DISKORS TAL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, FL-OKKAZJONI TAL-BIDU TAL-KORS TAL-WPDC DIPLOMA GENDER AND DEVELOPMENT – UNIVERSITA’ TA’ MALTA, TAL-QROQQ - 13.10.2004
F’dawn l-aħħar snin rajna s-suġġett ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi jieħu importanza dejjem akbar. Qaluli li meta beda dan il-kors, kien kors qasir l-aktar għan-nisa tad-dar. Imma tant kien hemm rispons qawwi li gie deċiz li sena wara, fl-1995, jibda jsir kors ta’ sentejn part-time li jwassal ghal Diploma f’Gender and Development. Dan kien l-ewwel żvilupp sinifikanti. Minn hemm il-kors kompla miexi ‘l quddiem.
Meta beda jsir taħt il-kappa tal-iStaff Development Office, beda jinteressa anke impjegati rġiel mid-Dipartimenti tal-Gvern, kif ukoll mill-Pulizija. U għalhekk, inħass il-bżonn li l-kors jibda jsir fil-għaxija. Naħseb, dan juri biċ-ċar is-suċċess ta’ dan il-qasam ta’ studju u ta’ dan il-kors partikolari.
Huwa ta’ sodisfazzjon għall-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali li nkunu nafu li kors iffinanzjat minna, u minn ta’ qabilna, qed iħalli l-frott mixtieq. In-numru ta’ studenti qiegħed ukoll dejjem jiżdied u din is-sena laħaq il-41 parteċipant. Dan ifisser li min qed jistudja dan is-suġġett, qed jieħu miegħu fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fil-ħajja personali, perspettivi aktar wiesgħa dwar in-nisa u l-irġiel u l-imġieba soċjali, kulturali u politika tagħhom. Ir-riżulat huwa li Malta jkollha ġenerazzjoni ġdida ta’ impjegati li jafu jagħrfu d-diskrepanzi u d-diskriminazzjoni fejn dawn jezistu u jkunu jafu jibnu strutturi u policies li jirriflettu iż-żminijiet u l-bżonnijiet ta’ llum.
Dan il-kors jorbot mal-ħsieb tal-Gvern dwar l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha. Permezz ta’ l-għarfien tal-problemi li jinqalgħu meta d-differenzi li jeżistu b’mod naturali bejn persuna u oħra ma jkunux rispettati, jista’ jibda l-proċess tal-bini ta’ strutturi u direzzjoni li jwasslu għal soluzzjonijiet li jħaddnu is-sabiħ tad-diversita’. Huwa permezz ta’ rispett għad-dinjita’ umana u għal din id-diversita’ li teżisti fost in-nisa u l-irgiel ta’ etajiet differenti, persuni b’diżabilita’, persuni ta’ razza u kulur differenti minn tagħna u ta’ ideat diversi li nistgħu nizviluppaw il-potenzjal tagħna.
Is-sena li għaddiet il-Gvern għadda l-Ligi dwar l-Ugwaljanza. Waqqafna wkoll il-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza ghall-Irġiel u n-Nisa u rajna li jkun hemm l-istrutturi legali biex fuq il-post tax-xogħol ma jkunx hemm diskriminazzjoni għal xi raguni jew oħra.
Il-politika li qegħdin inħaddnu tintwera wkoll permezz tas-seminars li saru dwar il- Gender Mainstreaming għall-persuni impjegati f’pożizzjoni għolja fid-Dipartimenti tal-Gvern. Dawn is-seminars jippromwovu l-għarfien tal-bżonnijiet kif ukoll l-isfidi li n-nisa u l-irġiel xi kultant iħabbtu wiċċhom magħhom, u jgħinu biex min qiegħed imexxi u jieħu d-deċiżjonijiet jgħaraf jikkreja dik l-azzjoni li tegħleb dawn il-problemi.
Jiena, bħal ma tafu, qabel dħalt fil-Politika kont il-President tan-National Council of Women u dan is-suġġett huwa għal qalbi ħafna. Ftit kont nobsor dak iż-żmien li għad inkun il-Ministru li tmexxi dan il-qasam. Iżda issa ninsab f’pożizzjoni fejn nirrapprezenta s-soċjeta’ Maltija u nressaq il-ħsibijiet tagħha fil-Parlament. U kien għalhekk li ssuġġerejt kemm il-darba fil-Parlament li dan il-Kors jitwaqqaf fuq livell ta’ degree. Huwa permezz ta’ l-istudju professjonali fuq dan is-suġġett li nistgħu nifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet li nieħdu.
Hemm studji li juru li meta l-aċċess għar-riżorsi u kif jitqassam ix-xogħol ma jkunx ugwali għal kulħadd jkun hemm produzzjoni anqas u xogħol ineffiċjenti. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni ma tippermettix li individwi jagħmlu x-xogħol li jixtiequ u jkollhom aċċess għall-opportunitajiet, jew li jirċievu kumpess għal dak li jagħmlu skond il-mertu li jistħoqqilhom.
L-iżvilupp sostenibli tal-pajjiż jiddependi ħafna fuq l-għarfien tal-potenzjal ta’ kulħadd. Kemm jekk il-persuna hu raġel, kemm jekk hi mara, jew jekk għandhom xi diżabilita’, jew kulur tal-ġilda differenti etc.
Inħeġġiġkom taraw l-Pjan Nazzjonali dwar l-Faqar u l-Eskluzjoni Soċjali li l-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali nieda ftit tal-ġimghat ilu, u taraw x’inizzjattivi qed jittieħdu biex dawk l-oqsma tas-soċjeta’ li hemm il-periklu li jaqaw fil-faqar minħabba d-diskriminazzjoni, ngħinuhom b’mod konkret.
Nawguralkom li permezz ta’ dan l-istudju tagħkom tkomplu fil-ġlieda kontra l-preħudizzju u favur dak li jaqqadna bħala umani, biex ilkoll kemm aħna nsibu l-milja tagħna b’mod ġust li jirrifletti d-dinjita’ tal-bnedmin. Nirreperti dak li qalu oħrjn qabli: din hija mixja u mhux destinazzjoni. Jinħieġ l-għrfien tad-diskriminazzjoni fil-forom kollha li jistgħ jinbtu, jibqa’ jseħħ matul iż-żmien. Grazzi.
DOI – 13.10.2004
10.54 Kbytes Last Modified on 13th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945