STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U KOMUNIKAZZJONI DWAR IL-PREZZ TAL-ĦOBŻ MALTI
Dawn l-aħħar ġimgħat kienu kkaratterizzati minn diskussjonijiet fit-tul bejn il-Ministru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni Ċensu Galea u l-Koperattiva tal-Furnara. Id-diskussjonijiet kienu kkonċentrati fuq talba ppreżentata mill-istess Koperattiva biex jiġi aġġustat il-prezz tal-ħobża Maltija.
Din it-talba kienet primarjament magħmula minħabba ż-żieda fil-prezz tad-dqiq magħruf bħala hard wheat, li hu ingredjent prinċipali fl-għaġna tal-ħobża. Il-ħobża Maltija għandha bħala ingredjenti ewlenin żewġ kwalitajiet ta’ dqiq magħruf aħjar bħala hard u soft wheat.
Il-prezz tal-hard wheat żdied b’madwar 60 ċenteżmu f’kull xkora ta’ 50 kilo. It-talba tal-Koperattiva kienet biex din iż-żieda jagħmel tajjeb għaliha l-prezz ta’ kemm tinbiegħ il-ħobża. Waqt il-laqgħat, materji oħra importanti li kienu wkoll diskussi, huma d-daqs tal-ħobza Maltija u l-kwalità tagħha.
Il-Gvern eżamina fid-dettall l-impatt li żieda fuq il-prezz tal-ħobż jista’ jkollu fuq il-konsumatur, iżda fl-istess waqt għaraf li r-realtà ta’ żieda sostanzjali fil-prezz tad-dqiq ma tistax tiġi evitata. Għalhekk kemm il-Gvern, kif ukoll il-Koperattiva tal-Furnara kkonsidraw bis-serjetà li ż-żieda riflessa fuq il-ħobża ma tkunx ta’ dannu, kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bejgħ tagħha.
F’dan il-kuntest, wara qbil bejn il-Gvern u l-Koperattiva tal-Furnara, ġie miftiehem li l-prezz tal-ħobża Maltija jiżdied b’żewġ ċenteżmi (2c) għall-ħobża kbira u ċenteżmu għall-ħobża żgħira. Għalhekk il-price orders li jirregolaw dan is-settur sejrin jiġu aġġustati biex mil-lum it-Tnejn, 27 ta’ Diċembru jirriflettu din iż-żieda.
Il-Gvern hu wkoll determinat li fil-kuntest ta’ l-iżviluppi kummerċjali u kompetittivi li għandna f’pajjiżna, kif ukoll is-suċċess li ġabet magħha l-liberalizzazzjoni ta’ setturi oħra tal-pajjiż, tiġi kkonsidrata bis-serjetà proposta simili għal dan is-settur.
Għalhekk fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Gvern sejjer jiddiskuti u possibilment jiddeċiedi li s-settur tal-furnara jiġi illiberalizzat. Fil-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Diċembru, il-Koperattiva tal-Furnara wriet li taqbel ma’ din il-pożizzjoni tal-Gvern.
Il-proċess tal-liberalizzazzjoni dejjem ġab miegħu livelli ogħla ta’ kwalità għall-konsumatur u valur għall-prezz li jħallas. Għalhekk it-tneħħija ta’ price orders minn fuq il-ħobża Maltija jkun ifisser li l-furnara jistgħu jikkompetu bejniethom fi ħdan suq ħieles u għalhekk ikun l-istess suq li jaġġusta l-prezz tal-prodott tagħhom ikkumplimentat minn kwalità u valur.
B’riferenza għal rapporti li dehru f’ċerti sezzjonijiet ta’ l-istampa, il-Ministeru jinsab sorpriż dwar kif il-Koperattiva tal-Furnara kkumentat, wara li kienet qablet li l-komunikat joħroġ nhar it-Tnejn, 27 ta’ Diċembru.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946