Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GOZNI DWAR L-ISPTAR MATER DEI, LI SARET FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI LLUM 8 TA’ NOVEMBRU, 2004

PR1736
Date Icon 08/11/2004

Sur President,  

Nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru jiena ħabbart li kien intlaħaq ftehim mal-konsorzju Skanska Malta Joint Venture (SMJV) dwar l-isptar Mater Dei. Dalgħodu il-Kabinett tal-Ministri approva d-dettalji tal-ftehim li ntlaħaq. Jidhirli li l-Gvern għandu d-dmir li issa jagħti rendikont sħiħ ta’ l-iżviluppi kollha li seħħew matul dawn in-negozjati lil dan il-Parlament sabiex il-poplu tagħna jkollu stampa ċara ta’ x’inhi s-sitwazzjoni llum, il-mod kif żviluppat, u l-pjan li issa għandna quddiemna sabiex jintlaħaq l-iskop aħħari – iġifieri dak li nagħtu lil poplu tagħna dak li jixraqlu - Sptar ta’ l-aqwa kwalita’ li jikkumplimenta s-servizz tas-saħħa li hu diġa’ rikonoxxut bħala wieħed ta’ livell għoli ħafna.  

Qabel xejn, irrid nagħmel premessa mportanti. Dan hu proġett nazzjonali li huwa marbut mill-viċin ma’ l-aspirazzjoni tal-poplu tagħna f’wieħed mill-valuri l-aktar importanti tiegħu – dak tas-solidarjeta’ espressa ma’ min huwa fil-bżonn ta’ servizz mediku. Aħna l-politiċi, għandna dmir li nagħtu lil poplu tagħna l-aħjar possibbli, skond iċ-ċirkostanzi tagħna. Gvernijiet differenti li kellu pajjiżna matul dawn l-aħħar snin, għarfu dan id-dmir, u kien għalhekk li taw priorita’ lil dan il-proġett, għaliex konvinti li qabża ta’ kwalita’ fis-servizzi tas-saħħa tfisser qabża ta’ kwalita’ fil-livell tal-ħajja tal-poplu tagħna.  

Nirrikonoxxi li kien hemm kontroversji politiċi marbuta ma’ dan il-proġett u f’ċertu sens wieħed jista’ jgħid li dawn kienu inevitabbli għaliex il-proġett għadda minn fażijiet differenti li biddlu l-kunċett li fuqu kien twieled. Iżda l-punt tat-tluq tiegħi, huwa li għandna lkoll mira komuni, li lkoll ħdimna biex insibu l-aħjar soluzzjonijiet biex dan il-proġett isir realta’ għall-ġid komuni, u li lkoll rridu li naraw li l-flus tal-poplu tagħna jintefqu b’mod li jkollna l-aħjar u l-aqwa riżultat.  

Sur President, ippermettili nibda billi nagħti ħarsa lejn l-iżviluppi li seħħew tul is-snin biex b’hekk nifhmu illi l-proġett li qiegħdin nitkellmu dwaru llum, huwa fundamentalment differenti minn dak li bdejna bih anke jekk il-motivazzjoni tagħna baqgħet l-istess.  

Kien hemm erba perjodi differenti li wasslu għas-sitwazzjoni li għandna quddiemna llum.  

1990-1996  

L-ewwel perjodu kien ikopri s-snin 1990-1996. Il-proġett ta’ sptar ġdid twieled f’kuntest partikolari li għandna nżommuh quddiem għajnejna l-ħin kollu. Fl-1990, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista beda jiżviluppa l-ħsieb ta’ l-awtonomija fit-tmexxija ta’ l-isptarijiet filwaqt li beda jissieħeb ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-kura tas-saħħa istituzzjonali sabiex itejjeb is-servizz tas-saħħa aċċessibbli u ta’ kwalita’ li diga’ kellna.  

Il-ħsieb tal-Gvern kien li jinbena Ċentru ta’ l-għola kwalita’ biex jikkumplimenta l-iSptar Ġenerali ta’ San Luqa li kien diġa’ ilu jopera għal ħamsin sena u li kellu bżonn programm estensiv ta’ titjib u mmodernizzar. Dan l-isptar il-ġdid ta’ 480 sodda kellu jkun wieħed modern u speċjalizzat fil-qasam tad-dijabete, mard tal-qalb u dak deġenerattiv, u mard kroniku ieħor li huwa partikolari għar-reġjun tal-Mediterran. L-aspett ta’ riċerka u żvilupp kellu jkun integrat fi ħdan dan l-isptar, flimkien ma’ l-element ta’ tagħlim avvanzat sabiex pajjiżna jkun jista’ jistabbilixxi ruħu fil-qasam tax-xjenzi mediċi u l-mard mediterranju. Dan il-kunċett kien imfassal fl-isfond ta’ l-istrateġija nazzjonali li nagħmlu lil pajjiżna ċentru (hub) ta’ attivitajiet f’diversi setturi u servizzi, nkluż dak tas-saħħa.  

Il-pjanijiet tal-Gvern kienu ndikaw li dan l-isptar il-gdid (dak iz-zmien magħruf bħala San Raffaele), kien ser jiswa nvestiment ta’ madwar Lm51 Miljun inkluz l-apparat. Fl-istess waqt, il-Gvern kien laħaq beda programm ambizzjuż ta’ mmodernizzar fl-Isptar San Luqa, programm li għadu sejjer sa’ llum anki jekk tnaqqas ir-rittmu minħabba l-eżiġenzi ta’ l-Isptar il-ġdid Mater Dei.  

