IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI FRANCIS AGIUS JINDIRIZZA L-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-AGRIKULTURA U S-SAJD TA’ L-UNJONI EWROPEA
Illum fil-Lussemburgu beda jiltaqa’ l-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikultura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-Kunsill qed jattendi s-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Francis Agius, li ndirizza wkoll dan il-Kunsill.
Dr. Agius ipparteċipa fid-diskussjoni dwar l-organizzazzjoni futura tas-swieq tal-frott u tal-ħxejjex fl-Unjoni Ewropea, li kienet iffokata prinċipalment fuq it-twaqqif u l-programm ta’ ħidma ta’ l-għaqdiet tal-produtturi. Dawn is-swieq, u l-għaqdiet, bħalissa huma regolati b’sistema li ilha hemm sa mill-1996, u għalhekk għaddejja ħidma ntensiva biex tiġi aġġornata għall-ħtigijiet il-ġodda ta’ Ewropa mkabbra. Dan l-aġġornament qiegħed jittratta dwar il-prinċipji u l-għanijiet ta’ din l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-prodotti agrikoli, fid-dawl tal-ħidma ta’ l-għaqdiet tal-produtturi, u l-assoċjazzjonijiet li huma jiffurmaw anki ma’ proċessuri ta’ prodotti agrikoli.
Fl-intervent tiegħu, li huwa għamel bil-lingwa Maltija, is-Segretarju Parlamentari Agius beda billi fakkar li kwalunkwe ħsieb dwar din il-kwistjoni irid iqis il-pożizzjoni ġeografika, kif ukoll id-daqs tal-pajjiż, li fil-każ ta’ Malta joħloq ċirkostanzi partikolari. Huwa saħaq ukoll fuq il-fatt li hemm bzonn iktar flessibilita’ u sussidjarjeta’ fit-twaqqif tal-għaqdiet tal-produtturi speċjalment fil-pajjizi membri ġodda, li għadhom qegħdin jaddottaw is-sistemi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan kien punt li fl-aħħar, il-Kummissarju Fischler irrimarka fuqu u qal li japprezza li l-pajjiżi membri ġodda għandhom ċerta diffikultajiet, u jeħtiegu ċerta żmien biex ilaħħqu ma’ pajjiżi li ilhom iħaddnu dawn is-sistemi għal snin kbar.
Fost is-suġġerimenti li tressqu minn Dr. Agius f’dan il-Kunsill kien hemm dak li jirrigwarda l-ħtiega li l-bdiewa jkunu koperti b’poloz ta’ l-assikurazzjoni. Huwa spjega dan il-bżonn peress li x-xogħol tal-bdiewa huwa daqshekk espost u suxxettibbli għall-ħsarat ikkawżati mill-elementi, u minħabba t-tibdil fil-klima, u allura dejjem hemm ir-riskju ta’ tħarbit fis-suq wara xi diżastru naturali. L-assikurazzjoni b’hekk tghin biex tistabbiliżża s-suq.
Huwa semma wkoll l-aspetti ta’ saħħa li hemm fil-prodotti bnini agrikoli bħall-frott u ħxejjex, u ssuġġerixxa kampanji ta’ ‘marketing’ u promozzjoni li jwasslu l-messaġġ tal-ħarsien tas-saħħa lis-setturi kollha tas-soċjeta, partikolarment fl-iskejjel fost it-tfal. Dan is-suġġeriment ukoll ingħata importanza fl-intervent ġenerali li għamel il-Kummissarju Fischler fl-egħluq ta’ l-ewwel sessjoni ta dan il-Kunsill.
Tul din is-sessjoni, Dr. Agius kellu laqgħat informali ma’ diversi Ministri Ewropej ta’ l-Agrikultura u s-Sajd li qeghdin jattendu dan il-Kunsill, fosthom il-Ministri ġodda tal-Grecja u ta’ l-Irlanda.
Il-Kunsill ser ikompli d-diskussjoni tiegħu fuq is-settur tas-sajd fejn għandu jkun hemm diskussjonijiet fuq materji li jikkoncernaw kwistjonijiet tas-sajd fl-Unjoni Ewropea kollha. Fost l-affarijiet li ser jiġu diskussi hemm it-twaqqif ta Aġenzija Amministrattiva għas-Sajd fuq livell Ewropew.
DOI – 18.10.2004
6.59 Kbytes Last Modified on 18th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946