KOTBA DWAR KULTURI DIFFERENTI GĦAL-LIBRERIJA L-ĠDIDA TAŻ-ŻEJTUN
Bħalissa l-Kunsill Lokali taż-Żejtun flimkien mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji qed jagħmlu xogħol ta’ mmodernizzar tal-librerija tal-lokal li tinsab fl-iskola primarja Dun Alwiġ Camilleri.
Filwaqt li qed isiru dawn ix-xogħlijiet, il-Kunsill qed iniedi kampanja "Ktieb mill-Komunità għall-Komunità." Bħala parti minn din il-kampanja l-Kunsill qed jieħu diversi inizjattivi biex jinġabru kotba għal-librerija kemm mill-pubbliku kif ukoll minn kumpaniji tal-lokal. In-negozji u l-NGOs tal-lokal ġew mistiedna biex jagħtu kotba lil-librerija, filwaqt li r-residenti b'arranġament speċjali mal-bejjiegħa tal-kotba jingħataw offerti u inċentivi fuq xiri ta' kotba meta jixtru kotba għal-librerija.
Il-Kunsill ħadem ukoll biex permezz ta’ inizjattiva ma’ l-ambaxxati jinġabru kotba dwar kulturi differenti. Il-Kunsill Lokali stieden lil diversi ambaxxati biex fl-okkażjoni tal-Jum iddedikat lill-Ġnus Magħquda, jagħtu donazzjoni ta’ kotba jew materjal awdjo-viżiv. Għal din l-istedina rrispondew diversi ambaxxati li bejniethom se jkunu offrew aktar minn 70 ktieb u materjal ieħor.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea li attenda għal din l-attività qal li l-Parlament għadu kemm temm it-tieni qari tal-liġi dwar l-arkivji li bħalissa jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji. Hu qal li wara li titwaqqaf l-istruttura għall-Arkivji Nazzjonali irid isir proċess simili għas-settur tal-libreriji.
Louis Galea qal li l-esperjenza tad-devoluzzjoni tal-libreriji kienet waħda pożittiva li fissret użu aħjar tar-riżorsi u titjib fil-kwalità tas-servizz li joffru l-libreriji fil-komunità. Il-Ministru Galea qal li hu mistenni li f’qasir żmien se jiġi ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex it-tmexxija tal-librerija tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol ta’ tkabbir u mmodernizzar tal-librerija li tinsab fl-iskola primarja. L-iskola allokat kamra oħra biex tkun tista’ titkabbar il-librerija u x-xogħlijiet qed isiru mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada flimkien mal-Kunsill Lokali. Ix-xogħlijiet jinkludu xogħol strutturali, xogħol ta’ tikħil u tibjid, xogħol fuq l-aperturi, sistema tad-dawl adegwata għal librerija moderna, sistema ta’ sigurtà u l-għamara meħtieġa inkluż xkaffar, imwejjed u siġġijiet għall-qari, u kompjuters.
Preżenti bid-donazzjonijiet tagħhom kienu r-rappreżentanti ta’ l-ambaxxati, tat-Tuneżija, ta’ l-Italja, tar-Russja, ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, tal-Palestina, tar- Renju Unit, taċ-Ċina, tal-Ġermanja u ta’ l-Awstralja kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea.
DOI 22.10.2004
7.42 Kbytes Last Modified on 22nd October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946