IL-MINISTERU TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN JISTĦARREĠ ALLEGATI ABBUŻI FL-AMBAXXATA TA’ MALTA F’BEIJING
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-vot finanzjarju tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin nhar it-Tnejn filgħaxija, l-Onorevoli Leo Brincat allega li jidher li hemm diplomatiku Malti fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing li allegatament huwa mdaħħal f’irregolaritajiet u favoritiżmu fil-ħruġ ta’ Visas għal studenti Ċiniżi ta’ l-Ingliż u li allegatament dan id-diplomatiku huwa in kollużjoni ma’ travel agent partikolari Ċiniża.
Waqt id-diskors tiegħu, l-Onorevoli Brincat għadda kopja fotostatika tal-business card ta’ persuna Ċiniża lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Dr Michael Frendo.
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin għadda transcript ta’ dak li allega l-Onorevoli Brincat flimkien mal-kopja fotostatika tal-business card tal-persuna Ċiniża lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin b’istruzzjoni miktuba biex tgħaddihom lill-Pulizija għall-investigazzjonijiet tagħha.
L-istess miżura kienet ġiet adottata mill-Ministru Frendo meta ġimgħat ilu kienet waslet ittra anonima fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin dwar l-ipproċessar tal-Visas għal ċittadini Ċiniżi mill-Ambaxxata Maltija f’Beijing.
Sa’ issa l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin għadu ma rċieva l-ebda riżultati mill-Pulizija dwar dan il-każ.
Diversi xhur ilu f’risposta għal Mistoqsija Parlamentari li saret mill-Onorevoli Brincat dwar dan is-suġġett, il-Ministru Frendo kien talab lill-Onorevoli Brincat biex jgħaddilu kull informazzjoni li għandu dwar din il-materja.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946