Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GEORGE PULLICINO JĦEĠĠEĠ GĦAL AKTAR KONSULTAZZJONI MILL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

PR1872
Date Icon 06/12/2004

”Fi spirtu kostruttiv ngħid li forsi kien ikun aħjar li kieku saret konsultazzjoni dettaljata mal-MEPA, qabel ma’ l-abbozz tad-dokument ’Access for all design guidelines’ jiġi sottomess għall-konsultazzjoni pubblika.  Il-konsultazzjoni mal-MEPA hija essenzjali għaliex kwalunkwe tibdil fil-proċeduri tal-Kummissjoni jista’ jkollu effett ukoll fuq il-proċeduri tal-MEPA.  Għall-istess raġuni, nirrikkomanda wkoll li ssir konsultazzjoni dettaljata mal-Kamra tal-Periti, f’każ li dan għadu ma sarx.”   

Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino f’diskors li għamel waqt il-konferenza konsultattiva dwar l-abbozz ta’ dokument ’Access for all design guidelines’ organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà fil-lukanda Waterfront, il-Gżira.  

Il-Ministru Pullicino qal li meta tkun regolatur, dejjem issib x’wieħed jista’ jtejjeb fil-kriterji li fuqhom wieħed jibbaża l-ġudizzju tiegħu.  Din il-konsultazzjoni hija xhieda tar-rieda tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà li dejjem ittejjeb il-linji ta’ gwida tagħha b’tali mod li tilħaq l-oġġettivi tagħha filwaqt li l-pubbliku jinqeda aħjar.   

George Pullicino qal li japprezza ħafna x-xogħol tal-Kummissjoni, kemm bħala politiku  kif ukoll bħala ċittadin.  Hu żied jgħid li bħala politiku, li jiltaqa’ man-nies b’mod regolari, kellu diversi lmenti fuq il-mod kif il-liġi dwar l-opportunitajiet indaqs u li tirrikjedi aċċess totali għall-bini qed tiġi implimentata.  Hu qal li l-liġi taħseb għall-possibiltà fejn sid ta’ proprjetà ma jkunx marbut li jipprovdi aċċess sħiħ meta jirriżulta li jkun hemm diffikultajiet kbar, tekniċi jew finanzjarji, biex dan l-aċċess jiġi pprovdut.   

George Pullicino qal li fl-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni mhix qed timplimenta din il-parti tal-liġi, bil-mod kif kien maħsub fit-twaqqif tagħha.    Hu qal li minkejja li jidher ċar li ma jkunx possibbli li jiġi pprovdut aċċess sħiħ, il-Kummissjoni f’ċerti każi tibqa’ tinsisti biex dan l-aċċess jiġi pprovdut. 

Il-Ministru George Pullicino qal li hu meħtieġ li r-reviżjoni ta’ dawn il-linji ta’ gwida jagħtu aktar każ tal-ħtieġa li applikant jingħata l-aħjar servizz possibbli. Dan ifisser li jieħu risposta f’ħin raġjonevoli u li d-deċiżjoni li tittieħed tkun ġustifikata u bbażata fuq kriterji ċari u raġjonevoli.   

George Pullicino tenna li r-responsabbiltà ta’ kull regolatur mhix limitata biss għal xi liġi jew regolament partikolari.  Hu għandu responsabbiltà wkoll lejn il-klijent.  Dan japplika kemm għall-Kummissjoni, għall-MEPA u għal kull aġenzija pubblika li għandha r-rwol ta’ regolatur.  

Hu qal li l-liġi ma’ tpoġġi l-ebda obbligu fuq il-MEPA biex tirregola l-aċċess għall-binjiet. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-iżviluppatur biex jipprovdi l-aċċess u fuq il-Kummissjoni bħala regolatur.  Il-MEPA daħlet għal din il-biċċa xogħol biex jiġi żviluppat il-kunċett tal-one stop shop u biex il-klijent jinqeda aħjar. Pullicino wera t-tama li bir-reviżjoni li qed tkun proposta jonqsu l-ilmenti li qed jiġu ndirizzati lejn il-MEPA, li ħafna drabi tispiċċa ġġorr is-salib ta’ kulħadd.   

Il-Ministru George Pullicino qal li minbarra li hemm x’jiġi mtejjeb, huwa minnu wkoll li hemm ħafna bini ġdid li llum għandu aċċessibiltà sħiħa grazzi għal-liġi u l-linji ta’ gwida kif ukoll għax-xogħol siewi tal-Kummissjoni.   Dan joffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll għal persuni oħra li l-mobbilità tagħhom hija b’xi mod ristretta, bħalma huma l-anzjani u l-ġenituri bil-pushchairs.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow