Left arrow Go Back

RISPOSTA GĦALL-KONFERENZA TA’ L-AĦBARIJIET MOGĦTIJA MILL-GENERAL WORKERS UNION, BĦALA SHAREHOLDER TAL-CARGO HANDLING CO. LTD

PR1661
Date Icon 22/10/2004

Il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni jirreferi għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet indirizzata llum wara nofs-in-nhar mill-General Workers Union, bħala shareholder tal-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd., u għandu s-segwenti kummenti x’jagħmel:  

Ir-riforma fil-portijiet tiġbor fi sforz kollettiv lis-setturi kollha tal-port. Kif ingħad kemm-il-darba, kull min jipprovdi servizz ser ikun parti minn bidla fil-prattiċi tax-xogħol sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività tal-portijiet tagħna meta mqabbla ma’ portijiet oħra fil-Mediterran. Dan qiegħed isir biex:  

·        Jiġi attirat aktar xogħol lejn pajjiżna;

·        Tiġi utilizzata l-pożizzjoni ġeo-strateġika tagħna fir-reġjun għall-aħjar benefiċċju ekonomiku u soċjali;

·        Il-ħaddiema fil-port igawdu minn sistemi effiċjenti bil-possibilità li tiżdied id-dħul ta’ merkanzija f’pajjiżna.

·        Traħħis fit-tariffi ma jfissirx tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema iżda, l-potenzjal li l-portijiet tagħna isiru aktar kompetittivi, iżid ix-xogħol li jkun ifisser il-possibilità ta’ dħul akbar għall-ħaddiema portwali;

·        Jispiċċaw prattiċi ta’ xogħol li llum m’għadhomx jagħmlu sens loġiku;

·        Tiġi megħjuna l-industrija permezz ta’ rati inqas fil-ħatt u ġarr ta’ merkanzija u għalhekk l-ispejjeż sabiex jimpurtaw il-materja prima jonqsu;

·        Jiġu salvagwardjati l-eluf ta’ impjiegi fis-settur tal-manifattura minħabba tnaqqis fit-tariffi u għalhekk żieda fil-kompetittività u

·        Gwadann aħħari għall-konsumatur, jiġifieri l-familji Maltin u Għawdxin.  

Għalhekk kull attentat minn naħa tal-GWU, bħala shareholder tal-Cargo Handling Co. Ltd., biex jippruvaw ipoġġu kliem f’ħalq haddiehor, li dan hu ezerċizzju mmirat lejn din il-kumpanija biss, hu kompletament barra minn loku u bil-ħsieb uniku li jiddevja l-attenzjoni u joħloq simpatija mhux ġustifikata.  

Il-Gvern, minħabba li l-kuntratt eżistenti mal-Cargo Handling Co. Ltd. jiskadi f’Lulju 2006, diġà informa b’mod uffiċjali lill-GWU li s-sejha għall-tender biex jiġi pprovdut dan is-servizz se joħroġ fil-futur qarib, u rrifjuta, fl-aħjar interess tal-vijabilità kummerċjali tal-portijiet nfsuhom, it-talba tax-shareholder li:  

·        Isir estenzjoni tal-kuntratt preżenti jew

·        Id-dritt li tingħata r-right of first refusal.  

B’riferenza għall-lista ta’ klawsoli miksura mill-kuntratt bejn l-Awtorità Marittima ta’ Malta u l-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd., liema lista dan il-Ministeru huwa nfurmat li ngħatat lill-istampa waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, ma jistax ma jiġix irrimarkat li hi haġa ta’ l-iskantament li għall-GWU u l-Cargo Handling Co. Ltd., l-ebda klawsola ma hi qed tiġi miksura. Dan meta l-fatti juru eżattament bil-kontra.  

Din l-attitudni minn naħa tal-Cargo Handling Co. Ltd. li tipprova tiġġustifika kull nuqqas kontrattwali billi tgħid li dan m’hux minnu, hu l-oppost ta’ dak li jgħidu s-setturi kollha tal-port, b’mod partikolari min juża dawn is-servizzi. Fil-fatt minn awditjar intern li kien sar mill-Awtorità Maritttima ta’ Malta , 89% ta’ dawk intervistati qalu li dan is-servizz hu impost fuqhom minħabba fil-monopolju eżistenti u li l-kumpanija qegħda titlef ix-xogħol minħabba li hi ma timmaniġġja l-ebda merkanzija b’mod dirett.  

F’dan il-kontest il-fatt li l-kumpanija ma tirrealizzax dawn in-nuqqasijiet eżistenti, allura żgur li ma tista’ tieħu l-ebda passi biex tirregolarizza ruħha permezz ta’ inizjattivi biex dawn jiġu rranġati. Kwalunkwe risposta fqira biex jiġi skreditat il-ksur ta’ klawsoli bejn l-Awtorità u l-kumpanija, juri l-immaturità kummerċjali tal-management u x-shareholder, li b’din l-attitudini qegħdin jimminaw s-suċċess tal-ħaddiema tagħhom stess.  

Dan il-Ministeru jkompli jsostni li l-Cargo Handling Co. Ltd. terċievi 30% tal-kont globali li jgħaddi fuq l-importatur/esportatur, kif qiegħed ikun riprodott hawn taħt:  

Eżempju għall-importazzjoni ta’ container tal-40 pied  

Cargo Handling Co. Ltd30%
Pension & Contingency Fund18%
Hauliers13%
Port Workers13%
Aġent11%
Awtorita’ Marittima ta’ Malta5%
Kuntrattur privat5%
Dwana2%
Foreman (Shore u  Ship)2%
Tally Clerks1%

Dan il-Ministeru fl-ebda mument ma tkellem kontra subcontracting jew ħlas lis-subcontractor, iżda għal subcontracting mhux awtorizzat mill-Awtorità kif ukoll il-ħlas doppju kemm lill-kuntrattur kif ukoll lill-Cargo Handling Co. Ltd.  

Il-Gvern jerġa’ jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-proċess ta’ tenders għall-immaniġġjar tal-merkanzija domestiku, hu parti minn eżerċizzju biex jiġu rriformati l-portijiet u mhux riforma ta’ xi kumpanija individwali.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow