INAWGURATA WIRJA TA’ ĊERAMIKA MINN PAUL VELLA CHRETIEN
Wirja ta’ xogħlijiet ta’ ċeramika minn Paul Vella Chretien ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech fl-uffiċji ta’ Heritage Malta l-belt Valletta .
Paul Vella Chretien hu espressjonista romantiku, artist ta’ sentiment u passjoni li joħloq ix-xogħlijiet tiegħu b’sensittivita’ kbira. Vella Chretien tella’ diversi wirjiet personali f’Malta, fl-Awstralja – fejn għallem l-arti taċ-ċeramika, fl-Italja u fil-Ġermanja. Hu ħa sehem ukoll f’numru kbir ta’ wirjiet kollettivi f’Malta, Londra u l-Awstralja. Hu pproduċa erba’ monumenti pubbliċi: “Curve in Bianco’ f’Bologna fl-Italja; ‘From Generation to Generation’ fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School, Naxxar; ‘Every Day Better’ fl-iskola ta’ Santa Monica , l-Gżira u ‘Verso l-Alto’ kkumissjonat mill-Kunsill Lokali San Ġwann.
Meta inawgura din il-wirja l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kellu kliem ta’ tifħir għal Paul Vella Chretien li mhux biss ħaddem it-talenti tiegħu biex kabbar l-arti tax-xogħol fiċ-ċeramika f’Malta iżda anke firex din l-arti f’pajjiżi barranin u hekk kabbar isem pajjiżna.
“L-arti u l-kultura huma s-sisien ta’ l-identita’ tagħna. Għalhekk kull min jaħdem biex dawn jissaħħu u jinfirxu jkun qed jagħti sehemhu għall-Indipendenza ta’ pajjiżna,” stqarr Francis Zammit Dimech li żied: “ Malta bħalissa għaddejja minn rinaxximent ġdid fl-oqsma kulturali u ta’ l-arti. Dan seta’ jseħħ mhux biss għaliex il-Gvern ħoloq l-infrastruttura fejn l-artisti tagħna jistgħu juru x-xogħlijiet tagħhom iżda wkoll għaliex qed jikber in-numru ta’ żgħażagħ li qed jagħmlu mill-arti l-futur tagħhom.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura radd ħajr lil Paul Vella Chretien għal ħidma artistika tiegħu li kienet tagħmel unur lilu u lill-pajjiżna. Hu irringrazzja lil Heritage Malta li qed ipoġġu għad-dispożizzjoni ta’ l-artisti Maltin il-mużewijiet u anke l-uffiċji tagħhom għal wirjiet ta’ arti. Hu qal li dawn il-lokalitajiet flimkien mal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-bitħa tat-Teatru Manoel u ċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi wasslu biex kiber in-numru ta’ wirjiet artistiċi f’pajjiżna li qed jikbru wkoll fil-kwalita’.
DOI - 09.10.2004
6.45 Kbytes Last Modified on 11th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945