Kien fit-12 ta’ Settembru 1995 li Skanska ngħatat l-inkarigu sabiex tibni l-Isptar San Raffaele, xogħol li nbeda f’anqas minn xahar.  

Kien hemm min f’dak iz-zmien għajjarna ‘kapriċċuzi’. Kultant għadek issib min jaħsibha l-istess anke sa’ llum. It-tweġiba tagħna hi ċara u kategorika. L-iżvilupp tas-saħħa f’pajjiżna kien wasal għal fażi ta’ riġenerazzjoni jekk ridna li nibqgħu nżommu l-għola livelli possibbli. L-isptar San Luqa kien qiegħed jeqdiem u kien neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar il-ġejjieni. Dak iż-żmien il-Gvern kien iddeċieda li l-istrateġija kellha tkun mibnija fuq żewġ pilastri – Sptar Ġenerali modernizzat u attrezzat bl-aħħar teknoloġiji u Sptar Speċjalizzat. Dan ma kienx kapriċċ – imma kien impenn soċjali mill-aqwa li kellu viżjoni fit-tul li setgħet tisfrutta l-opportunitajiet li pajjiżna kellu quddiemu.  

1996-1998  

It-tieni perjodu jkopri s-snin bejn l-1996 u l-1998. Wara l-elezzjoni ta’ l-1996, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista għażel li jbiddel ir-rotta li kienet ġiet stabbilita. Dottor Alfred Sant, dak in-nhar Prim Ministru, kkummissjona tlett rapporti fi zmien erba’ xhur. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fit-30 ta’ Novembru 1996. It-tieni rapport ġie ppubblikat fit-18 ta’ Diċembru 1996. Filwaqt, li t-tielet rapport ġie ppubblikat f’Marzu tal-1997, xahar biss wara li dan ġie kkummissjonat.  

M’inhix ser noqgħod nidħol fil-mertu tal-validita’ ta’ dawn ir-rapporti għaliex dan ma’ jbiddel xejn mir-realta’ ta’ dak li seħħ. Issa dak li sar sar! Jibqa biss il-fatt li ttieħdet deċiżjoni li jinbidel kompletament il-funzjoni ta’ l-Isptar San Raffaele minn wieħed speċjalizzat għal Sptar Ġenerali akut ta’ bejn 800 u 1,000 sodda.  

L-implikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni kienu enormi. Dan kien iffisser li kien ser ikollna Sptar ta’ 1,000 sodda fi spazju li kien maħsub biex jesa’ 480 sodda. Kien ifisser żieda qawwija fin-nefqa proġettata apparti t-tagħmir mediku u s-sistemi kollha li kien ikun hemm bżonn sabiex tattrezza tajjeb Sptar Ġenerali akut. Dak in-nhar kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jingħata direct order biex jinbnew żewġ sulari oġra fuq il-footprint eżistenti ta’ l-iSptar Mater Dei biex l-isptar ikun jista’ jakkomoda ż-żieda fis-soddod.  

1998 – 2004  

It-tielet perjodu jkopri l-avvenimenti li seħħew wara l-bidla fil-Gvern fl-1998. Dak in-nhar kellha tittieħed deċizjoni dwar il-futur ta’ dan il-proġett. Mill-bidu nett irriżulta li d-disinni li kien ħadem fuqhom il-Gvern Laburista kienu jfissru li riedet titwaqqa blokka sħiħa li diġa’ kienet mibnija qabel l-1996.  

Din il-bidla ġiet tiswa ftit anqas minn żewġ miljuni u nofs. It-tkabbir kien ser ifisser ukoll bini ta’ sular ġdid u bini ta’ blokk ġdid. Barra minn dan id-disinni l-ġodda ta’ Norman & Dawbarn kienu għadhom fi stadju inizjali u lanqas kienu għadhom approvati mill-FMS.  

Għaldaqstant, il-Gvern ħass li għandu jagħmel ridimensjonament tal-proġett sabiex jaċċerta ruħu li s-servizzi mediċi jingħataw bil-kumdita’ u mingħajr iffullar u geġġwiġija. Ġaladarba, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dan isir Sptar Generali akut, ma’ kienx fl-interess nazzjonali li nerġgħu mmorru lura għal pjanijiet oriġinali ta’ l-Isptar San Raffaele.  

Iddeċidejna li naċċettaw il-kunċett ta’ Sptar Ġenerali akut imma ddeċidejna li nirrevedu l-isfel in-numru ta’ sodod. Dan anki għaliex il-kunċett ta’ Sptar Ġenerali Akut, biex ikun sostenibbli u li jirrendi, jirrikjedi t-trasferiment tal-każijiet soċjali mill-Isptar San Luqa għal San Vinċenz de Paule jew xi servizz ieħor imwaqqaf proprju għal dan l-iskop.  

Kulħadd jifhem illi la tkun iddeċidejt li tkabbar l-isptar allura jeħtieg mhux biss li tippjana mill-ġdid, iżda trid wkoll iżżid il-volum tal-bini, tas-servizzi, tal-infrastruttura teknika u amministrattiva. Ovvjament dan itawwal iż-żmien li fih proġett bħal dan jista’ jitlesta.  

