DAR MALTA FI BRUSSEL - IL-KREDIBILTA’ TAL-GVERN TISSAHĦAĦ BL-EŻITU TAL-PROĊESS FI HDAN IL-KUMITAT DWAR IL-KONTIJIET PUBBLIĊI
“Il-proċess tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi dwar ix-xiri ta’ Dar Malta ta raġun u saħħaħ id-dikjarazzjonijiet kollha tal-Gvern u wera li l-għażla tax-xiri ta’ Dar Malta kienet deċiżjoni amministrattivament korretta u politikament għaqlija u fl-aħjar interessi ta’ pajjiżna. Dan il-proċess, konċeput u mmexxi mill-Oppożizzjoni ta ċertifikat ta’ serjeta’ u ntegrita’ lill-Gvern immexxi minni.” Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi fi tmiem il-proċess ta’ smiegħ dwar ix-xiri ta’ Dar Malta fi Brussel mill-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.
Il-Gvern mill-ewwel ġurnata ddikjara li tant jemmen li l-investiment f’Dar Malta kien wieħed li mhux biss jixraq lil pajjiżna, imma li fuq kollox kien proċess finanzjarjament bis-sens, ekonomikament għaqli u politikament iġġustifikat, li stieden lill-Oppożizzjoni sabiex tirreferi l-każ lill-Awditur Ġenerali għall-investigazzjonijiet li l-Oppożizzjoni jidhrilha li għandhom isiru. Madankollu, l-Oppożizzjoni għażlet li tagħmel kampanja qarrieqa ta’ xahrejn sempliċiment sabiex tieħu rikba politika b’attakk sfrenat u bla rażan fuq l-individwi kollha li kienu parteċipi f’dan il-proċess.
Issa li dan il-proċess spiċċa, nkixef il-qerq tal-Oppożizzjoni għaliex sfumaw fix-xejn l-allegazzjonijiet, l-ispekulazzjonijiet u l-kampanji ta’ attakki personali li kkaratterizzaw id-diskorsi politiċi tal-Kap tal-Oppożizzjoni fix-xahrejn li għaddew.
Ta’ min jinnota dak li ntqal mis-Sur Albert Mizzi meta’ fil-proċess tas-smigħ tax-xhiedha tiegħu ddikjara li ix-xiri ta’ Dar Malta kienet biċċa negozju tajba u li bħala negozjant jiddikjara li kienet l-aħjar deċiżjoni li seta’ jagħmel il-Gvern. Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni tas-Segreterju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, li l-istadji kollha tax-xiri ta’ Dar Malta saru b’mod korett u skond il-proċeduri stabbiliti.
Il-Gvern jinsab sodisfatt li dan il-proċess kompla jibni l-kredibilta’ li dan il-Gvern diġa jgawdi mal-poplu Malti – kredibilita’ li s-sisien tagħha jinsabu fis-serjeta’ t-trasparanza u l-integrita’ li biha l-pajjiż qed jitmexxa. Għaldaqstant, il-Gvern jixtieq jirringrazzja mill-ġdid lil dawk kollha li b’sagriffiċċju u b’impenn iddedikaw l-isforzi tagħhom sabiex l-investiment ta’ Dar Malta fi Brussell ikun investiment li jirrendi kemm finanzjarjament, ekonomikament u politikament. “Is-sodisfazzjon li qed jesperjenza llum il-Gvern għandu jkun is-sodisfazzjon tal-poplu Malti għaliex illum il-poplu għandu jkun konvint li l-Gvern ħares l-aħjar interessi tiegħu u ma qgħadx jibża milli jieħu d-deċiżjonijiet li tassew jixirqu lill-pajjiż. Dan l-eżerċizzju għandu wkoll iservi sabiex il-poplu jmiss b’idejħ is-serjeta’ tal-Gvern u l-opportuniżmu li permezz tiegħu l-Kap u l-Partit fl-Oppożizzjoni qed jinqdew sabiex jimminaw il-ġid li l-Gvern huwa kommess li jrodd lill-poplu” temm jgħid il-Prim Ministru.
DOI – 13.10.2004
7.33 Kbytes Last Modified on 14th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945