JIDĦLU AKTAR TOROQ FIL-PROGRAMM TAX-XOGĦOL IFFINANZJAT MILL-ĦAMES PROTOKOLL TALJAN
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett, dal-għodu ppreżenta l-letters of acceptance lil tliet kuntratturi Taljani biex jinbnew mill-ġdid tliet toroq prinċipali fiċ-ċentru ta’ Malta, liema xogħol ser jiġi ffinanzjat mill-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn l-Italja u Malta.
Il-letters of acceptance għal dawn it-tliet toroq ingħataw lill-kuntratturi Societa` Internazionale Gallerie srl, Integra srl u Mattioli spa. Dawn kienu fost is-sitt kuntratturi li tefgħu offerti għat-tender tax-xogħol tal-Protokoll Taljan u qed jingħataw ix-xogħol issa wara li raħħsu konsiderevolment il-prezzijiet li kienu kkwotaw meta tefgħu l-offerta tagħhom.
Dawn il-kuntratturi Taljani kollha qed jingaġġaw sub-contractors Maltin biex jeżegwixxu dan ix-xogħol.
· Societa` Internazionale Gallerie srl għandha lill-kuntrattur Polidano Bros. Ltd. bħala sub-contractor,
· Integra srl għandhom lil Bonnici Bros u General Road Services, filwaqt li
· Mattioli spa għandhom lil Bitmac u Tal-Ġeneral bħala sub-contractors.
B’hekk ix-xogħol tal-Protokoll Taljan qed jinqasam bejn aktar kuntratturi u qed jiġi żgurat li x-xogħol ikun jista’ jitlesta fl-aqsar żmien possibbli. Dan għandu jgħin ukoll biex l-industrija lokali kollha tibbenefika mill-importazzjoni ta’ teknoloġija li ġġib magħha ħidma mill-qrib bejn kuntratturi Maltin u barranin.
It-toroq li fuqhom ser jibda x-xogħol fil-ġimgħat li ġejjin huma t-triq bejn ir-roundabout tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ u Bieb De Rohan, it-triq li tagħti minn Tal-Qlejja saż-Żebbiegħ u t-triq li minn Ħaż-Żebbuġ twassal sas-Siġġiewi.
Il-Ministru Mugliett qal li t-triq taż-Żebbiegħ b’tul ta’ 2.5 kilometri u Triq is-Siġġiewi - twila 1.5 kilometri - qed jiżdiedu mal-programm tax-xogħol f’dan l-istadju peress li l-Gvern kien żamm b’Lm2 miljun f’xogħlijiet sabiex ikun żgurat li l-valur tax-xogħlijiet ma jaqbiżx it-Lm12.5 miljun li kien hemm ivvutati għat-toroq mill-Protokoll Taljan.
B’dawn iż-żewġ toroq, it-total ta’ kilometri ta’ toroq li ser jinbnew mill-ġdid bil-fondi tal-Protokoll Taljan żdiedu minn 12-il kilometru għal 16-il kilometru.
“Sitt xhur wara li bdew ix-xogħlijiet fuq it-toroq tal-Protokoll Taljan nistgħu nħarsu lejn is-sitwazzjoni b’mod ċar. Peress li l-istimi bejn wieħed u ieħor qed jaqblu mal-valur reali tax-xogħol dawk iż-Lm2 miljuni li konna qed inżommu jistgħu jingħataw fuq xogħlijiet addizzjonali,” qal il-Ministru Mugliett.
It-triq ta’ bejn ir-roundabout tad-Dorotej u Bieb De Rohan diġà kienet inkluża fil-programm ta’ xogħol mogħti lil wieħed mill-kuntratturi Taljani li bdew ix-xogħol f’Ġunju ta’ din is-sena. Dan il-kuntrattur, madanakollu, ma kienx qed ilaħħaq ma’ l-iskeda tax-xogħol li kien intrabat biha. Għal dan l-għan, il-Gvern innegozja ma’ dan il-kuntrattur biex inaqqas parti mix-xogħol li ngħatalu u jagħtih lil kuntrattur ieħor, bi ftehim li jekk dan jerġa’ jaqbad ir-ritmu, jingħata xogħol alternattiv.
Intant, ix-xogħol fuq l-ewwel fażijiet tax-xogħol fuq it-tliet lots ta’ toroq li ngħataw f’Mejju miexi tant li f’bosta partijiet bdew jingħataw l-ewwel saffi ta’ tarmak. Uħud mit-toroq saħansitra ser jinfetħu għat-traffiku fi ftit ġimgħat oħra.
Il-Ministru Mugliett qal t-toroq kollha li qed isiru bil-fondi ta’ Protokoll Taljan qed idaħħlu prattiċi ġodda fil-kostruzzjoni tat-toroq, prattiċi bħall-użu ta’ precast common service ducts, l-integrazzjoni ta’ stormwater culverts fid-disinn tat-triq, l-użu ta’ żrar impurtat fit-tarmak tal-wiċċ u l-monitoring u l-quality assurance li qed jidħlu f’kull stadju.
“Dawn il-prattiċi ser iwasslu biex il-poplu Malti jkun jista’ jgawdi dawn it-toroq għal tletin sena qabel ikun hemm bżonn intervent ieħor fuqhom,” qal il-Ministru.
Hu żied jgħid li issa li l-ewwel fażijiet bdew jaslu fi tmiemhom u dawn il-prattiċi ġodda ndraw, ir-ritmu tax-xogħol fuq il-bqija tax-xogħol tal-Protokoll Taljan mistenni jkun wieħed aktar mexxej.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq temm jgħid li għalkemm il-Ħames Protokoll Taljan ġie estiż b’sentejn, il-programm tax-xogħol fuq it-toroq ma nbidilx tant li d-deadline għat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet għadu Ottubru 2005. Il-Ministru qal li dan huwa fattur importanti anke fid-dawl tax-xogħlijiet fuq it-toroq li ser isiru mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, li sa dak iż-żmien mistenni li jkun diġà beda.
DOI - 23.11.2004
11.39 Kbytes Last Modified on 23rd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946