Biex nifmhu aħjar, nista nagħti ftit eżempji:  

-         Sptar San Raffaele kellu 16-il Operating Theatre filwaqt li Sptar Mater Dei għandu 24 Operating Theatre;

-         Sptar San Raffaele kellu 22 Ward filwaqt li Sptar Mater Dei ser ikollu 40 Ward;

-         Sptar San Raffaele kellu bzonn 33 lift, filwaqt li issa Sptar Mater Dei ser jeħtieġ 52 lift;

-         Sptar San Raffaele kellu ppjanati Carpark għal 500 karozza, filwaqt li l-Isptar Mater Dei hu maħsub li għandu bzonn Carpark ghal 1,600 karozza;  

Minn dawn il-ftit eżempji, joħrog ċar li l-entita’ tal-proġett kienet inbiddlet radikalment bil-konsegwenza li l-investiment li kellu jsir bilfors kellu jiżdied b’mod qawwi.  

Minħabba l-problemi li dejjem inqalgħu bejn min iddisinja l-Isptar (Ortesa u Norman & Dawbarn) u Skanska, il-Gvern iddeċieda li jkun fl-interess tiegħu li jagħti lil Skanska kuntratt a bażi ta’ mudell li jissejjaħ ‘Design & Build’. Qabel ma dan seta jsir, Skanska Malta J.V., li kienet iffurmata minn Skanska AB u numru ta’ kuntratturi Maltin, ingħatat l-inkarigu li tiddisinja l-Isptar Mater Dei skond il-kriterji l-ġodda stabbiliti fil-medical brief, u aktar importanti minn hekk, toħloq target value ta’ l-istimi tax-xogħol. Dan kien ifisser wkoll li SMJV kellha tikkordina l-aspetti kollha tad-disinn u l-kostruzzjoni fuq dak it-target value.  

Skanska għalhekk ippreżentaw ‘Pre Design Brief and the Concept Design’ fi Frar tal-1999 li fih indikaw li l-ispiża relatata mal-kostruzzjoni biss ta’ l-Isptar Mater Dei kienet ppjanata li tkun Lm 93 miljun (nkluz l-Management Fee u d-Designs Fee).  

Għalhekk, f’Diċembru ta’ l-1999, ingħata bidu għan-negozjati bejn iż-żewġ naħat bil-ħsieb li jiġi ffirmat kuntratt ta’ ‘Design and Built on a Cost Plus Basis’, kuntratt li ġie ffirmat fi Frar tal-2000. Dan il-kuntratt offra numru ta’ benefiċċji għall-Gvern Malti, iżda r-raġuni ewlenija għaliex intagħżel dan il-mudell kienet li b’hekk ġiet evitata l-possibilita’ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn min jiddisinja u min jibni l-isptar.  

Tajjeb jingħad, li b’dan it-tip ta’ arranġement, il-Gvern Malti ffranka madwar Lm 7 Miljuni li kienu dovuti minħabba xi tibdil fil-pjanti li kienu saru sa’ minn mindu Skanska kienu gew mogħtija t-tender tal-kostruzzjoni fl-1995.  

Fil-bidu nett ta’ dan il-kuntratt, l-FMS indunat li kien hemm aspetti tal-pjanti sottomessi minn SMJV li ma kienux konformi mal-Medical Brief li ngħataw l-iSkanska. Għaldaqstant, Skanska ntalbu jagħmlu t-tibdil neċessarju. L-FMS imbagħad awtorizzat varjazzjonijiet ta’ madwar 5 Miljun lira fuq il-bini ta’ dan l-Isptar wara li ħadet il-pariri li tawha 55-il Commissioning Team, magħmula minn speċjalisti varji li jaħdmu u jużaw l-Isptar. Dan għamlitu sabiex jigi aċċertat li l-Isptar Mater Dei jkollu faċiltajiet mill-aktar moderni u għaliex l-FMS insistiet fuq il-kwalita’, mhux b’kapriċċ imma bi bżonn.  

Il-funzjoni ta’ l-FMS f’dan il-perjodu kienet waħda ta’ mportanza. L-FMS kellha ssegwi l-proġett biex tara li mhux biss il-proġett jitwettaq skond il-kriterji stabbiliti, imma li tawtorizza bidliet kull fejn ikun hemm bżonn u tara li l-ispiża tal-proġett timxi ma’ dak li kien ġie ndikat fil-Projected Target Value. Il-fatt li l-FMS kienet tipparteċipa fid-deċizjonijiet għall-għoti ta’ tenders kien jippermetti li hi jkollha stampa pjuttost ċara tan-nefqa li tkun ser issir fl-istadju tal-għoti tat-tenders, għaliex f’dak l-istadju l-FMS setghet tqabbel il-prezz ta’ kull kuntratt ma’ l-istimi li kellha quddiemha.  

Iżda dan ma kienx biżżejjed għaliex aktar kemm beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jirriżulta li kien qed ikun hemm varjazzjonijiet sostanzjali fil-valur finali tax-xogħol li kien qed isir.  Dan kien qiegħed jiġri jew għaliex l-entita tax-xogħol tkun kibret wara li t-tender kienet giet mogħtija, jew inkella għaliex l-istandards rikjesti jkunu għolew, jew minħabba raġunijiet oħra nkluż l-fatt li d-disinji ma’ kienx kompluti jew dettaljati biżżejjed.  

F’Mejju tas-sena 2001, l-FMS appuntat lil kumpanija Horwarth CLS Ltd, biex tipprovdi servizzi ta’ cost-control fuq dan il-kuntratt ta’ l-SMJV. Din id-deċiżjoni ittieħdet għaliex kien qiegħed jidher ċar li l-ispiża kienet qed tiżdied aktar minn dak li kien ġie stabbilit fil-bidu tal-proġett.  

