IMFAKKAR IL-75 ANNIVERSARJU TAL-KULLEĠĠ ST EDWARDS
Il-Kulleġġ St Edwards qed jiċċelebra il-75 anniversarju mit-twaqqif tiegħu b’sensiela ta’ attivitajiet kulturali u ta’ divertimernt.
Il-Kulleġġ St Edwards twaqqaf fl-1 ta’ Ottubru 1929 fuq art li kienet tal-militar Ingliż u fejn kien hemm l-Isptar il-Qadim tal-Kottonera. Fil-bidu kellu biss 29 student. Illum hemm madwar 1,000 student.
Il-Kulleġġ ta’ St Edwards inbena f’parti mill-aktar storika ta’ pajjiżna. Qiegħed mas-swar tal-Kottonera, ħdejn Notre Dame Gate, waħda mill-isbaħ mini tul din il-linja ta’ fortifikazzjonijiet. Fl-istess swar hemm il-gym, li fl-1998 ingħata ħajja ġdida u llum qed iservi ta’ fitness centre modern.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-75 anniversarju ta’ dan il-Kulleġġ nhar it-Tlieta 12 ta’ Ottubru se jittella’ kunċert sinfoniku fit-Teatru Manoel taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta , l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami. Fil-kunċert l-Orkestra Nazzjonali taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus ser iddoqq żewġ siltiet minn repertorju klassiku u romantiku – piano concerto no. 5 in Eb Major op. 73 “Emperor” ta’ Ludwig van Beethoven u Symphony no. 1 in C minor Linz version (revised) ta’ Anton Bruckner.
Din l-attivita’ tħabbret mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fit-Teatru Manoel u li għaliha kienu preżenti Martin Scicluna, Chairman tal-Kulleġġ St Edwards; Anthony Saliba, Headmaster ta’ l-istess Kulleġġ; Davinia Galea, Event Co-ordinator; Michael Laus, maestro ta’ l-Orkestra Nazzjonali u Wilfred Kennely, Chairman tat-Teatru Manoel.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li attivitajiet bħal dawn kien ta’ min jonkorraġihom għaliex kienu jgħaqqdu flimkien l-edukazzjoni u l-kultura. “Il-Kulleġġ St Edwards ta kontribut importanti għall-qasam edukattiv f’pajjiżna. Hu għalhekk xieraq li jitfakkar bl-aħjar mod il-75 anniversarju mit-twaqqif tiegħu u ma narax mezz aħjar milli jkunu organizzati attivitajiet kulturali u mużikali li jagħtu ġieħ lill-wirt kulturali ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-iskejjel privati kellhom sehem qawwi fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżna u li kien jemmen li l-Kulleġġ St Edwards kien qed jagħti sehmu f’dan l-iżvilupp.
DOI – 09.10.2004
6.1 Kbytes Last Modified on 11th October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945