Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, FL-OKKAŻJONI TAT-TWAQQIF TA’ L-EUROPEAN ANTI-POVERTY NETWORK ( MALTA ) – KULLEĠĠ SAN ALWIĠI, BIRKIRKARA – 26.11.2004

PR1839
Date Icon 26/11/2004

Nixtieq nirringrazzjakom ta’ l-istedina tal-lum.  Għalija din hija okkażjoni speċjali, fejn niltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet u persuni li flimkien qed naħdmu bis-sħiħ sabiex nindirizzaw id-diffikultajiet li jġibu l-faqar, u nieħdu inizjattivi li jippromovu l-inklużjoni soċjali.  

Huwa pjaċir tiegħi ngħid li għall-ewwel darba, matul din is-sena, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali ħa ħsieb li jiġi mfassal Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.  Bħala Membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea rridu, flimkien ma’ l-Istati Membri l-oħra, nippruvaw nilħqu l-aġenda ta’ Lisbona.  Kien l-għan tal-mexxejja Ewropej meta fis-sena 2000 qablu li jaħdmu flimkien fuq l-aġenda ta’ Lisbona, li jippruvaw jilħqu miri għoljin, fosthom li tingħeleb il-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali sas-sena 2010.  

Il-proċess ta’ l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa huwa bbażat fuq ‘Open Method of Coordination’ u l-objettivi stabbiliti mill-pajjiżi Membri huma dawn:  li

             ·        tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fix-xogħol;

             ·        jitkabbar l-aċċess għal riżorsi, drittijiet, oġġetti u servizzi;

             ·        jiġi evitat ir-riskju ta’ l-esklużjoni;

             ·        tingħata għajnuna lil min hu l-aktar vulnerabbli;

             ·        u l-mobilizzazzjoni tal-għaqdiet kollha.  

Malta issa għandha pjan nazzjonali bbażat fuq dawn l-objettivi, li jinkludi:

      1.      deskrizzjoni tal-qagħda preżenti mibnija fuq riċerka u statistiċi uffiċjali;

2.      identifikazzjoni tal-prijorijiet fundamentali; 

3.      il-miri li rridu nilħqu; 

4.      kif ukoll l-istrateġija ta’ l-inizjattivi li se jittieħdu biex nindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni 

         soċjali f’pajjiżna.  

Dan hu pjan komprensiv li ġie magħmul b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, il-Knisja, l-NGOs, aġenziji u dipartimenti governattivi. Għalkemm din id-darba ma stajniex ninkludu l-NGOs kollha fl-attivitajiet taħt dan il-Pjan Nazzjonali, minħabba ċerti esiġenzi stretti, nittamaw li fil-Pjan li jkun imiss, innaqsu dawn il-limitazzjonijiet u naħdmu flimkien biex insaħħu l-metodu ħalli jkollna parteċipazzjoni akbar. Jiena żġur li t-twaqqif ta’ l-EAPN se jgħin biex dan il-għan ta’ parteċipazzjoni akbar minn għaqdiet non-governattivi jintlaħaq. Malta qiegħda tieħu sehem attiv fil-proċess kontinwu ta’ żvilupp ta’ l-miżuri u mezzi professjonali dwar kif tiġi mkejla l-istatistika dwar il-faqar u l-eskluzjoni soċjali.   

Minn din ir-riċerka u l-istatistiċi joħorġu tnax-il prijorita’ fundamentali li jagħtu indikazzjoni ċara ta’ x’inhuma l-ħtiġijiet tal-poplu Malti biex tingħeleb il-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.  Dawn il-prijoritajiet jitkellmu fuq il-bżonn li nkattru l-opportunitajiet tax-xogħol partikolarment għal gruppi vulnerabbli, li nżidu r-rata tan-nisa fix-xogħol, il-bżonn ta’ edukazzjoni speċjalment il-ġlieda kontra l-illiteriżmu u l-assenteiżmu, għajnuna lil familji fil-bżonn u vittmi tal-vjolenza domestika, li jkollna pensjonijiet adekwati u sostenibli, promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, iktar aċċess għas-servizzi għall-persuni żvantaġġjati, u l-kontinwazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-Kottonera.  

