JISSAĦĦU S-SERVIZZI TAL-KURA MENTALI FIL-KOMUNITÀ
Aktar ma jgħaddi ż-żmien is-servizz ta’ kura tal-mard mentali qiegħed ikun mifrux dejjem aktar fil-komunità. Illum is-servizzi ta’ kura fil-komunità huma parti essenzjali tas-servizzi li joffri l-isptar Monte Carmeli, għax permezz ta’ dawn is-servizzi hu possibli li pazjenti li ma jkollhomx bżonn aktar ta’ kura intensiva jibqgħu jingħataw kura barra mill-isptar.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Louis Deguara meta kien qiegħed jinawgura Mużew tal-Psikjatrija u Wirja ta’ l-arti fl-isptar Monte Carmeli b’rabta mal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali.
Il-Ministru kompla qal li s-servizz fil-komunità jgħin lill-pazjent għax filwaqt li jkun fil-komunità, l-individwu jibqa’ għaddej bil-ħajja normali tiegħu kemm fid-dar kif ukoll fid-dinja tax-xogħol. B’hekk jiġu evitati problemi soċjali u finanzjarji li rikoveru għal żmien twil fl-isptar Monte Carmeli jikkawżaw fuq il-pazjent.
F’dawn il-ġranet se jibda x-xogħol team ġdid imsejjaħ Primary Team li se jkun qiegħed jaħdem fil-komunità fejn isegwi pazjenti li ħarġu mill-isptar u li għad ikollhom bżonn l-għajnuna professjonali biex jgħixu fl-ambjent tal-komunità tagħhom. Dan it-team se jaħdem id f’id ma’ team multi-dixxiplinarju li ilu jaħdem fil-komunità għal dawn l-aħħar disa’ snin.
Dan is-sistema hi mmirata wkoll biex pazjenti b’mard mentali ma joqgħodux aktar milli hemm bżonn f’Monte Carmeli u la darba dawn jiġu liċenzjati, is-servizzi fil-komunità jgħinhom ħalli ma jkollhomx il-bżonn li jerġgħu jirrikorru għal kura fl-isptar.
Il-Ministru xtaq jiċċara li kull srvizz ta’kura li jipprovdi l-Gvern jiswa l-flus. Allura wieħed irid joqgħod attent meta ssir kritika lill-gvern li mhux qieghed jagħti flus biżżejjed u direttament għal-kura tas-saħħa mentali. Kaz tipiku hu li l-gvern qiegħed jipprovdi akkomodazzjoni fil-komunita lil numru ta’ pazjenti biex jgħinhom jirri-abilitaw ruħhom fis-soċjetà. Dawn il-fondi għalkemm ma joħorġux direttament mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, huma fondi dedikati għal qasam tal-kura tal-mard mentali. Il-gvern mhux xħiħ fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Pero’ il-gvern hu fl-obbligu li jamministra sew il-finanzi f’dan il-qasam li kull ma jmur l-ispiża tieghu dejjem tiela.
Il-Ministru irrikonoxxa s-servizz li jagħtu l-impjegati kollha fl-isptar Monte Carmeli minkejja d-diffikultajiet li dan ix-xogħol iġib miegħu.
Il-Ministru inawgura wkoll Mużew tal-Psikjatrija li fih għall-wiri, dokumenti u għodda li jmorru lura għall-bidu tas-seklu dsatax. Xi whud minn dawn l-affarijiet kienu jintużaw ġewwa Villa Frankoni li kienet tilqa’ fiha pazjenti li jbagħtu minn mard mentali meta l-isptar Monte Carmeli kien għadu ma nbeniex. Dan il-mużew jitfa’ dawl ġdid dwar kif kienet tingħata l-kura għall-mard mentali fiż-żmien l-imgħoddi. Ġie wkoll pubblikat ktieb li jagħti aktar tagħrif dwar fejn kienu jinżammu pazjenti b’mard mentali qabel il-bini ta’ l-isptar Monte Carmeli. F’dan il-ktieb jingħata tagħrif ukoll dwar l-affarijiet li hemm għal-wiri f’dan il-mużew li kollha kemm huma nstabu f’dan l-isptar.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għal dan il-Jum Dinji li jiġi fl-10 t’Ottubru, fl-Isptar Monte Carmeli qegħda tittellà wirja ta’ xogħlijiet artistiċi ta’ pazjenti u impjegati f’ dan l-isptar. Din il-wirja ser iddum miftuħa sa nhar il-Ħadd 17 t’ Ottubru 2004, u l-pubbliku huwa mistieden sabiex jzur din il-wirja.
DOI - 13.10.2004
10.43 Kbytes Last Modified on 13th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945