Is-sitwazzjoni eskalat fl-2001 meta fit-8 ta’ Awissu ta’ dik is-sena saret laqgħa mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u li ghaliħa attendew il-Ministru tal-Finanzi, l-Ministru tas-Saħħa, l-President u s-CEO ta’ l-FMS kif ukoll il-President ta’ Skanska flimkien mal-Perit Ċassar li kien qed jirrapreżenta l-partners Maltin fil- Joint Venture. Dak in-nhar iż-żewġ naħat iddiskutew il-preokkupazzjonijiet tal-Gvern dwar l-eskalazzjoni ta’ l-ispiża kif ukoll id-data tal-ftuħ ta’ l-isptar. Sa’ dak iż-żmien, Skanska kienu qed isostnu li l-ispiża kienet taħt kontroll.  

Madankollu, beda jigri li, ma’ kull kuntratt ta’ xogħol iffirmat bejn l-SMJV u l-kuntratturi tagħhom, l-FMS bdiet tinduna li l-Projected Final Cost kien qed jiżdied. Dan ma’ kien jindika xejn ħlief li fl-estimi tat-Target Value, Skanska ma’ kienux korretti u l-estimi tagħhom ma’ kienux jirriflettu l-ispiża reali biex isir ix-xogħol kif kellu jsir.  

Sur President,  

Peress li ser ikolli nagħti xi ċifri ħalli l-Kamra tkun tista’ tifhem il-mod kif żviluppaw l-affarjiet mill-2002 sa’ llum, huwa mportanti li nagħmel premessa. Iċ-ċifri li konsistentement inghataw fil-pubbliku (miż-żewġ gvernijiet), kienu dejjem dawk marbuta mal-kostruzzjoni (nkluż l-mechanical and electrical services) imma qatt ma’ nkludew l-ispiża marbuta mad-Design Costs, l-Management Costs, l-apparat mediku, l-għamara għall-isptar, s-sistema ta’ l-IT, l-istorage u loġistika, il-migration plan u l-ispejjeż amministrattivi ta’ l-FMS. L-anqas ma’ jinkludu l-ispejjeż għall-fażijiet li tħallew għal futur, fosthom il-bini ta’ l-iskola medika, s-servizzi għal-psikjatrija akuta, s-servizzi għar-rijabilitazzjoni, u t-trasferiment tas-servizzi tad-Dentistrija, l-Onkoloġija u d-Dermatoloġija.  

Għalhekk iċ-ċifri li ser inkun qiegħed nikkwota, ser ikunu dawk relatati ma’ l-ispiża tal-kostruzzjoni (inkluz l-ME) imma ser inżid magħhom d-Design Fees, l-Management Fees.  

L-eskalazzjoni fl-ispiża għall-kostruzzjoni bdiet tfeġġ b’mod ċar f’Settembru tas-sena 2002 meta kien qiegħed jirriżulta li l-ispiża proġettata kienet telgħet għal Lm120.9 Miljun. F’Ottubru ta’ dik is-sena, din ġiet riveduta għal Lm121.5 Miljun.  

Kien għalhekk li f’Novembru ta’ dik is-sena l-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien sejjaħ laqgħa ma l-għola uffiċjali ta’ Skanska li għaliha attenda s-Sur Per Hofvander, Senior Vice-President ta’ Skanska.  Dak inhar sar qbil li għandu jsir kumitat konġunt sabiex jiġu analizzatti d-diverġenzi u jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji bl-iskop li tkun kristallizzata l-ispiża marbuta mal-kostruzzjoni ta’ l-iSptar.  

Kien proprju dan l-eżerċizzju li aktar tard matul is-sena 2003, kompla juri li l-estimi oriġinali li kienu taw Skanska kienu ser ikollhom jiġu riveduti u jgħolew b’mod sostanzjali.  Difatti eżerċizzju li sar f’Settembru 2003, wera li l-istima ta’ l-ispiża finali kienet ser tkun ta’ Lm138.8 Miljun lira. Izda barra minn dan, kien qiegħed jirriżulta wkoll li kien hemm claims minn kuntratturi ta’ l-iSkanska li aktar tard irriżulta li kienu jlaħħqu mat-Lm22.3 Miljun lira. Dan kien ifisser li sa Settembru 2003 kien hemm spiża totali li potenzjalment setgħet titla għal Lm161 Miljun lira.  

Din is-sitwazzjoni ġiet rappurtata lill-Kabinett tal-Ministri f’laqgha li nżammet f’Novembru tal-2003 u sussegwentement l-FMS ikkummissjonat rapport sabiex jidentifika d-differenza bejn it-Target Value u l-Projected Final Cost. Dan ir-rapport tlesta f’April tal-2004.  

2004  

Ser nigi issa għar-raba’ perjodu ta’ żmien, iġifieri dik li wasslet għan-negozjati u għall-ftehim li ntlaħaq nhar is-Sibt li għadda.  

Qabel xejn, Sur President, qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imħejji min Ms Jackie Camilleri għall-FMS bit-titlu: “Gap Analysis: Target Value vs. Projected Final Cost” flimkien ma’ l-Annessi relatati. Dan ir-rapport jagħti rendikont tad-diskrepanzi eżistenti bejn dak indikat mill-SMJV fl-2000 għal dak li kien qed jiġi stmat bħala Projected Final Cost fl-2003. Inqiegħed ukoll kopja ta’ rapport bit-titolu “Review and Analysis of SMJV PFC” maghmul minn Jack Storey li huwa Senior Quantity Surveyor. Dan ir-rapport janalizza l-gap analysis u jagħmel rakkomandazzjoni li fuqu l-Gvern ibbaża l-pożizzjoni tiegħu u l-miri li ried jilħaq b’riżultat tan-negozjati li seħħew.  

Meta jiena sirt Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi f’Marzu ta’ din is-sena, jiena għamiltha ċara mal-poplu Malti li waħda mill-għaxar miri ewlenin tiegħi kienet li nikkonsolida il-finanzi tal-Gvern. Irrealizzajt mill-ewwel li kelli nkompli nagħti priorita’ assoluta lill-proġett ta’ l-iSptar Mater Dei u dan għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel għaliex tassew nemmen li dan hu progett li ser iħalli gid kbir għas-saħħa tal-poplu tagħna u allura ridt li jitlesta fi żmien raġjonevoli u jibda jintuża. It-tieni għaliex kien hemm bżonn assolut li l-ispiża finali tkun stabbilita b’mod li ma tkomplix teskala u b’mod li tippermetti lil pajjiżna jiddedika riżorsi għal prioritajiet oħra daqstant ieħor vitali għal ġejjieni ta’ pajjiżna.  

Kien għalhekk li bejn April u Mejju analizzajna r-rapport dwar il-Gap Analysis u fassalna l-istrateġija tagħna biex nibdew negozjati ntensivi ma’ Skanska.  

Fit-3 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, jiena flimkien mal-Ministru tas-Saħħa, ltqajna ma’ uffiċjali għolja ta’ Skanska fejn ġie maqbul li għandhom jiġu nominati żewġ timijiet ta’ negozjaturi sabiex jidħlu fid-dettal ta’ kull talba u diskrepanza rappurtata. Il-mira kienet li naslu għal qbil dwar kemm ser jiswa finalment l-Isptar Mater Dei, kif wkoll għal data maqbula u marbuta bejn kulħadd ta’ meta dan il-proġett ser jitlesta. Minn naħa tal-Gvern it-tim ta’ negozjaturi kien immexxi mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Tonio Feneċh.  

Kif għedt diġa, kellna miri ċari li ridna nilħqu permezz ta’ dawn in-negozjati. Fil-bidu tagħhom konna nafu li bejn l-istimi ta’ Skanska u l-claims potenzjali tal-kuntratturi, konna qiegħdin niffaċċjaw spiża li sa dak in-nhar kienet diġa qiegħda tilħaq l-ammont ta’ Lm 161 Miljun u ma’ kien hemm xejn x’jiggarantixxi li din ma tkomplix titla’. Konna wkoll mingħajr data realistika għall-ftuħ ta’ l-iSptar u allura konna konxji li aktar kemm kien ser ikun hemm dewmien, aktar kien hemm il-periklu li din l-ispiża tkompli tikber.  Nixtieq infakkar li l-ispiża ta’ Lm 161 miljun kienet ser tkopri biss l-ewwel fażi ta’ dan l-isptar.  

Għalhekk stabbilejna li kellna ninnegozjaw biex nilħqu dawn l-ħames miri :  

Bidla tal-kuntratt għal wieħed Lump Sum;

Prezz finali u stabbilit li ma jkunx jista jiżdied u li jkun ekwivalenti għal valur reali tax-xogħol li sar s’issa u li għad fadallu jsir;

Data ta’ ftuħ definita u realistika;

Penali ta’ Lm5 Miljuni f’każ li l-isptar ma jinfetaħx fid-data stabbilita’;

Management minn Skanska b’mod li jkun hemm koordinament sħiħ bejn il-mechanical and electrical services u l-apparat mediku li sadanittant kien qiegħed jiġi ordnat u kien ser jibda jasal fix-xhur li ġejjin.

Dwar il-kwistjoni tal-prezz finali, ibbażajna ruħna fuq iż-żewġ rapporti li jiena qegħedt fuq il-mejda tal-Kamra. Kif jirriżulta, dan ir-rapport indika li kellna nimmiraw għal valur ta’ Lm138.5 Miljuni li jinkludu l-Mangement Fees u d-Design Fees.  

L-istess rapport jagħti indikazzjoni li bħala data tal-ftuħ kellna nimmiraw għal 31 ta’ Mejju 2007, iżda l-pożizzjoni mogħtija lit-tim ta’ negozjaturi kienet li ridna nkunu ċerti li d-data kienet realistika u allura konna lesti li nikkonċedu anke aktar żmien, basta nkunu ċerti li d-data tkun waħda aċċettabbli għall-esperti tagħna.  

Il-kontroversja li nqalgħet dwar il-kompożizzjoni tat-tim ta’ negozjaturi proprju meta n-negozjati kienu qiegħdin fl-aktar mument delikat kienet deplorevoli. Jiena napprezza li bħala politiċi rridu nkunu sensittivi kemm dwar min jiġi appuntat biex jaqdi funzjoni għall-Gvern kif ukoll dwar kemm jitħallas. Iżda r-reputazzjoni ta’ serjeta’ u onesta’ tan-nies ma tistax tiġi mċappsa billi wieħed jaqbad u jitfa d-dubji bl-addoċċ. Il-Perit Paul Camilleri, kien ilu membru tal-FMS sa’ minn Ottubru tas-sena 2000 u Viċi-President sa’ minn Mejju tas-sena 2003. Kien jaf l-istorja kollha apparti li hu wieħed mill-periti rikonoxxuti f’pajjiżna għall-kompetenza teknika tiegħu. Żgur li kont inkun stupidu li neliminah minn tim ta’ negozjaturi li bilfors kellhom jinkludu lil xi ħadd mill-FMS biex jikkontradixxu lin-naħa l-oħra meta jkun hemm bżonn.  

