Left arrow Go Back

STORJA TA’ MALTA: IT-TIELET VOLUM TA’ HENRY FRENDO

PR1749
Date Icon 11/11/2004

It-tielet volum miktub mill-Professur Henry Frendo fis-serje ta’ Storja ta’ Malta tal-Klabb Kotba Maltin se jkun għall-bejgħ f’dawn il-ġranet.  Dan il-volum tant mistenni jkompli fuq ix-xogħol li kien beda l-Professur Andrew Vella fl-ewwel żewġ volumi li kienu ppubblikati fis-sebgħinijiet.  Dawn il-volumi kienu trattaw l-istorja ta’ Malta mill-preistorja sat-tarf tas-seklu tmintax.  

Bit-titlu: Żmien l-Ingliżi: Is-Seklu Dsatax, dan ix-xogħol ġdid ta’ Henry Frendo, jiġbor għall-ewwel darba b’mod konċiż l-istorja ta’ Malta fis-seklu dsatax bil-Malti. Dan il-volum jittratta mhux biss aspetti soċjali, ekonomiċi, kulturali, demografiċi, reliġjużi u politiċi, imma wkoll epidemiji, migrazzjoni, gwerer, karnival, gazzetti, baned, skejjel, lingwa, infrastruttura, partiti politiċi u kostituzzjoni ta’ matul dan is-seklu.  Dan il-ktieb li jittratta l-istorja ta’ Malta bejn l-1800 u l-1900 hu maqsum f’ħames partijiet u 34 kapitlu f’aktar minn 300 paġna b’bosta illustrazzjonijiet, inċiżjonijiet tal-perjodu, ritratti, tpinġijiet, karikaturi, mapep u tabelli.  Żmien l-Ingliżi jibbaża l-istorja ta’ Malta ta’ dan il-perjodu f’kuntest aktar wiesgħa ta’ l-Ewropa ta’ dak iż-żmien, l-Imperu Ingliż u ż-żona tal-Mediterran, li skond l-awtur huma it-tliet pilastri li fuqhom hi msejsa l-istorja moderna ta’ pajjiżna. Minħabba f’hekk dan ix-xogħol inkiteb b’mod interattiv.  L-awtur jiddiskuti temi bħall-blokk kontinentali, żmien il-gwerra tal-Krimea, ir-Risorgimento, il-Kanal ta’ Suez jew l-espansjoni Ewropea fl-isfond ta’ l-iżviluppi internazzjonali, jiffoka fuq l-effetti ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-Maltin ta’ dak iż-żmien.  Li kieku f’dan iż-żmien Malta ma kinitx kolonja, Frendo jgħid li hu seta’ jsemmi dan il-ktieb “Żmien il-Maltin” minħabba f’dan iż-żmien seħħ żvilupp qawwi mhux biss fl-immodernizzar ta’ l-infrastruttura imma wkoll fil-ħsieb tal-Maltin f’dibattiti miftuħa dwar l-identità li kkaraterizzaw dan is-seklu.  

Dan il-volum hu innovattiv minħabba li hu storja ta’ Malta miktuba bil-Malti. Mhux ta’ b’xejn Frendo għażel li jibda dan il-volum bil-kliem ta’ M.A. Vassalli li fl-1827 kiteb “dak li ma jinftehimx, jintesa’. Kulmin hu midħla tal-kitba ta’ Henry Frendo jagħraf mill-ewwel l-istil tiegħu, stil mexxej, kważi informali, għani fl-użu tal-lingwa biex iwassal bla xkiel dak li għandu jgħid.

Il-Professur Henry Frendo qed ikompli xogħol li tħalla mhux mitmum mill-predeċessur tiegħu l-Professur Andrew Vella.  B’hekk dan ix-xogħol, Storja ta’ Malta, hu l-bravura ta’ tnejn mill-aqwa storiċi ta’ żmienna marbuta flimkien f’dawn l-erba’ volumi u fl-imħabba li għandhom għall-promozzjoni ta’ l-istudji dwar Malta.  Ir-raba’ volum tal-Professur Frendo se jkopri s-seklu għoxrin.  

Il-tielet volum ta’ Storja ta’ Malta: Żmien l-Ingliżi ġie stampat f’żewġ verżjonijiet, b’qoxra iebsa u qoxra ratba u jinsab għall-bejgħ mingħand il-Klabb Kotba Maltin u l-librara ewlenin. Għal dawk li m’għandhomx il-volumi l-oħra ta’ Storja ta’ Malta, il-Klabb ħaseb biex jagħmel edizzjoni limitata taż-żewġ volumi.  

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea fisser l-apprezzament tiegħu u tal-Gvern għal dan il-kontribut validu għall-għarfien ta’ l-istorja moderna ta’ pajjiżna. “Sfortunatament ħafna huma dawk li jew ma jafu xejn u jew jafu ftit li xejn fuq il-ġrajjiet storiċi, politiċi u soċjali, li sawwru l-Malta tal-lum. Biex napprezzaw il-kisbiet kbar li għamel il-poplu Malti matul is-snin jeħtieġ li naqraw l-istorja miktuba mill-istoriċi professjonali li jfissru ġrajjiet il-poplu mhux minn xi lenti partiġġjana imma mill-lenti tad-dokumenti u r-riċerka oġġettiva.  Il-ktieb bil-Malti tal-Professur Henry Frendo dwar is-seklu dsatax ser jimla’ vojt għall-poplu kollu. Huwa għodda mill-aqwa biex l-għalliema ta’ l-istorja u l-istudenti jisiltu xbiha ċara ta’ kif għex u żviluppa l-poplu Malti u Għawdxi f’dan is-seklu li nibbet fil-poplu tagħna r-rieda ta’ l-azzar li jissielet u jikseb l-indipendenza u s-sovranita` tiegħu,” sostna Louis Galea.  

DOI  11.11.2004

17.48 Kbytes Last Modified on 11th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow