Left arrow Go Back

SER IKUNU PPUBLIKATI LINJI TA’ GWIDA GĦALL-BEJJIEGĦA TA’ PRODOTTI TA’ L-IKEL

PR1599
Date Icon 14/10/2004

Waqt laqgħa li s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, flimkien  ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Laħam, kellu mal-diversi bejjiegħa tal-laħam, tħabbret il-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb li ser ikun fih l-informazzjoni rigward x’għandu jagħmel kull min ibiegħ prodotti ta’ l-ikel, sabiex jinżammu l-ogħla livelli ta’ iġjene u kwalita`.  Din l-informazzjoni ser twassal ukoll biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni fl-ikel u hekk il-konsumaturi jkollhom mezz aħjar ta’ kif is-saħħa tagħhom tkun iżjed imħarsa.  Rigward l-informazzjoni li tinsab f’dan il-ktejjeb, tkellmu fid-dettal uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u mill-Malta Standards Authority (MSA).  

Il-ħidma ta’ l-MSA, flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u koordinata mill-Food Safety Commission, ghandha tara li f’pajjiżna l-konsumatur ikollu l-ogħla livelli ta’ kwalita`, servizz u prodotti ta’ l-ikel.  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem mas-sidien ta’ ħwienet tal-laħam u qal li din l-informazzjoni li ser tkun qed tingħata, għandha sservi ta’ direzzjoni lejn fejn għandu jsir l-investiment f’dawn in-negozji.  Dawn l-istandards volontarji li qegħdin jingħataw għandhom jgħinu biex il-bejgħ tal-laħam jiżviluppa f’bejgħ ta’ aktar prodotti tal-laħam proċessat u b’hekk il-ħwienet tal-laħam minn kif nafuhom illum għad ikunu jistgħu jinbiddlu fi ħwienet li joffru għażla akbar ta’ prodotti ppreparati mill-laħam.  

L-Onor. Vassallo u r-rappreżentanti tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u l-MSA imbagħad taw aktar dettal dwar is-sistema tal-HACCP (Hazard Analysis Critical Control Point System) li hija sistema li trid tintuża’ minn dawk kollha li huma nvoluti fil-preparazzjoni ta’ l-ikel.  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “b’din is-sistema wieħed jaċċerta ruħu li jkun qiegħed iżomm mal-livelli ta’ kwalita` meħtieġa.  Ir-regolamenti jridu jiġu mħarsa kemm min-negozjanti kif ukoll mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa, u b’hekk ser ikun hemm konformita` akbar dwar x’inhuma l-livelli ta’ iġjene u kwalita`.”  

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li ser jiġu organizzati laqgħat f’numru ta’ lokalitajiet differenti.  F’dawn il-laqgħat ser tingħata informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċedura tal-HACCP.  Dawn il-laqgħat ser ikunu organizzati f’dawn il-lokalitajiet u dati:  

DATA

HIN

LOKALITA`

It-Tnejn 25 Ottubru

7.30pm

Valletta

It-Tlieta 26 Ottubru

2.00pm

San Pawl il-Baħar

It-Tlieta 26 Ottubru

7.30pm

Mosta

L-Erbgħa 27 Ottubru

7.30pm

Birkirkara

It-Tnejn 1 Novembru

7.30pm

Raħal Gdid

L-Erbgħa 3 Novembru

7.30pm

Isla

Il-Ħamis 4 Novembru

2.00pm

Birzebbuġia

It-Tnejn 8 Novembru

7.30pm

Qormi

Il-Ħamis 11 Novembru

2.00pm

San Ġiljan

It-Tnejn 15 Novembru

7.30pm

Sliema

Min jixtieq aktar informazzjoni dwar dawn il-laqgħat jista’ jikkuntattja s-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.  

In-nies preżenti għal-laqgħa kellhom ukoll l-opportunita` li jsaqsu xi mistoqsijiet, u l-bejjiegħa tal-laħam esprimew il-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar l-egħluq tal-fabbriki taz-zalzett, u dwar il-proċeduri tal-bejgħ taċ-ċanga.  Ir-rappreżentant tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika spjega kif il-fabbriki taz-zalzett ma ngħalqux minħabba xi nuqqas fil-livell ta’ l-indafa jew iġjene, iżda minħabba li bħala fabbriki kellhom bżonn liċenzja addizzjonali mingħand il-Food and Veterinary Regulation Department, u ma kellhomx din il-liċenzja.  

Ir-rappreżentant ta’ l-MSA saħaq fuq l-importanza li z-zalzett ma jiġix maħdum fuq wiċċ ta’ mejda li fuqha jiġi ppreparat ikel ieħor.  Dan għaliex iz-zalzett huwa l-unika prodott tal-laħam li jittiekel nej jew imsajjar fuq fuq.  Dan ifisser li hemm riskju akbar ta’ cross-contamination f’dan il-prodott u dan jista’ jwassal għal food-poisoning.  Fil-fatt, ir-rappreżentant ta’ l-MSA semma li f’Malta jkollna madwar 400 każ ta’ food poisoning fis-sena. 

L-uffiċjal ta’ l-MSA spjega wkoll li l-MSA ser tkun qed toħroġ ktejjeb b’linji ta’ gwida ghal dawk kollha li jridu jsegwu r-regolamenti fuq il-preparazzjoni ta’ l-ikel.  Il-HACCP huwa pjan biex l-operatur jidentifika x’inhuma r-riskji u jkun jista’ jikkontrolla dawn ir-riskji.  L-ispetturi tad-Dipartiment tas-Saħħa mbagħad isegwu dan il-pjan fil-kontrolli tagħhom.  Dan il-ktejjeb fih linji ta’ gwida li jgħinu lill-produttur ta’ l-ikel isegwi l-HACCP.  Min ma jridx jimxi ma’ dawn il-linji ta’ gwida jista’ jagħmel dan u jimplimenta l-proċedura tal-HACCP b’sistema oħra.  Iżda dan ifisser li mbagħad l-ispettur tad-Dipartiment tas-Saħħa jrid qabel kollox japprova din is-sistema u mbagħad jaċċerta ruħhu li dawn qed jiġu mplimentati.  

Fit-tmiem tal-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li permezz ta’ din l-informazzjoni li ser tkun qed tingħata rigward il-HACCP, dawk kollha li huma nvoluti fil-bejgħ u l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel ikunu jistgħu jaraw opportunitajiet ġodda ta’ kif jistgħu jiżviluppaw in-negozji tagħhom.  Dawn il-miżuri qegħdin jittieħdu biex f’pajjiżna l-livell ta’ kwalita` ta’ prodott u servizz ikun mill-ogħla, filwaqt li jitnaqqas kull riskju ta’ kontaminazzjoni ta’ l-ikel li minnu jista’ jbati l-konsumatur.  

DOI – 14.10.2004

30.28 Kbytes Last Modified on 14th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

More Press Releases Right arrow