L-istess ngħid dwar l-għażla ta’ l-Avukat Richard Camilleri, rikonoxxut f’pajjiżna bħala avukat ta’ l-għola kompetenza li diġa’ kien involut fit-tim legali li kellhu x’jaqsam mal-proġett fiż-żmien tal-Gvern Laburista. L-għażla ta’ avukat differenti minn dak tal-FMS kienet ibbażata fuq il-fatt li ridna opinjoni differenti minn dik ta’ l-avukat tal-FMS proprju għaliex ridna nbiddlu radikalment in-natura tal-kuntratt għal wieħed ta’ Lump Sum b’data definita u stabbilita għall-ftuħ ta’ l-isptar.  

Barra minn dan jiena ridt li jkolli second opinion dwar id-drittijiet u obbligi legali taż-żewġ naħat skond il-kuntratt eżistenti. Ridt inkun ċert dwar l-alternattivi kollha li kellna quddiemna, nkluż il-possibilita’ li l-Gvern jieħu azzjoni legali kontra Skanska jew li juża d-drittijiet tiegħu taħt il-kuntratt biex tintuża l-proċedura ta’ l-arbitraġġ.  

Dan ma jnaqqas xejn mill-kompetenza u l-kapaċita’ tal-avukati tal-FMS li għandhom l-ogħla stima tiegħi.  

Għall-informazzjoni tal-Kamra, l-kontijiet li rċevejna sa’ llum għas-servizz mogħti mill-esperti huma dawn :  

L-avukat Richard CamilleriLm 2950
Ms Jackie CamilleriLm 1060
Michel GanadoLm 3380
Perit Paul CamilleriLm 3450
Is-Sur John BarrStg 22716

In-negozjati kienu ntensivi u dettaljati. Matul il-kors tan-negozjati ridna nkunu ċerti li fl-ebda mument ma nippreġudikaw il-pożizzjoni legali tagħna. F’dan l-istadju, Skanska qalulna li minħabba d-dewmien fil-proċess u t-tul li dam biex jiġi aġġudikat it-tender dwar l-apparat mediku, huma kienu qed jaffaċċjaw claims ta’ madwar Lm23 Miljun minn kuntratturi tagħhom, filwaqt li bdew jitolbu ħlas ta’ Lm6 Miljun aktar fuq Management u Design minħabba t-tibdil li sar. SMJV talbu wkoll Lm5 Miljuni fi claims dwar dewmien. B’kollox għaldaqstant Sur President, SMJV bdew jitolbu ħlas ta’ Lm164 Miljun.  

Naturalment, dan ma kienx aċċettabli għall-Gvern. Aċċettajna l-fatt li kien hemm dewmien ġustifikat minħabba t-tul li ha l-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender ta’ l-apparat mediku, u allura dan kellu mpatt fuq l-estensjoni tat-timeframes tat-tlestija ta’ l-iSptar. Iżda dan id-dewmien kien ġie stmat mill-SMJV stess li jammonta għall-madwar Lm6.5 Miljun lira.  

Hawnhekk, nitlob lill-Kamra tippermettili nagħmel parentesi qasira. Irrid nesprimi d-diżgust profond tiegħi għad-dewmien li kellna nagħżddu minnu minħabba l-kontroversja dwar l-għoti tat-tender għall-apparat mediku. Dewmien li, fost ħwejjeg oħra, seħħ minħabba allegazzjonijiet li ġew investigati mill-Kummissarju tal-Pulizija u li llum huma suġġett ta’ proċess ġudizzjarju.  

Id-diżgust tiegħi huwa l-aktar għaliex meta jiena stess tlabt lir-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija biex jirrapurtaw kollox lil pulizija ħalli ssir investigazzjoni, dawn irrifjutaw u kelli nkun jien, il-Prim Ministru ta’ Malta , li qbadt u għaddejt l-informazzjoni kollha li kienet wasslitli lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-allegazzjoni.  

Illum hemm proċess ġudizzjarju għaddej, imma d-dannu li sar għal pajjiżna ma’ jistax jitkejjel. Dak li għamilt jien setgħu għamluh ir-rappreżentanti Maltin tad-ditta konċernata żmien twil qabel u konna nevitaw il-ħsara rreparabbli li saret.  

Inkompli fejn ħallejt wara li ftaħt din il-parenteżi. Ma’ Skanska, aċċetajna wkoll il-fatt li l-Gvern permezz ta’ l-FMS kien awtorizza bidliet li b’kollox kienu jammontaw għal madwar Lm5 Miljuni. Iżda ma stajna qatt naċċettaw li nerfgħu r-responsabbilta’ tal-overruns fl-ispiża nkluż il-claims tal-kuntratturi ta’ l-iSkanska li magħhom il-Gvern ma’ kellu ebda relazzjoni kontrattwali.  

Naturalment dan ifisser li fil-bidu tan-negozjati, ż-żewġ naħat kellhom pożizzjoni ‘l boghod ħafna minn xulxin, imma minħabba s-serjeta’ li biha bdew jittieħdu n-negozjati iż-żewġ partijiet bdew bil-mod il-mod jersqu lejn xulxin.  

Matul in-negozjati il-Gvern aċċetta fil-prinċipju li bħal f’kull proġett ieħor ikun hemm normalment sa’ 20% kontinġenza. Min-naħa tagħhom l-SMJV aċċettaw li jitnaqqsu t-talbiet ta’ żiediet li kellhom minn numru ta’ kuntratturi.  

