IMNIEDI POSTER LI JIPPROMWOVI L-ĦARSIEN TA’ L-ANNIMALI
“It-tnehdija tal-poster li jippromwovi l-ħarsien ta’ l-annimali hija ħolqa oħra mill-katina ta’ inizjattivi edukattivi li qed nieħdu biex nippromwovu kemm dan is-suġġett kif ukoll l-ambjent b’mod ġenerali.”
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt attivita’ li saret fl-iskola primarja Santa Bernardetta f’San Ġwann u li matulha kien imniedi poster b’tema dwar ħarsien ta’ l-annimali f’dawn il-jiem ta’ festi.
Minbarra l-poster, li sar b’kollaborazzjoni mal-Progress Press, il-Ministeru nieda wkoll spot edukattiv fuq it-televiżjoni u fil-futur se jittieħdu aktar inizjattivi fuq bażi regolari. Il-Ministru Pullicino qal li l-għajnuna tas-settur privat hija importanti. Hu appella biex kumpaniji u organizzazzjonijiet privati jidħlu għal inizjattivi bħal dawn.
Hu tenna li kemm is-suġġett ta’ trattament xieraq ta’ l-annimali kif ukoll is-suġġett ta’ l-ambjent b’mod ġenerali mhumiex responsabbilta’ tal-Gvern biss imma ta’ kulħadd.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex isaħħaħ il-liġijiet f’dan ir-rigward. Il-Kunsill għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali (Animal Welfare Council) twaqqaf madwar sena ilu skond l-Att dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali. Il-Kunsill approva għadd ta’ regolamenti dwar suġġetti speċifiċi ta’ trattament ta’ l-annimali. Ħafna minn dawn kienu traspożizzjoni ta’ regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Kunsill fih rappreżentanza minn gruppi li jaħdmu favur l-annimali u gruppi li jirrapreżentaw l-użu ta’ l-annimali fl-isport. Il-Kunsill ħatar ukoll numru ta’ sotto kumitati li jispeċjalizzaw f’oqsma differenti bħalma huma l-annimali abbandunati, żwiemel, ħwienet li jbiegħu pets etc.
Dan il-Kunsill ħejja linji gwida għal premju annwali li għandu l-għan li jippromwovi l-ħarsien ta’ l-annimali. Dan l-award se jsir wara li l-Ministeru ħa s-suġġeriment li tressaq f’ġurnal lokali.
Il-Ministru George Pullicino appella lid-diversi għaqdiet u gruppi ta’ volontarji li jagħtu tant ħin biex ikomplu jaħdmu biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom.
Il-Ministru George Pullicino faħħar lis-sezzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li tippromwovi t-trattament xieraq ta’ l-annimali.
Matul l-attivita’ ta’ dalgħodu ħadu sehem tfal mill-iskola primarja ta’ San Ġwann u saru diskorsi mid-Direttur Student Services and International Relations tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u mill-Kap ta’ l-Iskola.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946