqsu l-illiteriżmu aktar ntejbu l-possibilta` li ż-żgħażagħ isibu xogħol li jagħtihom sodisfazzjon.
Il-Ministru Galea sostna li l-ħidma tal-Gvern ma waqfitx hawn. It-taħriġ fil-livell post-sekondarju kompla jissaħħaħ bit-twaqqif tal-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Teknoloġija. Dan il-Kulleġġ illum jinkorpora disa` Istituti wara li din is-sena infetħu tlett istituti ġodda: l-Istitut tas-Servizzi fil-Komunita`, l-Istitut ta` l-Inġinerija Mekkanika u l-Istitut ta` l-Agrikummerċ. Din is-sena 600 student iggradwaw mill-Kulleġġ. Issa l-Kulleġġ qiegħed joffri wkoll korsijiet ġodda li jwasslu għall-Higher National Diploma, livell wieħed biss ’il bogħod minn Degree ta` l-Universita`.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qiegħda kull ma tmur ittejjeb is-servizzi tagħha. Is-sena li għaddiet il-Korporazzajoni irnexxiela tħarreġ madwar 2,500 żagħżugħ u żagħżugħa f’korsijiet li jvarjaw minn taħriġ marbut ma` snajja’ partikolari sa taħriġ ieħor bħal dak tal-kompjuters, tmexxija t’ażjendi u korsijiet varji oħra. Madwar 1,500 żagħżugħ u żagħżugħa għamlu użu mill-iskemi ta` l-apprendistat immexxija mill-Korporazzjoni, filwaqt li numru konsiderevoli ta` żagħżagħ ipparteċipaw fl-iskemi ta` xogħol u taħriġ.
Is-sena li għaddiet il-Korporazzjoni irnexxiela issib xogħol lil 2,057 żagħżugħ u żagħżugħa. Dawn iż-żagħżagħ għamlu użu mit-taqsima mwaqqfa apposta fi ħdan il-Korporazzjoni biex jagħti l-għajnuna meħtieġa liż-żgħażagħ mingħajr xogħol. Barra minn hekk il-Korporazzjoni qiegħda wkoll tniedi numru ta` proġetti ta` riċerka inkluż sistema ta` profiling tan-nies qiegħda li jirreġistraw magħha biex permezz tagħhom ikollha informazzjoni aktar aġġornata biex tgħin aktar lil dawk kollha li jisfaw bla xogħol.
"Issa qed issir ħidma koordinata biex infasslu Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Impiegi mibni fuq għaxar linji ta` gwida u b’miri stabbiliti sal-2010." Il-Ministru Galea spjega kif il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex permezz tal-Malta Enterprise jinħolqu aktar opportunitajiet ta` xogħol għaż-żgħażagħ, filwaqt li minn naħa l-oħra qed jiġi offrut taħriġ li jaqbel mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol preżenti f'kull livell.
Fil-forum ġie preżentat studju li sar minn Dr. Suzanne Gatt u t-tim tagħha. Dan l-istudju jindika li fl-għaxar snin bejn 1990 u 2000 il-perċentaġġ ta’ dawk li jispiċċaw mill-iskola u jmorru jaħdmu mingħajr ebda taħriġ ieħor naqas bi 12% (minn 31% ghal 19%). Il-Ministru Galea qal li għalkemm in-numru ta’ żgħażagħ li qed ikomplu jistudjaw jew li jirċievu taħriġ qed jiżdied, hemm bżonn li intejjbu s-servizz ta’ Pariri għall-Karrieri u Taħriġ Vokazzjonali (Career and Vocational Guidance). “B’dan l-iskop qed naħdmu biex nirriformaw is-servizz tal-Career Guidance għall-iskejjel Maltin. F’Malta ukoll fil-ġimgħat li ġejjin ser inwaqqfu Euroguidance Forum fejn l-istakeholders ewlenin f’dan il-qasam se jiltaqgħu u jiddiskutu it-titjib tas-servizzi li qegħdin noffru."
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni emfasiza li biex nilqgħu dawn l-isfidi b'suċċess jeħtieġ li jkun hemm il-koperazzjoni ta` kulħadd, żgħażagħ, ġenituri, għalliema, min iħaddem, unjons, għaqdiet u l-Gvern.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en