Dan il-pjan jippreżenta strateġija ċara ta’ kif se jiġu ndirizzati l-inizjattivi kontra il-problemi tal-faqar f’Malta. Hemm 21 attivita’, programmi u inizjattivi biex jitwettqu fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2004 u 2006, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fix-xogħol. Hemm ukoll 26 inizjattiva oħra li maħsuba biex jintlaħqu aħjar is-servizzi, riżorsi u t-twettieq tad-drittijiet.

Jumejn ilu, bil-publikazzjoni tal-budget, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali ħa ħsieb sabiex is-sena d-dieħla jkun jista’ jwaqqaf l-ewwel tim ta’ nies li jaħdem u jikkoordina inizjattivi dwar l-inklużjoni soċjali.  Huwa l-iskop tagħna li dan il-unit ikompli jgħin sabiex b’ħidma mas-sħab soċjali, l-NGOs, aġenziji u dipartimenti governattivi nkunu nistgħu nkomplu infasslu l-istrateġiji tagħna biex inaqqsu l-esperjenza tal-faqar, kif ukoll nikkoordinaw l-iżviluppi li qed iseħħu f’pajjiżna.  

Dan ifisser li pajjiżna se jkollu ‘set up’ permanenti li jikkoordina l-pjanijiet, il-konsultazzjonijiet, jsegwi l-implimetazzjoni tal-pjan nazzjonali u jevalwa l-proċess ta’ l-inklużjoni soċjali fuq livell nazzjonali u b’kontribut attiv fi sferi Ewropej.  

Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali qed jaħdem ukoll fuq il-leġislazzjoni li tirregola l-għaqdiet non-governattivi.  Il-Ministeru qed jagħti konsiderazzjoni lil dokument ta’ l-NGOs dwar suġġerimenti li għandha tinkludi l-leġislazzjoni.  Dan id-dokument qed jintuża sabiex fl-istadju ta’ preparazzjoni tal-liġi jingħataw l-importanza l-punti mqajma mill-NGOs.  Il-leġislazzjoni għal NGOs se tkun waħda mill-prijoritajiet tal-Ministeru fix-xhur li ġejjin.  

Illum inġbarna hawn biex infakkru it-twaqqif tal-fergħa tal-European Anti-Poverty Network ġewwa pajjiżna.  Fil-laqgħat li nattendu barra minn Malta, nafu kif din l-għaqda għandha l-istima tal-Kummissjoni Ewropeja. L-inizjattiva li ħadu l-NGOs biex jingħaqdu flimkien u jiffurmaw dan in-network hija inizjattiva importanti li tkompli ssaħħaħ il-proċess ta’ l-inklużjoni soċjali f’pajjiżna.  Jiena ninsab ċerta li EAPN (Malta) se tkun xprun importanti fil-ġlieda kontra l-faqar, u b’ko-operazjoni mal-Gvern, mal-Knisja, u mas-sħab soċjali l-oħra se tagħti l-kontribut biex il-miri li kkommettejna għalihom fil-Pjan Nazzjonali jintlaħqu, u jiġu evalwati bi kritika ġusta li tkun ta’ benefiċċju għal persuni l-iktar vulnerabbli li jinsabu fis-soċjeta’ tagħna.  

Il-twaqqif tal-fergħa Maltija u l-pjan li għandhom l-EAPN Malta juri dedikazzjoni u professjonalita’.  L-entużjażmu li urew f’dan l-aħħar sitt xhur ġie anke osservat mid-delegati ta’ EAPN fl-Ewropa.  Minkejja iċ-ċokon tagħna, huwa evidenti li pajjiżna qed ikun ta’ eżempju lil Stati Membri oħra, dwar il-ħeġġa li jkollna l-istrutturi neċessarji, ħalli l-Pjan Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali jittieħed bis-serjeta’ u nilħqu l-objettivi ta’ l-aġenda ta’ Lisbona.  

Għalħekk nixtieq nagħlaq billi nifraħ magħkom f’dan il-jum speċjali għal Maltin kollha, speċjalment dawk li bil-ħidma ta’ EAPN (Malta) se jigu mgħejjuna biex jintrefgħu mid-diffikultajiet tal-faqar.  Jien ninsab ċerta li fis-snin li ġejjin l-EAPN (Malta) se tkun parti mill-qafas integrali li jgħin fit-tħejjija, evalwazzjoni u t-twettieq tal-Pjan Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.    

DOI – 26.11.2004

17.66 Kbytes Last Modified on 29th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow