Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. HELEN D’AMATO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITA’, WAQT LAQGĦA DWAR L-ACTIVE AGEING GĦALL-GĦALLIEMA RTIRATI – VALLETTA - 26 TA’ NOVEMBRU 2004

PR1831
Date Icon 26/11/2004

Sinjuri Merħba,  

Huwa tassew ta’ pjaċir u unur għalija li nkun magħkom dal-għodu bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ u bħala ex-għalliema, biex niddiskuti magħkom il-kunċett ta’ l-active ageing.  

Fid-dinja kollha hawn madwar 580 miljun persuna li għandha ’l fuq minn 60 sena u fis-snin li ġejjin dan in-numru hu mistenni li jkompli jikber.  L-aktar settur li mistenni jespandi huwa propju dak tal-persuni li għandhom aktar minn 75 sena.  

Dan il-fenomenu, li qed iseħħ ukoll f’pajjiżna, hu ta’ sodisfazzjon għalina lkoll. Madanakollu, dan il-fenomenu jġib miegħu diversi sfidi. Il-fatt li numru dejjem akbar ta’ nies qed jgħixu għal żmien itwal, jirrifletti s-suċċessi li ksibna fil-qasam mediku kif ukoll fl-oqsma soċjali u ekonomiċi. Dan il-kambjament qiegħed jitlob minna li nkomplu nwettqu politika li ttejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta` kull persuna anzjana. Dan ifisser ukoll li l-ispiża fil-qasam tas-saħħa u tal-qasam soċjali (long term care u servizzi oħra) qiegħda dejjem tikber aktar.  

Fl-aħħar tas-snin 90 il-World Health Organisation introduċiet il-kunċett ta’ Active Ageing. Il-lum l-kunċett u t-tisħiħ ta’ Active Ageing jifforma wkoll parti integrali mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea. Jekk wieħed iħares lejn l-istrateġija ta’ Lisbona jsib li investiment fil-life long learning u l-active ageing huma meqjusa bħala tnejn mill-miżuri konkreti biex tissaħħaħ il-kompetittivita’, l-ekonomija u l-inklużjoni soċjali fl-istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Dan kollu qed jiġri f’xenarju fejn in-numri ta’ twelid qiegħed dejjem nieżel filwaqt li l-eta’ li persuna hija mistennija li tgħix qiegħda dejjem tielgħa. Minn statistika li għadha kemm ħarġet minn rapport ta’ High Level Group dwar il-futur ta’ politika soċjali fl-Unjoni Ewropea ta’ 25 pajjiżi jindika li nies li għandhom bejn 50 u 60 sena illum għandhom stat ta’ saħħa li kellhom nies ta’ 40 sena, propju 40 sena ilu. Dan naturalment jispjega wieħed mill-fatturi għaliex qed ikolna life expectancy għolja.  

Meta tgħaqqad n-nuqqas ta’ fertilita’ man-numru ta’ nies li għandhom 65 sena u iżjed, qed jirriżulta li n-numru ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol meta pparagunat man-numru ta’ penzjonanti, qed jitfa aktar piż fuq l-iffinanzjar tal-penzjonijiet u l-metodu ta’ kif jiġu komputati l-pensjonijiet li jwassal ukoll għall-ħtieġa li aktar nies jibqgħu fid-dinja tax-xogħol għal żmien itwal.  

Active ageing huwa l-process fejn wieħed jikseb l-aħjar opportunitajiet -  kemm fiżiċi, soċjali kif ukoll dawk relatati mas-saħħa u, dan kollu sabiex inżidu l-ħajja liz-zmien. 

Jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li persuna anzjana li tibqa’ attiva u b’saħħitha hija riżorsa għall-familja tagħha, għall-komunita` li tgħix fiha kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż.  Għalhekk kien ferm għaqli li l-Gvern jimpenja ruħu li jipprovdi u jtejjeb is-servizzi fil-komunita` sabiex fejn u sakemm hu possibbli l-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu fir-raħal jew belt fejn trabbew, għexu u kabbru l-familja tagħhom.  

Jiena nsostni li l-anzjani  huma waħda mill-aqwa riżorsa li għandu l-pajjiż speċjalment meta nqisu li 18% tal-popolazzjoni tagħna taqbeż is-sittin sena filwaqt li 13% jaqbżu 65 sena. Dan il-fatt għandu jinpenjana li nagħmlu użu tajjeb mill-potenzjal li l-anzjani għandhom, u ma nħarsux lejn l-anzjani bħala piż u l-anzjanita` bħala problema. Tajjeb iżda li nkunu konxji li huwa proġettat li fl-2050, n-numru ta’ nies li jaqbżu s-sittin sena se jiffurmaw 31 % tal-poplazzjoni, filwaqt li 21% jkollhom aktar minn 65 sena.  

