INTLAĦAQ FTEHIM BEJN IL-MALTA SONG BOARD U L-UKAM
Fl-laqgħa li saret il-lum bejn il-Malta Song Board u l-U.K.A.M fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Dan il-ftehim intlaħaq fuq l-interess dirett ta’ l-istess Ministru Zammit Dimech li fil-ġranet li għaddew, mexxa diversi laqgħat biex il-partijiet jersqu lejn xulxin u biex ikun hemm soluzzjoni ġusta.
Filwaqt li r-regolamenti għas-Song for Europe Festival 2005 kif ippublikati mill-Malta Song Board qed ikunu aċċettati mill-kompożituri Maltin, awturi u kantanti, fi sforz sinċier biex jitħares it-talent lokali u l-Kanzunetta Nazzjonali Maltija, intlaħaq ftehim biex:
· Il-fażi finali tal-Festival tal-Kanzunetta għall-Ewropa 2005 li se jsir fi Frar 2005, ikun magħmul minn 22 kanzunetta finalista;
· Il-kompożitur u l-awtur tal-kanzunetta rebbieħa jifformaw parti mid-delegazzjoni Maltija għall-Eurovision Song Contest. Dawn jitħallsulhom il-biljetti ta’ l-ajru.
· Membri tal-Bord U.K.A.M. ikunu preżenti fl-aħħar jum tas-sottomissjoni u anke fil-proċess ta’ l-iġġudikar fil-lejl finali kif isir issa;
· Id-diskussjonijiet bejn il-Malta Song Board u l-U.K.A.M. dwar l-iġġudikar jibda immedjatament wara d-data ta’ l-għeluq tas-sottomissjonijiet – jiġifieri l-Ħamis 25 ta’ Novembru 2004;
· Mis-sena d-dieħla, il-parteċipazzjoni ta’ kompożituri u awturi barranin fis-“Song for Europe Festival” li ssir Malta tkun ristretta għal kompożituri u awturi ta’ dawk il-pajjiżi fejn kompożituri u awturi Maltin għandhom l-istess opportunitajiet, li jipparteċipaw. Il-parteċipazzjoni tkun fuq il-bażi ta’ reċiproċità u basta jkun hemm festival jew kwalunkwe proċess ieħor selettiv.
· Id-diskussjonijiet bejn il-Malta Song Board u l-U.K.A.M. – li tirrappreżenta lill-kompożituri Maltin, awturi u kantanti – dwar ir-regolamenti għal “Song for Europe Festival 2006” għandhom jibdew immedjatament wara l-Eurovision Song Contest ta’ Mejju 2005. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura jippresjedi l-laqgħat.
Il-ftehim ġie iffirmat minn Grace Borg, Chairman tal-Malta Song Board u minn John Vassallo, President tal-U.K.A.M. li tirrappreżenta kompożituri, awturi u kantanti Maltin.
F’kumment li ta wara l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien kuntent li permezz tar-rieda tajba li ntweriet miż-żewġ naħat, intlaħaq ftehim li jissodisfa kemm lill-Bord tal-Kanzunetta Maltija, kif ukoll lill-kompożituri, awturi u kantanti Maltin, kif rappreżentati mill-U.K.A.M. “Il-kanzunetta Maltija tagħmilna aktar Maltin u tkompli toħroġ l-identita’ tagħna. Għalhekk kull opportunita’ li jkollna barra pajjiżna biex noħorġu t-talenti tagħna għandna noħduha, kif nagħmlu kull sena fil-Eurovision Song Contest” tenna l-Ministru Francis Zammit Dimech.
Il-Malta Song Board jieħu l-opportunita’ biex jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min hu konċernat, li s-sottomissjonijiet kollha issa jridu jsiru sa mhux aktar tard mill-Ħamis 25 ta’ Novembru 2004 fl-4.00pm.
DOI - 24.11.2004
9.56 Kbytes Last Modified on 24th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946