TWEĠIBA MILL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI DWAR L-INĠAĠĠ TA’ SERVIZZI TA’ INĠINIER FL-F.T.S.
Kuntrarjament għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Dr. Louis Galea, kien korrett jgħid, f’ittra pubblikata fil-ġurnal KULĦADD f’Novembru 2003, li sew hu kif ukoll l-FTS kellhom l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi għall-ingaġġ tas-servizzi ta’ l-Inġinier Emmanuel Farrugia.
Infatti fit-12 ta’ Settembru 2003 is-Sur Alfred Rizzo, rappreżentant tal-Ministru tal-Finanzi fuq il-Bord ta’ l-FTS, informa lill-Ministru Louis Galea li l-Ministru tal-Finanzi, dak iż-żmien s-Sur John Dalli, kien approva l-ingaġġ mill-FTS tas-servizzi ta’ l-Inġinier Farrugia. Kif jitolbu r-regolamenti, l-kondizzjonijiet tal-kuntratt, inkluż il-ħlas, ukoll ġew stabbiliti bl-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi u dan qabel ma’ l-Inġinier Farrugia beda jagħti s-servizz tiegħu lill-FTS f’Settembru, 2003.
L-ittra tal-15 ta’ Ġunju, 2004, taċ-Chairman ta’ l-FTS lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi kienet sempliċement qed titlob li dak li kien ilu jiġi diskuss minn Ġunju 2003 u approvat sat-12 ta’ Settembru 2003, jiġi formalizzat fil-kuntratt, kif fil-fatt sar.
Għaldaqstant mhux veru dak li qed tgħid l-Oppozizzjoni li t-talba biex l-Inġinier Farrugia jkun ingaġġat mal-FTS saret tmien xhur wara l-ittra ta’ Louis Galea fil-KULHADD ta’ Novembru 2003.
L-Inġinier Farrugia ta s-servizzi tiegħu lill-FTS għal sena bejn Settembru 2003 u Ottubru, 2004. L-Oppożizzjoni lanqas mhi qed turi serjeta’ meta tikkritika r-rata ta’ ħlas approvata għall-Inġinier Farrugia, residenti barra minn Malta , u tqabbel dan il-ħlas ma’ dak ta’ Periti residenti f’Malta li qed iservu fis-settur pubbliku. Kull min jaħdem fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat jaf,. li r-rata ta’ ħlas għal servizzi ta’ konsulent bħall-Inġinier Farrugia hija mhux biss normali iżda raġjonevoli. Huwa dan in-nuqqas ta’ serjeta` li jherri l-kredibilita` ta’ min jagħmel kritika bħal din.
Għal benefiċċju ta’ l-editur ta’ It-Torċa, il-Ministru Galea jfakkar li l-fatti dwar il-parentela huma: L-Inġinier Farrugia huwa t-tifel tat-tifla tat-tieni mara tan-nannu ta’ missier il-mara ta’ Louis Galea. Missier il-mara ta’ Louis Galea huwa it-tifel ta’ l-ewwel mara li kellu nannuh!
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946