L-impressjoni li forsi xi wħud għandhom li l-persuni anzjani qegħdin hemm sabiex jirċievu l-pensjoni u benefiċċji oħra sejrin imqarqin. Skond statistika li ħarġet fl-ewwel ta’ Ottubru 2004 insibu li:  

1.    Skond l-ETC hemm 700 li jaħdmu full time u li għandhom 65 sena (hawn m’humiex meqjusa dawk li għalqu 61 sena u li jaħdmu part-time).

2.   700 persuna li jattendu l-Universita’ tat-tielet eta’.

3.   1, 885 jagħtu sehemhom f’għaqdiet sportivi.  

Jeħtieg iżda wkoll nirrikonoxxu x-xogħol siewi li bosta anzjani jagħmlu, ngħidu aħna fl-għaqdiet volontarji oħra, il-knisja  kif ukoll ma` l-istess membri tal-familja tagħhom.  Kieku kellna nagħtu prezz lill-ammont ta’ siegħat li dawn l-anzjani jagħtu u xi jfissru kieku kellhom jiġu valutati fi flus żgur li nibqgħu sorpriżi!  

Sinjuri, Active Ageing ma tirreferix jew tfisser biss għal kapaċita’ li wieħed ikun attiv fiżikament, iżda tirreferi wkoll għall-kontinwazzjoni fl-involviment tal-persuna fl-attivitajiet soċjali, ekonomiċi, spiritwali u kulturali. Anzjani  li jbagħtu minn xi diżabilita’ fiżika jew li huma morda xorta waħda jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lill-familja, ħbieb u lill-komunitajiet li jgħixu fihom. 

Il-kunċett tal-Active Ageing jirrikonoxxi d-drittijiet umani ta’ l-anzjani u huwa bbażat fuq il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, prinċipji li huma bbażati fuq l-indipendenza, il-parteċipazzjoni, id-dinjita’, il-kura u s-self fulfillment. Dan il-kunċett qaleb l-ippjanar strateġiku minn wieħed bbażat fuq il-bżonnijiet biss għal wieħed bbażat ukoll fuq id-drittijiet. Fejn qabel l-anzjani kienu meqjusa bħala membri passivi tas-socjeta’, lkoll nafu li dawn għandhom id-dritt għall-ugwaljanza fl-opportunitajiet u d-dritt li jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja.  

Il-politika u l-programmi ta’ l-active ageing isahhu wkoll s-solidarjeta’ bejn il-generazzjonijiet differenti.  It-tfal tal-lum huma l-anzjani ta’ għada. Il-kwalita’ tal-ħajja li ser ikollhom bħala anzjani tiddependi fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li huma jesperjenzaw tul ħajjithom. L-anzjani flimkien maż-żgħażagħ huma speċifikament magħquda f’kuntratt soċjali, fejn il-ġenerazzjonijiet kollha jiddependu minn xulxin.   

Nixtieq issa niftaħ fuq xi fatturi li jiddeterminaw l-active ageing.  

L-ewwel nett irridu nżommu quddiem għajnejna li s-sess tal-persuna u l-ambjent kulturali li wieħed ikun trabba u għex fih iħallu effetti sinifikanti fuq il-fatturi l-oħra kollha li fuqhom jiddependi jekk l-anzjan ikunx jista’ jgawdi anzjanita produttiva, b’saħħitha u sodisfaċenti.    

Is-sess jista’ jkollu effett serju fuq fatturi bħal social status, kif l-anzjani jkollhom aċċess għall-kura medika, xogħol li jħalli qliegħ adegwat u ikel sustanzjuż. L-ambjent kulturali u tradizzjonijet oħra jiddeterminaw kif is-soċjeta’ tħares lejn l-anzjani u l-anzjanita’ u kif il-ġenerazzjonijiet differenti jirnexxilhom jgħixu flimkien. Fatturi kulturali jistghu ukoll jinfluwenzaw l-imġieba personali u s-saħħa. 

Jekk inħarsu lejn is-saħħa u s-sistema tas-Servizzi Soċjali naraw li dawn ukoll jaffetwaw kif wieħed jgħix l-anzjanita’ tiegħu.  

