MAGĦŻULA TMIEN PROĠETTI LOKALI TAĦT IL-PROGRAMM KULTURA 2000
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ħabbar li tmien proġetti minn Malta – seba’ minnhom taħt il-kategorija tal-patrimonju – intagħżlu mid-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura taħt il-programm ‘Kultura 2000’.
Il-programm ‘Kultura 2000’ hu wieħed ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea li jappoġġja proġetti ta’ koperazzjoni trans-nazzjonali fl-oqsma kulturali bħal l-arti espressiva, l-arti visiva, l-patrimonju u l-letteratura bl-iskop li jinkoraġixxi kultura li tinqasam bejn il-popli u hekk tressaqhom lejn xulxin filwaqt li tħares d-diversita’ nazzjonali u reġjonali tagħhom.
Matul din is-sena, 233 proġett ikkwalifikaw għal għotjiet, il-parti l-kbira tagħhom jiffukaw fuq il-patrimonju kulturali li hu l-qasam ta’ priorita’ ta’ din is-sena. Bejniethom dawn il-proġetti jikkwalifikaw għal 32 miljun ewro f’finanzjament. Din is-sena qed jipparteċipaw f’dan il-programm 850 operatur kulturali minn 30 pajjiż Ewropew.
Minn dawn il-proġetti 209 huma proġetti annwali ta’ koperazzjoni li jridu bilfors jinvolvu ta’ l-inqas tliet ko-organizatturi fil-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem fil-programmi. Minn dawn il-proġetti 89 huma fil-patrimonju kulturali; sitta fil-patrimonju kulturali f’pajjiżi terzi; 68 fit-traduzzjoni għal lingwi oħra ta’ kważi 400 ktieb; 23 fl-arti espressiva; 13 fl-arti viżiva; 9 f’kotba u qari u proġett għal laboratorji fil-patrimonju kulturali.
Hemm 24 proġett ta’ koperazzjoni mifruxa fuq aktar minn sena li jinvolvu ta’ l-inqas ħames ko-organizzaturi fil-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem. Minn dawn hemm 17-il proġett fil-patrimonju kulturali; tlieta fl-arti espressiva; żewġ proġetti fl-arti viżiva u żewġ proġetti ta’ kotba u qari.
Iż-żewġt ibliet Ewropej tal-Kultura għal 2004, Lille u Ġenova, ingħataw 250,000 ewro għal attivitajiet preparatorji kif ukoll 750,000 ewro oħra għal attivitajiet li qed jittellgħu din is-sena.
Il-programm ‘Kultura 2000’ jippromwovi wkoll koperazzjoni ma’ operaturi kulturali f’pajjiżi terzi fejn din is-sena sitt proġetti ntagħżlu taħt dak il-programm.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li Malta bdiet tibbenefika mill-programm ‘Kultura 2000’ meta kienet għadha pajjiż applikant għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dan għamlitu is-sena l-oħra meta l-Kavallier ta’ San Gakbu – Ċentru għall-Kreattivita’, flimkien ma’ Ċipru u r-Renju Unit daħal għal proġett bi sħab fil-qasam ta’ l-arti espressiva. Hu qal li din is-sena ntagħżlu tmien proġetti b’parteċipazzjoni ta’ organizazzjonijiet Maltin. Hu qal li seba’ minn dawn il-proġetti jaqgħu taħt il-kategorija tal-patrimonju, li wieħed minnhom bit-tema ‘The Significance of Cart-Ruts in Ancient Landscapes’ kellu lil ‘Heritage Malta’ bħala Project Leader. Il-Ministru Francis Zammit ħabbar li l-Kummissjoni Ewropea kienet se tikkontribwixxi madwar 2,115,721 ewro għat-tmien proġetti.
“Huwa inkoraġġanti ħafna li minn 233 proġett kulturali Ewropej tmienja minnhom huma minn Malta . Dan jindika l-interess li hawn għal dawn il-proġetti maħsuba biex jsostnu d-diversita’ kulturali fl-Unjoni Ewropea. Jindika wkoll li l-Maltin kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet li jeżistu fl-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech. Hu żied jappella lil dawk kollha li għandhom talenti biex jersqu ’l quddiem u jagħmlu kull użu minn dawn il-programmi li jagħtuhom il-possibilita’ li jitkejjlu ma’ artisti fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għall-perijodu 2007-2013 l-Unjoni Ewropea qed tipproponi programm ta’ ftit aktar minn 400 miljun ewro li għandu jikkonċentra fuq tliet prioritajiet: il-mobilita’ ta’ artisti u ħaddiema kulturali, mobilita’ ta’ xogħlijiet u djalogu inter-kulturali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946