Left arrow Go Back

L-SDM JILTAQGĦU MAL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI

PR1819
Date Icon 23/11/2004

Delegazzjoni ta’ l-iStudenti Demokristjani Maltin (SDM) iltaqgħu mal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea biex jiddiskutu r-rapport dwar il-finanzjament ta’ l-edukazzjoni ogħla wara li dan l-aħħar kien ippublikat ir-Rapport Chalmers u beda l-proċess ta’ konsultazzjoni.  Meta ltaqgħu mal-Ministru Galea, l-SDM ippreżentaw rapport li jitratta is-sistema ta’ għotjiet ta’ manteniment.  

Il-President ta’ l-SDM tal-Junior College, Keith Galea qal li l-SDM hi konxja mill-fatt li fl-aħħar snin in-numru ta’ studenti żdied b’mod sostanzjali. Ir-rapport jgħid li dan is-suċċess iġib miegħu l-bżonn ta’ aktar żmien għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.  Hu tenna li l-SDM temmen f’aċċess ħieles għall-edukazzjoni ogħla u li l-edukazzjoni anke f’dan il-livell hi dritt ta’ kulħadd u għalhekk kull min għandu bżonn l-għajnuna biex ikompli bl-edukazzjoni tiegħu għandu jsib sistema ta’ appoġġ li tgħinu.  Keith Galea sostna li l-SDM temmen bis-sħiħ fil-prinċipju ta’ bibien miftuħa fl-Universita’, fl-MCAST u fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.  Hu kompla jgħid li l-SDM trid li l-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja  tkompli titjieb u li aktar studenti ikomplu l-edukazzjoni tagħhom sa l-ogħla livelli u biex dan iseħħ l-SDM tirrikonoxxi li hemm bżonn riformi f’dan is-settur.  

L-SDM qalet li hi trid tkun parti mid-djalogu li qed iseħħ bħalissa u apprezzat il-mod kif imxew l-affarijiet s’issa fejn kulħadd qed jiġi nvolut sa mill-bidu u kulħadd qed jingħata l-opportunita’ jgħid tiegħu, qabel mal-Gvern jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.  Hu temm jgħid li filwaqt li hu importanti li r-riforma iseħħ fuq firxa ta’ żmien, hu essenzjali li, kif jgħid l-istess rapport, il-Gvern iżid il-finanzjament għall-istituzzjonijiet mill-aktar fis.  

Il-Ministru Galea qal li japprezza l-kummenti u l-kontribuzzjoni ta’ l-SDM fil-proċess ta’ konsultazzjoni.  Hu qal li mir-reazzjonijiet li kien hawn s’issa, jidher li kulħadd qed jifhem li l-riformi jridu jsiru u li hemm bżonn jiġi stabbilit huwa l-kif, dan għandu jsir.  Louis Galea qal li huwa tajjeb li fuq il-prinċipji, il-Gvern u l-istudenti qed jaqblu.  Hu qal li l-Gvern hu impenjat li filwaqt li jżomm il-bibien ta’ l-istituzzjonijiet miftuħin beraħ, irid jara li l-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni ogħla tibqa’ ta’ l-ogħla livell biex il-gradwati Maltin jibqgħu igawdu l-istima li għandhom.  Il-Gvern hu impenjat li jagħti opportunitajiet indaqs lil kull min irid ikompli l-edukazzjoni, ikun x’ikun l-isfond soċjali u finanzjarju tal-persuna.   

Il-Ministru Louis Galea temm jawgura li l-SDM u l-għaqdiet l-oħrajn ta’ l-istudenti jkomplu jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu li qed jiżvolġi partikolarment hekk kif il-proposti jibdew jiżviluppaw u noqorbu biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.  

Il-Ministru Galea qal li se jkollu ħafna laqgħat ma’ l-istudenti ta’ diversi istituzzjonijiet u organizzazjonijiet. “Jiena nemmen ħafna illi x’taħsbu intom huwa importanti, forsi l-aktar ħaga importanti. Nixtieq ukoll li tħossukom fil-livell ugwali miegħi. Aħna ‘partners’ f’dan il-proċess, għandna l-istess interessi u għalkemm forsi jista’ għandi aktar esperjenza minnkom, intom għandkom il-freskezza ta’ x’qed jiġri bħalissa fis-sistema. Għandkom ukoll l-immedjatezza ta’ x’inhuma l-bżonnijiet ta’ l-istudenti. Għandkom ir-realtà tal-familji tagħkom, kif iħarsu lejn is-sistema u s-servizz edukattiv. Jiena naf sew x’jixtiequ l-‘employers’, x’inhuma l-prijoritajiet tal-pajjiż. U b’din il-manjera jkollna l-opportunità li jiena nifhem lilkom u intom tifhmu s-sitwazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu. B’hekk ilkoll flimkien inkunu nistgħu nagħtu kontribut għall-ġid ta’ kulħadd. Jiena qed nidħol f’dawn id-diskussjonijiet b’mod miftuħ, bla preġudizzju fuq xejn u b’mod fatwali u objettiv.”  

“Irridu ninvestu aktar fl-edukazzjoni. Il-Gvern jaf li dan hu settur fejn irid jinvesti aktar, u li jrid jiġġedded aktar u jissaħħah. Aħna jinteressana wkoll l-istipendju, allura dak ser niddiskutuh. Iżda l-prinċipju li l-Gvern jiggarantixxi li l-bibien ikunu miftuħa għal kull min irid ikompli l-istudju tiegħu fil-livell post-sekondarju, vokazzjonali u terzjarju, dak il-prinċipju qed jiġi riaffermat bil-qawwa kollha. Irridu nsibu l-aktar manjera ġusta u vijabbli li biha niggarantixxu dan il-prinċipju ta’ aċċess għal kulħadd”, temm jgħid il-Ministru Galea.

DOI - 23.11.2004

12.74 Kbytes Last Modified on 23rd November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow