MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, LILL-MALTIN U GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn pajjiżna.
Huwa pjaċir tiegħi li, għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta, qiegħed inwasslilkom l-awgurji tiegħi għal dan iż-żmien sabiħ tas-sena. Huwa żmien li jġib miegħu sentiment partikulari għalina l-Maltin. Tifkira ta’ ġrajja mill-aktar importanti fir-reliġjon tagħna, ġrajja minsuġa ma’ l-identità tagħna u għalhekk parti integrali mill-istil ta’ ħajja li ngħixu f’dawn iż-żminijiet.
Intom li tgħixu ‘l bogħod minn din il-gżira forsi tifhmu b’mod aktar ċar x’infissru meta ngħidu identità. Dawk il-karatteristiċi li jiddistingwu lilna l-Maltin minn popli oħra, intom tistgħu tħossuhom u tapprezzawhom forsi aktar minna li qegħdin Malta. Wieħed minn dawn il-karatteristiċi huwa l-valur tal-familja li jien tkellimt dwaru kemm-il darba u ma nistax nonqos milli nitkellem dwaru f’dan iż-żmien tas-sena. Intom stess tagħtu prova ħajja ta’ xi tfisser il-familja għal dan il-poplu għaliex kontinwament tesprimu r-rabta mal-familjari tagħkom b’diversi modi; f’dan iż-żmien permezz ta’ ittri u kartolini jew saħansitra billi tiġu intom stess sabiex taraw lil qrabatkom meta dan ikun possibbli. Li ngħożżu dan il-prinċipju tal-familja huwa indispensabbli għalina lkoll, kemm bħala individwi u kemm bħala nazzjon. Minn dan il-prinċipju nistgħu biss nibbenefikaw kemm moralment, soċjalment, kif ukoll ekonomikament.
Ta’ spiss ikolli l-opportunità li nikkomunika ma’ uħud minnkom anke permezz ta’ talbiet li sikwit nirċievi sabiex ningħaqad magħkom għal xi anniversarju ta’ assoċjazzjoni li intom stess tkunu waqqaftu. Mhux dejjem ikun possibbli li ningħaqad magħkom minħabba d-diversi impenji li jkolli u li jillimitawli ferm il-ħin tiegħi iżda dejjem nagħmel ħilti li nwassal il-messaġġ tiegħi u li ningħaqad magħkom fl-ispirtu. Nieħu l-opportunità biex inħeġġiġkom iżżommu dan il-kuntatt għaliex huwa proprju dan li jżommna viċin xulxin u li jsostni l-għeruq komuni li jgħaqqduna.
Jiena persważ li intom konxji mill-proċess ta’ bidla kontinwa li pajjiżna għaddej minnu. Pajjiżna, gżira żgħira f’nofs il-Mediterran, sa mill-qedem benniena ta’ diversi kulturi, issa huwa minn kull aspett parti mill-kontinent Ewropew. Dan jimplika li pajjiżna jrid kontinwament jirrispondi bl-aħjar mod possibbli għall-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha din il-bidla. Huwa proprju dan, il-proġett tagħna lkoll bħalissa; li nġeddu pajjiżna flimkien sabiex flimkien ingawdu mill-progress li qiegħed iseħħ madwarna u fl-istess ħin nagħtu l-kontribut sħiħ tagħna matul dan l-iżvilupp. Id-distanza m’għandhiex twaqqaf lilkom milli tkunu parti minn dan il-proċess ta’ tiġdid għaliex tafu li intom ukoll għadkom ċittadini ta’ Malta kif ukoll ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dak li jwassalna għas-suċċess mixtieq, ħafna drabi jitlob minna rutina ta’ xogħol u impenn kontinwu li forsi jbegħduna xi ftit minn bżonnijiet aktar immedjati. Minn qalbi nawgura li, b’mod partikulari f’dan iż-żmien, issibu aktar ħin għalikom innifiskom u għall-familji tagħkom. Nixtiqilkom saħħa, hena u ħafna risq għas-sena l-ġdida.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946