F’Settembru ta’ din is-sena, in-negozjati laħqu mument kritiku. L-aħħar offerta tal-Gvern lill-SMJV saret fuq Lm135-il Miljun lira, bil-kundizzjoni li Skanska jassorbu r-riskji kollha tat-tkomplija tal-isptar u li dan għandu jitlesta mill-kostruzzjoni f’Diċembru tal-2006 filwaqt li jiġi totalment ikkummissjonat u mgħoddi lill-Gvern Malti f’Mejju ta’ l-2007. Il-Gvern għamilha ċara li ma kienx lest jinnegozja aktar minn hekk u li jekk l-SMJV ma’ jaċċettawx dawn il-proposti il-Gvern ikollu jissospendi n-negozjati.  

Fil-fatt, fit-30 ta’ Settembru, wara li ġejt infurmat bl-eżitu ta’ l-aħħar sessjoni tan-negozjati mis-Segretarju Parlamentari Tonio Feneċh, iddeċidejt li nissospendi n-negozjati. Sussegwentement, filgħaxija stess, il-Gvern irċieva mingħand Skanska offerta oħra li ressqet viċin dak li ried il-Gvern imma li xorta ma’ kienetx aċċettabli.  

Iddeċidejna li nagħtu ftit taż-żmien biex Skanska jkollha ċ-ċans tikkomunika mal-kuntratturi tagħha u tara tistax ittejjeb l-offerta tagħha.  

Nhar it-Tnejn 25 ta’ Ottubru sejjaħt laqgħa f’Malta ma’ l-għola uffiċjali ta’ Skanska biex nippruvaw niżblukkaw is-sitwazzjoni. Anke dak in-nhar għamilna progress iżda mhux bizzejjed biex jissodisfa l-miri tal-Gvern u għalhekk il-laqgħa ikkonkludiet mingħajr qbil. Madankollu, tfaċċat possibilita’ li qbilna li kellna nesplorawha. F’dik il-laqgħa, il-pożizzjoni tal-Gvern kienet li kien qed jinsisti li l-ispiża globali, nkluż il-management u d-design fees, il-contengencies kollha u kull kwistjoni oħra ma kellhiex taqbeż iċ-ċifra ta’ Lm139 Miljun bil-patt li jkun hemm id-data tal-31 ta’ Mejju 2007 bħala data tal-ftuħ ta’ l-isptar (commissioned) u li jkun hemm penali jekk din id-data ma tintlaħaqx. Minn naħa l-oħra, Skanska kienu niżlu għal Lm143 Miljun lira imma rrifjutaw li jkun hemm penali f’każ ta’ dewmien.  

Id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ naħat kienet niżlet għal Lm4 Miljun lira. Qbilna li f’perjodu ta’ tnax-il ġurnata (igiefiri sas-Sibt li għadda 6 ta’ Novembru) iż-żewġ naħat jagħmlu eżerċizzju ntensiv biex naraw nistgħux nersqu aktar viċin xulxin billi jiġu ffrankati spejjeż mingħajr pero’ ma’ inxellfu bl-ebda mod il-funzjonalita’ sħiħa ta’ l-isptar.  

F’dan il-perjodu ta’ żmien, bl-għajnuna ta’ l-esperti esplorajna soluzzjoni li kienet aċċettabbli għall-Gvern, anzi li setgħet twassal biex nilħqu anke riżultati aħjar minn dawk li konna proġettajna fil-bidu tan-negozjati.  

Aktar kmieni f’din l-istqarrija spjegajt li l-proġett ta’ l-isptar kien jaħseb għal tlett fażijiet. L-ewwel fażi kienet tkopri l-bini u l-commissioning ta’ l-iSptar.  

It-tieni fażi kienet tkopri l-bini ta’ blokk ġdid biex jintuża bħala Institute of Health Sciences u kien maħsub biex jiġbor fih l-iskola medika u l-Institute of Health Care. Din il-fażi kienet ukoll tinkludi s-servizz tar-Rehab u s-servizz tar-Renal Unit. Oriġinarjament il-ħsieb kien li din il-fażi titlesta sa’ l-2006. Iżda minħabba li dawn kollha kienu jfissru spiża oħra ta’ Lm10 Miljuni kien qiegħed jidher li kollox ikun pospost biex jitlesta sas-sena 2010.  

It-tielet fażi kienet tinkludi t-trasferiment tal-bank tad-demm (proposta li issa ġiet skartata għaliex il-parir hu li dan il-bank tad-demm ma’ għandux ikun ippustjat fl-isptar), it-trasferiment tal-psikjatrija akuta, t-trasferiment tad-dentistrija, t-trasferiment ta’ l-onkoloġija u t-trasferiment tad-dermatoloġija. F’din il-fażi kien maħsub ukoll li jkun hemm servizzi ta’ Staff Leisure Complex. Dan kollu wkoll kien maħsub li jsir sas-sena 2010.  

Tajjeb li nirrepeti li dawn il-fażijiet ma’ jiffurmawx parti mill-iscope of works mogħti lil Skanska u għalhekk ma’ humiex koperti bl-istimi għax-xogħol li kellna sa’ llum.  

B’riżultat tal-eżerċizzju ntensiv li sar bejn iż-żewġ naħat irriżulta li jista’ jsir użu aħjar minn spazju li diġa jeżisti fil-bini ta’ l-isptar il-ġdid, mingħajr ma’ bl-ebda mod inxellfu l-funzjonalita’ ta’ l-isptar u s-servizzi li jridu jingħataw hemmhekk.  

Għalhekk wasalna għall-konklużjoni li ser tfisser illi nistgħu nimmiraw biex uħud mis-servizzi proġettati għat-tieni u t-tielet fażi jistgħu jiġu nkorporati fil-proġett minn issa stess.  

Dan kien ix-xenarju kollu li fiħ seħħet il-laqgħa ta’ nhar is-Sibt li għadda. Dak in-nhar, wara ħames siegħat ta’ negozjati ntlaħaq ftehim li jkopri dawn il-punti :  

Skanska aċċettat li l-kuntratt jinbidel għal wieħed ta’ Lump Sum;

Il-prezz finali pagabbli lill-Skanska għall-fażi ta’ l-isptar magħrufa bħala l-ewwel fażi jkun ta’ Lm139 Miljun. Dan ifisser Lm25 Miljun lira anqas mis-somma li potenzjalment konna qiegħdin niffaċċjaw qabel ma’ bdejna ninnegozjaw;

Id-data tal-ftuħ ta’ l-isptar tkun l-1 ta’ Lulju 2007;

Ikun hemm penali ta’ Lm1 Miljun fix-xahar (kalkulata għal kull ġurnata dewmien) sa massimu ta’ Lm5 Miljuni, jekk tinqabeż id-data ta’ l-1 ta’ Lulju 2007;

Skanska aċċettat ukoll li għal prezz ta’ Lm0.5 Miljun (mhux inklużi fil-Lm139 Miljun) terfa’ r-responsabbilta’ għall-management ta’ l-istallazzjoni ta’ l-apparat mediku. B’hekk inkunu ċerti li ma jinqalgħux intoppi bejn l-ispecifications ta’ l-apparat mediku u l-mechanical and electrcal services li jridu jiġu ddisinjati b’mod li jakkomodaw dan l-apparat malli jasal Malta ;

Skanska aċċettat ukoll li għall-prezz ta’ Lm6 Miljuni tagħmel ix-xogħol kollu li hemm bżonn biex sa’ l-1 ta’ Lulju 2007, il-bini eżistenti ta’ l-isptar jakkomoda fih dawn is-servizzi li kienu maħsuba għat-tieni u t-tielet fazijiet :

                                                               i.      Institute of Health Sciences (li jassorbi l-iskola medika u l-Institute of Health Care);

                                                             ii.      Ir-Renal Unit;

                                                            iii.      Id-Dental Unit;

                                                           iv.      L-Oncology Unit; u

                                                             v.      Id-Dermatology.

 Dan l-aħħar żvilupp ser ifisser li mhux biss il-Gvern jiffranka l-miljuni għaliex għal kull wieħed mis-servizzi kellu jinbena l-ispazju neċessarju, iżda li dawn is-servizzi jiġu on-line sa’ l-1 ta’ Lulju 2007. Ikun ifisser ukoll li jkun fadal li nsibu soluzzjoni għar-rehab u l-psikjatrija akuta. U fl-aħħarnett, ikun ifisser li l-ispazju kollu ta’ l-isptar San Luqa u dak ta’ l-isptar Boffa jkunu ġew vojta sa’ l-1 ta’ Lulju 2007 u allura jkunu miftuħa għal kull żvilupp li jista’ jkun ippjanat għalihom. Fi kliem ieħor, b’deċiżjoni għaqlija nkunu nistghħu nużaw dawn l-ispazji biex huma stess jiffinanzjaw l-ispiża kapitali għall-isptar Mater Dei.  

Ta’ dan kollu ngħid grazzi lil kull min għena biex naslu għal dan il-ftehim, speċjalment lis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech u lill-Ministru Deguara, kif ukoll lill-Kabinett tal-Ministri kollha li kkontribwew bis-sħiħ biex ikun hemm pożizzjoni soda imma prattika fin-negozjati li kellna.  

Sur President,  

Irrid nagħlaq, pero’, b’kelma ta’ twissija. Il-fatt li lħaqna ftehim huwa pass pożittiv il-quddiem. Iżda dan ma jnaqqas xejn mill-kumplessita ta’ l-isfida li għandna quddiemna għax-xhur li ġejjin. L-isptar isir realta’ jekk jirnexxielna niftehmu dwar prattiċi ta’ xogħol ġodda mal-professjonisti li jaħdmu fih. Naslu jekk ikollna koordinazzjoni kompleta fl-istallazzjoni tas-serizzi tal-Informatika. Naslu jekk nikkonkludu sew fuq kif ser jingħataw is-servizzi tal-Catering. Naslu jekk jirnexxielna inħaddmu migration plan ordnata u organizzata sew. Fi kliem ieħor, fadlilna xogħol x’nagħmlu u rridu nibqgħu ffukati u determinati.  

Jiena konvint li l-iSptar Mater Dei huwa sptar li jixirqilna bħala Maltin u Għawdxin għaliex jistħoqqilna l-aħjar għall-ġid ta’ saħħitna. Il-fatt li t-taxxi li nħallsu ninvestuhom f’saħħitna u f’servizzi tas-saħħa, jagħmlilna giħ. Dan, flimkien mal-fatt li għandna servizz ta’ kura primarja mill-aqwa u tobba, nurses u professjonisti oħra li huma kompetenti u serji, jinkoraġġina biex inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu. Huwa għalhekk li llum ġejt hawn fil-Parlament tagħna biex nagħti din l-ispjegazzjoni kemmxejn dettaljata imma neċessarja biex ukoll infiehem lill-poplu tagħna u li r-rapprezentanti tagħhom li għandna nkunu kburin b’dak li qed nagħmlu għaliex dan ser jitgawda minnha lkoll, minn uliedna u mill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.  

Grazzi,

Lawrence Gonzi 

Prim Ministru

DOI - 08.11.2004

68.93 Kbytes Last Modified on 09th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow