L-EDUKAZZJONI INKLUSSIVA U SPEĊJALI TAĦT IL-LENTI
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea ħatar grupp ta’ ħidma biex jevalwa u jirraporta dwar is-sitwazzjoni fis-settur ta’ l-edukazzjoni inklussiva u speċjali u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma li hemm bzonn f’dan il-qasam. Il-Ministru nieda din l-inizjattiva fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità li jiġi ċelebrat fit-3 ta’ Diċembru.
Il-Grupp ta’ ħidma se jitmexxa mill-ex-Ministru tal-Finanzi s-Sur Lino Spiteri M.A. (Oxon). Il-membri tal-grupp huma: is-Sur George Borg B.A., Dip. Ed. SEN, M. Ed. SEN (Aberdeen), is-Sin. Anne Marie Callus M. Ed (Wales), is-Sur Joseph Cauchi B.A. (Hons), M.Ed., u s-Sin. Micheline Sciberras Dip. YS., B. Ed (Hons), M.A. (Durham). Il-Policy Unit tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni se jkun qed jappoġġja lill-grupp fil-ħidma tiegħu.
Waqt li kien qed jippreżenta lill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma, il-Ministru spjega kif l-edukazzjoni inklussiva tipprovdi ambjent edukattiv fejn persuni b’diżabilità u dawk mingħajr diżabilità jistgħu jitgħallmu flimkien idealment fi skejjel regolari madwar Malta u Għawdex. Mill-banda l-oħra l-edukazzjoni speċjali tingħata lil dawk l-istudenti li minħabba t-tip ta’ diżabilità li għandhom, jeħtieġu servizz edukattiv speċjalizzat u addattat għall-bżonnijiet ta’ l-individwu.
Il-liġi dwar l-edukazzjoni li saret fl-1988 tgħid li hu d-dmir ta’ l-istat li jipprovdi skejjel għall-istudenti li għandhom bżonnijiet edukattivi speċjali filwaqt li fis-sena 2000 bl-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs, il-persuni b’diżabilità ngħataw id-dritt għal opportunitajiet indaqs f’kull qasam, inkluż fl-edukazzjoni.
Il-Ministru spjega kif fid-disgħinijiet bdejna nimplimentaw il-kunċett ta’ l-edukazzjoni inklussiva. In-numru ta’ studenti b’disabilità li bdew jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji żdied kull sena, filwaqt li n-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel speċjali naqas ħafna. Dan fisser li l-iskejjel speċjali setgħu joffru servizz aktar speċjalizzat u indivdwalizzat milli setgħu jagħmlu qabel. Il-Kurrikulu Nazzjonali tas-sena 2000 jagħmel emfasi fuq il-bżonn li l-edukazzjoni inklussiva tkun prinċipju li jiggwida lill-edukaturi f’kull saff tas-sistema. Fl-istess sena 2000 il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ppublika l-politika tiegħu dwar l-edukazzjoni inklussiva.
Illum f’pajjiżna għandna ħames skejjel speċjali li fihom jattendu mal-265 student. F’dawn l-iskejjel hemm madwar 120 għalliem, facilitator u kindergarten assistants/supply kindergarten assistants. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni toffri wkoll servizz ta’ edukazzjoni fid-djar għal dawk l-istudenti b’diżabilita’ li jkunu morda kronikament u għalhekk ma jkunux jistgħu jattendu l-iskola. Hemm ukoll servizz ta’ għalliema peripatetiċi għal studenti li huma nieqsin mid-dawl u mis-smigħ.
Servizz ieħor li toffri d-Diviżjoni hu dak ta’ l-edukazzjoni komplementari li hu mmirat lejn studenti li jkunu qed jaqgħu lura fl-iżvilupp edukattiv tagħhom. L-istudenti li jqattgħu żmien twil l-isptar wkoll jingħataw servizz edukattiv permezz ta’ klassijiet fl-isptar stess. Minbarra dan kollu hemm is-servizz li joffru l-facilitators lil dawk l-istudenti b’diżabilità li jattendu l-iskejjel regolari, servizz li żviluppa sew f’dawn l-aħħar snin.
Bħalissa hemm madwa 770 facilitator li qed joffru s-servizzi tagħhom lil ftit anqas minn 1000 studenti li jattendu fi skejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex, u 380 student ieħor li jattendu fl-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti.
Filwaqt li rrikonoxxa l-iżviluppi li seħħew, il-Ministru Louis Galea sostna l-bżonn li dan is-settur ikompli jiżviluppa. Hu qal li l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom tjieb b’mod sostanzjali fl-aħħar snin filwaqt li bħala poplu qed nifhmu aktar u napprezzaw il-valur ta’ edukazzjoni inklussiva u l-benefiċċi li din iġġib magħha għall-istudenti kollha. Madankollu, sostna Louis Galea, il-Gvern hu impenjat li jkompli jtejjeb il-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-istudenti kollha skond l-abilitajiet diversi ta’ l-istudenti. Kull student għandu d-dritt u jistħoqqlu edukazzjoni ta’ kwalità li tgħinhom jiżiluppaw il-ħiliet tagħom biex kulħadd jilħaq il-milja tiegħu.
Il-Ministru Galea tenna li hu f’dan il-kwadru li inħass il-bżonn li anke dan is-settur jitpoġġa taħt il-lenti u jiġi evalwat u analizzat b’mod kritiku biex nifhmu aħjar x’inhi s-sitwazzjoni preżenti, issir reviżjoni tal-mod kif il-politika ta’ l-edukazzjoni inklussiva qed tiġi implimentata f’kull livell u f’kull settur (Gvern u privat), u biex naraw x’inhi s-sitwazzjoni ta’ l-iskejjel speċjali u l-użu tar-riżorsi miż-żewġ setturi. Il-Grupp ta’ Ħidma ser jissottometti rapport lill-Gvern b’analiżi tas-sitwazzjoni u b’rakkomandazzjonijiet dwar kif nistgħu ntejjbu is-servizzi li noffru. Il-Grupp ta’ Ħidma hu mistenni li, bħal kif qed isir f’kull reviżjoni, jikkonsulta ma’ l-imsieħba f’dan is-settur. Il-Grupp ġie mitlub li jlesti r-rapport sa’ l-aħħar ta’ Ġunju 2005.
Il-Ministru Louis Galea, filwaqt li rringrazzja liċ-Chairman u l-membri tal-Grupp għall-ħidma importanti li ser iwettqu, temm jgħid li “Hu essenzjali li s-sistema edukattiv tagħna jipprovdi kwalità u standards f’dak li noffru lill-istudenti biex ngħinuhom jilħqu l-milja tagħhom billi niffokaw fuq il-ħiliet tal-persuna u mhux fuq il-limitazzjonijiet li wieħed jista’ jkollu.”
DOI – 02.12.2004
13.37 Kbytes Last Modified on 02nd December, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946