JINQABDU MAD-DISA’ MILJUN SIGARETT FALZ TAD-DITTA MARLBORO
Ix-xogħol metikoluż li qed jagħmlu l-Uffiċjali tad-Dwana minn diversi taqsimiet komplew iħallu effett tajjeb fuq ġarr ta’ merkanzija b'marki ta’ ditti foloz. F'dawn l-aħħar ġranet Uffiċjali tad-Dwana mill-Monitoring Unit tal-Freeport kienu qed jinvestigaw u jivverifikaw dokumenti relatati ma’ container ta’ 40 pied li kien ġej mil-Lvant Imbiegħed destinat għall-Ewropa. L-ewwel suspetti tad-Dwana qamu meta l-Container Monitoring Unit iddeċidiet li dan il-container jigi skanjat mill-VACIS (Vehicle and Container Inspection System).
Kmieni dal-għodu id-Dwana setgħet tikkonferma li dan il-container kien qed iġorr merkanzija li ma kienetx skond il-Bill of Lading u għalhekk iddeċidiet li zzomm dan il-container f'Malta għal aktar stħarriġ.
Meta llum wara nofs in-nhar dan il-container ġie miftuħ minn Uffiċjali tad-Dwana mit-taqsima ta’ l-Infurzar irrizulta li dan il container kien qed iġorr kwantità kbira ta’ sigaretti tad-ditta Marlboro. B'kollox kien hemm 865 kaxxa bl-għaxart elef sigarett kull kaxxa(8.65 miljun) u 27 kaxxa għamara tal-ġnien. Dan minkejja li l-Bill of Lading kien hemm dikjarat 891 kaxxa Għamara tal- Ġnien (Garden furniture).
Irriżulta li fl-ewwel indana tal-container kien hemm effetivament 'għamara tal-ġnien' li iżda kienet fil-container biss sabiex taħbi l-kumplament tal-merkanzija -- s-sigaretti. Dawn is-sigaretti nstab ukoll li kienu foloz (counterfeit) u għalhekk ġew ikkonfiskati mid-Dwana taħt il-liġi ta’ “Intellectual Property Rights Act".
Din il-konfiska kbira ta’ sigaretti foloz waslet ftit gimgħat biss wara li d-Dwana irnexxiela taqbad żewġ containers ta’ l-40 pied: wieħed bi ħwejjeġ foloz tad-ditta NIKE u l-ieħor bi spare parts tad-ditta PEUGEOT. Organizzazzjonijiet internazzjonali bħall World Customs Organisation u l-Anti Fraud Office ta’ l-Unjoni Ewropea ġew infurmati b'din il-qabda kbira mid-Dwana Maltija.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946