LAQGĦA TAL-KAPIJIET TAL-GVERN TAL-COMMONWEALTH (CHOGM 05): KOMPETIZZJONI TA’ LOGO
Il-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth fl-aħħar laqgħa tagħhom f’Diċembru ta’ l-2003 fin-Niġerja, kienu laqgħu l-istedina ta’ Malta biex tlaqqa’ ċ-CHOGM li jmiss li se ssir f’Novembru ta’ l-2005. Il-laqgħat taċ-CHOGM isiru kull sentejn f’pajjiż differenti tal-Commonwealth. Iċ-CHOGM tagħti l-opportunità lill-Kapijiet tal-Gvern tal-53 pajjiż membru biex jiddiskutu oqsma ta’ interess komuni u biex jaqblu dwar inizjattivi li jkunu ta’ benefiċċju għad-diversità tas-sħubija tal-Commonwealth.
Il-logo taċ-CHOGM huwa parti integrali mill-identità tal-Konferenza u kull laqgħa taċ-CHOGM ikollha il-logo partikolari tagħha. Dan ikun inkluż f’kull materjal li għandu x’jaqsam maċ-CHOGM. Minħabba r-rappurtaġġ estensiv li l-Konferenza tingħata mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-logo taċ-CHOGM daqstant ieħor igawdi għarfien u pubbliċità fil-Commonwealth u f’pajjiżi oħra.
It-Task Force li għandu l-inkarigu tat-tħejjijiet għall-Konferenza ta’ Malta iddeċieda li jniedi kompetizzjoni pubblika għad-disinn tal-logo taċ-CHOGM 2005. Il-logo għandu jipproġetta l-identità storika u kulturali ta’ Malta u jagħti ħarsa ukoll lejn il-progress li Malta għamlet fl-oqsma ta’ l-Informatika u l-Komunikazzjoni kif ukoll ifakkar fir-rabta li Malta għandha mal-Commonwealth. Dettalji u r-regolamenti dwar aspetti oħra tal-kompetizzjoni jistgħu jinkisbu mill-website tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni (DOI): http://www.doi.gov.mt
Kulħadd jista’ jidħol għall-kompetizzjoni. Dawk interessati għandhom iressqu is-sottomissjonijiet tagħhom sa’ l-15 ta’ Diċembru 2004 lil: Iċ-Chairman, CHOGM 2005 Task Force, Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, Valletta . Ir-rebbieħ, li jitħabbar nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Jannar 2005, jingħata rigal ta’ Lm 300.
DOI 10.11.2004
15.33 Kbytes Last Modified on 10th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946