L-EWWEL ĊERIMONJA TA’ GRADWAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TA’ L-MCAST F’GĦAWDEX
22 student li temmew l-korsijiet tagħhom offruti miċ-Ċentru tal-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Teknoloġija – MCAST – f’Għawdex, iggradwaw il-bieraħ waqt ċerimonja f’waħda mill-lukandi ewlenin ta’ Għawdex. Dan kien l-ewwel grupp ta’ studenti li temmew kors offrut mill-MCAST f’Għawdex. L-istudenti attendew korsijiet ta’ sena f’dawn il-materji: Ċertifikat fil-Bejgħ, L-Ewwel Diploma fl-Użu ta’ l-IT, u Kors Bażiku fl-Elettronika.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono attendiet għal din iċ-ċerimonja u qassmet iċ-ċertifikati lill-istudenti. Fl-indirizz tagħha hija stqarret li kien ta’ sodisfazzjon kbir għaliha li tara lil dan l-ewwel grupp ta’ studenti ta’ l-MCAST jiggradwa. Dan kien l-aqwa sinjal ta’ fiduċja f’dan il-Kulleġġ li huwa wieħed mill-proġetti kbar tal-Gvern, fil-qasam vokazzjonali u edukattiv. Hija tkellmet dwar il-pjanijiet tal-Ministeru għal Għawdex fil-qasam vokazzjonali speċjalment fil-kuntest ta’ l-edukazzjoni tul il-ħajja.
Il-Ministru Debono temmet l-indirizz tagħha billi awgurat lill-istudenti u rringrazzjat lill-Bord tad-Diretturi ta’ l-MCAST u l-Manager taċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex ta’ l-impenn tagħhom sabiex ikomplu jsaħħu dan is-servizz edukattiv f’Għawdex.
Is-Sur Roy Snelling, il-prinċipal tal-Kulleġġ ukoll indirizza lil dawk preżenti. Huwa stqarr li l-MCAST, fit-18-il xahar li ilu mwaqqaf f’Għawdex, kiber b’rata qawwija. Huwa aċċenna għall-Mission Statement tal-Kulleġġ li jwiegħed li jipprovdi edukazzjoni vokazzjonali u professonjali li tkun aċċessibli. Is-Sur Snelling stqarr li dan ifisser ukoll li l-MCAST jimpenja ruħu li jipprova jegħleb l-iżvantaġġ ta’ l-istudenti Għawdxin billi sa kemm hu possibbli f’Għawdex jiġu offruti varjeta’ ta’ korsijiet f’diversi livelli. Is-Sur Snelling faħħar ukoll lill-istaff taċ-ċentru ta’ l- MCAST f’Għawdex għall-ħidma tagħhom, li ġiet riflessa wkoll fir-riżultati tajbin ta’ l-istudenti Għawdxin.
Illum l-MCAST f’Għawdex jilqa’ fih mal-170 student fi 11-il kors differenti u għandu staff ta’ 25.. L-MCAST f’Għawdex fetaħ il-bibien tiegħu permezz ta’ centru fix-Xagħra. Matul din it-tieni sena skolastika tiegħu, il- Kulleġġ fetaħ t-tieni campus fix-Xewkija.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sur Godwin Grech, Manager taċ-Ċentru ta’ L-MCAST f’Għawdex, ir-Registratur tal-Kulleġġ Ms Josephine Cilia, id-Diretturi ta’ l-Istituti tal-Kummerċ, ta’ l-ICT u ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika kif ukoll xi membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Kulleġġ.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en