Hemm bżonn li s-sistema tas-Saħħa tħares lejn il-persuna sħiħa ta’ kull eta’ u li tiffoka fuq il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, aċċess u sostenibilita’ għall-kura primarja u l-aċċess u s-sostenibbli tal-kura fit-tul. Hemm bżonn li s-saħħa u s-servizzi soċjali jkunu dejjem aktar integrati, ġusti, aċċessibli, adegwati u sostenibbli.      

Minn naħa l-oħra hemm tliet fatturi fl-ambjent ekonomiku li jaffetwaw l-active ageing. Dawn huma:

      ·        id-dħul (income),

·        ix-xogħol u 

·        l-protezjoni soċjali.  

Hemm numru ta’ anzjani li m’għandhomx dħul adegwat, u fost dawn normalment insibu li jkunu nisa u dan għandu effett negattiv fuq is-saħħa u l-indipendenza tagħhom. Għalhekk hemm bżonn li l-politika ta’ l-active ageing tingħaqad ma skemi usa sabiex tnaqqas ir-riskju tal-faqar u żżid l-involviment ta’ nies anzjani f’attivitajiet li jirrendu dħul akbar.  

Fattur ekonomiku ieħor hu dak tal-protezzjoni soċjali. Fejn qabel madwar id-dinja kollha u b’mod partikolari f’Malta, il-familja kienet in-nukleju ewlieni li tieħu ħsieb l-anzjani, il-lum din qed narawha tonqos kemm minħabba n-numru anqas ta’ ulied kif ukoll minħabba li numru akbar ta’ nisa qed joħorġu jaħdmu. Għalhekk qiegħda dejjem tinħass aktar l-ħtieġa ta’ protezzjoni soċjali, biex l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalita’. Fil-fatt il-Gvern waqqaf diversi servizzi bħal ma huma dawk tal-Meals on Wheels, Homehelp, Handyman Service u l-Pensjoni tal-Wens fost oħrajn biex fejn u sakemm hu possibbli l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunita’.  

Importanti li ngħidu li l-ambjent ta’ madwarna ukoll jiddetermina jekk l-anzjani jibqgħux attivi fis-soċjeta’. Ambjent sigur mingħajr periklu kif ukoll per eżempju sistema tajba ta’ transport huma fost il-fatturi li jgħinu biex l-anzjan ma jiżolax ruħu.  

Ta’ min jgħid li minbarra dan kollu hemm fatturi personali bħal ġenetika u l-flessibilita’ u l-kapaċita’ tal-persuna li taddatta ruħha għal sitwazzjonijiet differenti li wkoll jiddeterminaw jekk l-anzjan jibqax indipendenti u attivi fis-soċjeta’.  

Ta` spiss nitkellmu dwar socjeta` inklussiva u dan jghodd xejn anqas ghall-anzjani tagħna.  Jeħtieġ li nassiguraw li l-ġid komuni jissarraf f’servizzi li jinqasmu u jingħataw b’mod ekwu u b’sens ta’ ġustizzja soċjali.  Minkejja kull sforz li jsir biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunita` u jibqgħu attivi, nirrikonoxxu li numru ta’ anzjani jkollhom bżonn ifittxu l-kenn fi djar ta’ l-anzjani jew f’San Vinċenz de Paule.  Huwa l-impenn tas-Segretarjat tiegħi li naraw li l-kura u s-servizzi li jingħataw ikunu kemm jista’ jkun ta` kwalita` u li dan iseħħ b’rispett sħiħ lejn id-dinjita’ ta’ l-anzjani tagħna.  Huwa propju għalhekk li l-Gvern tul dawn l-aħħar snin investa bil-qawwi f’bini ta’ djar fil-komunita`.  L-istess nistgħu ngħidu għal kif inbidlet ir-Residenza San Vinċenz de Paule - minn post li kien mistkerrah minn kulħadd għal post fejn bosta anzjani ma jiddejqu xejn li jkunu rikoverati fih.  

Fl-aħħarnett nixtieq ngħid li r-riforma fil-qasam tal-pensjonijiet u fil-qasam tas-saħħa għandna nħarsu lejha bħala pass pożittiv ta’ kif il-gvern irid jassigura li l-anzjani tagħna (ta’ kull żmien) jibqgħu jgawdu kwalita` ta` ħajja għolja.  Aħna qegħdin nimpenjaw ruħna biex nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu accessibbli, sostenibbli u adegwati għall-ħtiġijiet ta’ l-anzjani tal-lum u  ta’ għada!

DOI – 26.11.2004

38.2 Kbytes Last Modified on 26th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow