Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN WAQT IT-TNEDIJA TA’ “QUALITY SERVICE CHARTER” TAS-SEZZJONI TAL-KARTA TA’ L-IDENTITÀ, TA’ L-UFFIĊĊJU ELETTORALI – SANT’IERMU, VALLETTA

PR1774
Date Icon 15/11/2004

Il-poplu qiegħed jidra dejjem iktar servizz ċivili li jirrispondi għall-esiġenzi taż-żminijiet.  M’għadniex għoxrin sena ilu, iżda qegħdin navvanzaw f’era fejn ir-rapport bejn l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu qiegħed jinbidel.  

F’pajjiżi membri bħalna ta’ l-Unjoni Ewropea hija aċċettata li ċ-ċittadin għandu dritt jistenna servizz ferm aħjar minn dak li kien jirċievi qabel.  L-Istat m’għandux jippretendi li m’għandux bżonn jew m’għandux obbligu, la morali u lanqas legali, li jagħti rendikont liċ-ċittadini tiegħu.   

It-talbiet, anzi, kull talba li ssir minn kull persuna f’dan il-pajjiż tagħna għandha tiġi kkunsidrata li timmerita attenzjoni mmedjata u ta’ kwalità.  Bi kwalità nifhem li m’għadhiex aktar it-teorija li ċ-ċittadin ta’ pajjiż,  tintlaqagħlu talba ‘ex gratia’, iżda għax hemm dritt amministrattiv li jipproteġih b’tali mod li l-Istat, mhux jilqa’ jekk irid; iżda għandu l-obbligu li jagħmel dan.  Għax hemm bżonn li nsegwu prattika kostanti u tajba li ġiet żviluppata barra minn xtutna u li hija l-bażi ta’ dritt amministrattiv Ewropew.  Bażi li hija marbuta ma’ l-għarfien li kull applikazzjoni trid tiġi deċiża skond il-liġi, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr xi abbuż fil-poter, b’imparzjalità u indipendenza, b’oġġettività, bi proporzjonalità, b’ġustizzja, b’korrettezza, bi gwida tajba u li tirrispondi għall-aspirazzjonijiet leġittimi.  

Mhux kull talba tista’ tiġi legalment milqugħa, dak żgur.  Però kull persuna għandha dritt li tippretendi li l-applikazzjoni tagħha ser tiġi kkunsidrata malajr.  Mhux biss il-veloċità, is-solerzja, iżda wkoll li dak li jkun ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-proċess sħiħ amministrattiv li jippermettilu jsegwi x’qiegħed jiġri minn talbietu.  Dritt li jkun magħruf minn min huwa nkarigat sabiex jikkunsidra t-talba u f’liema stadju din tinsab.

Din hija qabża kbira.  Qabża li ma tistax issir f’daqqa iżda li titlob proċess sħiħ.  Proċess li qiegħed jinbeda minn din it-tarġa.  Dik li tibni fi kważi kull dipartiment dak li qed jissejjaħ “Quality Service Charter” jew aħjar dikjarazzjoni li biha dipartiment partikolari jintrabat li jservi lil min jirrikorri għandu bil-minimu ta’ dinjità u attenzjoni.  

Hawn ukoll wieħed irid jgħid li l-kontenut huwa fir-realtà ġabra ta’ ħwejjeġ bażati fuq is-sens komun u oħrajn li jitwieldu proprju mill-fatt li għandna nittrattaw lill-oħrajn bħalma nippretendu li niġu ttrattati aħna.  Dan id-dokument huwa wieħed li jirriafferma li kull ċiviltà tista’ timxi ‘l quddiem jekk ikollha servizz ta’ amministrazzjoni li hija effiċjenti għax tifhem li kull proċess, kull talba, issir minn min issir, trid tiġi kkunsidrata b’serjetà u tingħata tweġiba.  

L-istorja ta’ l-umanità turina fil-fatt li l-Imperu Ruman kien fl-aqwa tiegħu fit-tieni seklu wara Kristu proprju għax kellu fi ħdanu amministraturi li kienu jikkunsidraw u janalizzaw talbiet ġewwa Ruma minn kull rokna tiegħu.  Mhux ta’ b’xejn li Vespazjanu kien għażel il-kliem “festina lente” sabiex jispira l-poplu u l-amministraturi tiegħu.  Dawn huma eżempji li jitolbu li ngħarfu li s-servizz ċivili jrid jifhem li ma għadux iktar iż-żmien fejn il-ħaddiem tiegħu jinsab dejjem barra fuq il-missjoni provvidenzjali tal-“qadja” jew li min jiġi jħabbat il-bieb jiġi trattat qisu waqa’ mis-sema jew li qed jitlob is-sema.  

It-teknoloġija moderna tesiġi wkoll li mhux biss fil-kuntatt uman sija fiżiku jew bl-użu tat-telefon iżda anke permezz tal-e-mail ikun hemm solerzja u rispett.  Li dipartiment bħal dan qiegħed jintrabat li jagħti servizz li fi żmien ħamest’ijiem jikkonkludi l-bidu u t-tmien ta’ talba huwa eżempju ħaj ta’ kif bi sforz fid-direzzjoni t-tajba u b’teħid ta’ deċiżjonijiet ġusti l-Istat isir aktar tal-poplu u mhux jibqa’ ta’ ftit teknokrati li jispeċjalizzaw fil-‘katanaccio’.  

Iż-żmien qiegħed hawn u għandna dmir inwieġbu għal din is-sejħa.  Huwa tajjeb li dan id-dipartiment inxteħet f’din it-triq u jkun ferm aħjar jekk l-Istat iniedi aħjar dritt amministrattiv fejn dawn id-dikjarazzjonijiet isiru liġi.  Liġi li trid tiġi osservata u prattikata u ma tiddependix mill-ħeġġa jew mill-qalb ġeneruża ta’ kap ta’ dipartiment.  

Nagħlaq billi nawgura li iktar dipartimenti jsegwu dan l-eżempju tagħkom.  

DOI – 15.11.2004

9.49 Kbytes Last Modified on 15th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow