KUNGRESS TAS-CMTU: SFIDI ĠODDA GĦAT-TRADE UNIONS F’MALTA
“L-isfida ewlenija li għandu l-moviment trejdjunjonistiku llum hi kif ser iżżewweġ l-aspetattivi dejjem jikbru tal-membri tiegħu mar-realta’ ekonomika tal-pajjiż li jrid jikkompeti f’suq globalizzat u kompetittiv”. Dan qalu l-Ministru responsabbli għall-qasam tax-xogħol, l-Onor. Louis Galea fil-ftuħ tal-Kungress tas-CMTU (Confederation of Malta Trade Unions) bit-tema: Sfidi Ġodda għat-Trade Unions f’Malta.
Għal dan il-Kungress qed jattendu mal-100 delegat li jirrappreżentaw il-Unions kollha li huma affiljati mas-CMTU, li jinkludu l-UĦM, l-MUT, l-MUBE, l-MAM, il-Kamra ta’ l-Ispiżjara, il-Lotto Receivers Union , il-Malta Union of Professional Psychologists, il-Union of Graduates at Maltacom, il-Casino’ Employees Union, id-DSESU, u l-Union of Tourist Guides.
Fost il-mistednin distinti preżenti ghal dan il-kungress attendiet is-Segretarja Konfederali tal-Konfederazzjoni ta’ Trade Unions Ewropej, Catelene Passchier, li se tkun il-kelliema ewlenija dwar it-tema tal-kungress. Waqt il-Kungress, id-delegati huma mistennija japprovaw statut ġdid li hu maħsub biex is-CMTU taħdem b’mod aktar effettiv f’pajjiżna kif ukoll fil-qasam internazzjonali.
Fil-ftuħ tal-Kungress, il-Ministru Louis Galea tkellem dwar il-kontribut tas-CMTU fil-moviment trejdjunjonistiku Malti u dwar l-isfidi l-ġodda li għandhom it-Trade Unions illum fi żminijiet ikkaratterizzati minn bidliet li qed jolqtu lil kull wieħed u waħda minna, bidliet li qed iseħħu b’mod mgħaġġel u li ma jħallulna l-ebda għażla għajr li lkoll flimkien, inxammru l-kmiem biex inkunu nistgħu nilqgħu dawn l-isfidi li qed niffaċċjaw.
Meta tkellem dwar il-kontribut tas-CMTU, li twaqqfet fl-1959, hu qal li minn meta twaqqfet il-konfederazzjoni, ħadmet biex tikkordina l-moviment trejdjunjonistiku Malti u tagħmlu aktar effettiv. Illum is-CMTU għandha 11-il union affiljati magħha, li bejniethom jirrappreżentaw ’l fuq minn 36,000 membru. Louis Galea qal li l-kisbiet li għamel il-moviment trejdunjonistiku kien ta’ benefiċċju mhux biss għall-membri tiegħu imma wkoll għall-ħaddiema kollha koperti minn kull xorta ta’ Ftehim Kolettiv. Il-Ministru qal li madankollu llum, dan is-settur qed jiffaċċja sfidi godda, fejn l-aspetattivi tal-ħaddiema qed jibnu fuq dawk il-kisbiet ta’ titjieb li l-ħaddiema rnexxilhom jakkwistaw fuq medda ta’ snin.
Il-Ministru Galea qal li f’dawn l-aħħar 50 sena, kważi kemm ilha mwaqqfa CMTU, seħħew bidliet kbar f’pajjizna. Minn ekonomija dipendenti fuq bażi militari żviluppajna ekonomija bbażata fuq il-manufattura u t-turiżmu. Fil-manifattura l-ħaddiem Malti wera l-ħiliet ta’ xogħlu, u rnexxilu jagħmel kisbiet u titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Biss ir-realta’ internazzjonali, bil-mod il-mod bdiet tnaqqar il-kompetittivita’ tagħna f’ċerti oqsma f’dan is-settur. “Nistgħu ngħidu li l-lum dħalna fit-tielet fażi tat-tranżizzjoni ekonomika tagħna, fejn qed naraw is-settur tas-servizzi joffri opportunitajiet ġodda ta’ xogħol” qal Louis Galea, li fisser ukoll l-importanza tas-settur edukattiv kemm biex wasalna fejn qegħdin illum, kif ukoll biex inkomplu nimxu ’l quddiem u ntejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna.
Il-Ministru Galea tkellem dwar il-bidliet fl-aspetattivi tal-ħaddiema fejn, frott l-avvanzi li seħħew fl-aħħar ħamsin sena, il-ħaddiema llum ma jħarsux biss lejn iż-żidiet fil-pagi imma jridu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata; bejn ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri lejn l-ulied u l-familja, u l-esiġenzi tal-post tax-xogħol u l-karrieri, kundizzjonijiet li jwasslu għal parteċipazzjoni aktar wiesgħa fuq il-post tax-xogħol, li jagħtu opportunitajiet ta’ taħriġ u salvagwardja tas-saħħa u sigurta’ u kundizzjonijiet oħrajn, li jkomplu jagħtu valur lix-xogħol tagħhom. “Din iż-żieda fl-aspetattivi hija riflessjoni tat-titjib fil-livell ta’ l-għixien li l-poplu Malti rnexxilu jikseb. Ma’ dan wieħed irid ukoll isemmi x-xejriet li jseħħu fuq livell internazzjonali u li jinfluwenzaw ukoll il-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti.”
“Din hija l-isfida ewlenija li għandu l-moviment trejdjunjonistiku llum, kif ser iżżewweg l-aspetattivi dejjem jikbru tal-membri mar-realta’ ekonomika tagħna bħala pajjiż li jrid jikkompeti f’suq li kull ma jmur qed isir dejjem aktar globalizzat.” Din l-isfida timplika li l-Unions irid ikollhom viżjoni li tmur lil hemm minn dak li huwa immedjat u lokali. Viżjoni li tipproġetta kif il-ħtiġijiet tal-lum ser jinkwadraw mat-tibdil li ser iseħħ għada. Tibdil li minħabba ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom illum mhux dejjem huwa possibbli li wieħed ibassar b’ċertezza.
Il-Ministru qal li sfida oħra hi kif wieħed jista’ jintegra forom ġodda ta’ xogħol mħux tipiċi, bħat-teleworking, economically dependent workers, ħaddiema li jintbgħatu jew imorru jaħdmu f’pajjiżi oħrajn, il-bilanċ diffiċli bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja familjari, il-parteċipazzjoni reali u iktar effettiva, ir-ristrutturar ta’ l-ekonomija u l-ħtieġa għall-flessibilita’.
Il-Ministru irrefera wkoll għat-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja. “Iż-żgħażagħ tagħna m’għadhomx jidħlu fl-impieg bil-mentalita’ li jżommu impjieg wieħed sa l-eta’ ta’ l-irtirar. Iridu jbiddlu u jippruvaw xogħol differenti li jirrifletti anki l-bidliet fil-kwalifiċi li jistgħu jiksbu tul il-karriera tagħhom u anki l-ħiliet ġodda li jiksbu fuq il-bank tax-xogħol. Ħaddiem għandu jkollu il-possibilita’ li jaġġorna l-ħiliet tiegħu b’mod li jzomm postu fis-suq tax-xogħol, u mhux bifors fl-istess impieg għal għomru, kif kienu mdorrijin missirijietna. Ma rridux ninsew lil dawk il-ħafna ħaddiema li, minħabba l-eta’ tagħhom, nuqqas ta’ taħriġ u nuqqas ta’ ħiliet qed iħossuhom mhedda fis-suq tax-xogħol. Biex tkompli tħawwar il-borma, ir-riforma fil-pensjonijiet qed tkompli żżid fil-preokkupazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Inħoss li din hija sfida li trid twassal għal bidla kulturali; minn mentalita’ ta’ sigurta’ ta’ l-impieg, għal mentalita’ ta’ sigurta ta’ xogħol, dik li bl-ingliz isejħulha employability. Iċ-ċavetta ghal dan hija t-taħriġ kontinwu tul il-ħajja.”
Louis Galea semma l-bidliet kbar li seħħew fil-liġijiet tax-xogħol. Hu qal il l-Gvern għaraf ir-responsabbilta’ tiegħu li jisgura ligijiet li jirriflettu ċ-ċirkustanzi tal-mument u li jaġġornaw ruħhom maż-żminijiet. Gvernijiet suċċessivi kienu jħossu l-ħtiega li jirregolaw l-iżvilupp fir-relazzjonijiet li kienu qed iseħħu bejn min jaħdem u minn iħaddem, filwaqt li jħallu lok għal negozjar kollettiv li jirrispetta, anzi jibni, fuq l-istandards minimi nazzjonali. Hawn ta’ min isemmi l-impatt pożittiv li kellu l-holqien ta’ l-MCED, illum l-MCESD, li huwa l-mekkaniżmu nazzjonali li jħaddem id-djalogu soċjali f’pajjiżna. Id-diskussjoni li qed iseħħ bħalissa dwar il-Patt Soċjali hija mmirata li ttejjeb l-ekonomija tal-pajjiż, tiġġenera l-impjiegi u tippromwovi ġustizzja soċjali li minnha jgawdi kulħadd.
Louis Galea sostna li jħossu kburi li kien jifforma parti mill-Gvern li wara li ppubblika White Paper fl-2001 u kkonsulta bl-aktar mod wiesgħa ma’ l-imsieħba soċjali, rnexxilu jasal biex ifassal u jdaħħal fis-seħħ liġi li tindirizza l-ħtiġijiet ġodda tad-dinja tax-xogħol tal-lum. L-Att dwar ir-Relazzjonjiet Industrijali u l-Impjieg, li daħlet fis-seħħ f’Dicembru ta’ l-2002 fisser rivoluzzjoni siekta fil-mod kif jitħaddmu r-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’Malta.
Wieħed mill-provedimenti ta’ din il-liġi, kien it-twaqqif tal-Bord Dwar Relazzjonijiet dwar l-Impiegi li għandu rappreżentanza tal-Unions u ta’ min iħaddem. Dan il-Bord ġie mwaqqaf biex jagħti pariri lill-Ministru responsabbli għax-Xogħol fuq kull ħaġa li hija relatat mal-kundizzjonijiet ta’ l-impiegi bl-iskop li kull leġislazzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet tax-xoghol ma tkunx imposta mill-Gvern, imma diskussa mill-partijiet soċjali. Fil-fatt, kemm ilu mwaqqaf dan il-bord ġie kkonsultat qabel ma daħlu fis-seħħ 24 avviż legali li huma bbażati fuq għadd ta’ Direttivi ta’ l-UE fil-liġi Maltija. Dawn il-liġijiet jistgħu jinqasmu f’erba’ kategoriji;
· Protezzjoni minn diskriminazzjoni
· Bilanċ bejn xogħol u l-familja
· Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema
· Protezzjoni f’terminazzjoni ta’ impjieg.
Sfida oħra li semma l-Ministru Louis Galea hi dik tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE. Hu qal li hu essenzjali li filwaqt li nżommu f’moħħna l-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħna, ngħamlu ħilitna biex flimkien niffukaw l-enerġija tagħna fuq dawk il-materji ta’ interess partikolari għalina. “Din hija sfida ġdida għalina lkoll, li nitgħallmu kif nutilizzaw ir-riżorsi limitati tagħna bl-aktar mod effettiv għall-pajjiż. Forsi hawn minn jistaqsi jekk hux possibbli li din l-isfida tressaqna eqreb lejn xulxin, li jirnexxilna ngħelbu l-fruntieri parrokjali li dejjem ħonquna billi ngħaqqdu r-riżorsi tagħna. Konvint li l-maturita’ li wrejna s’issa hija pedament sod li twassal għal dan.” temm jgħid Louis Galea.
DOI – 29.10.2004
34.92 Kbytes Last Modified on 29th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946