Left arrow Go Back

L-AZZJONIJIET INDUSTRIJALI ORDNATI MILL-UĦM M’GĦANDHOM EBDA ĠUSTIFIKAZZJONI

PR1538
Date Icon 04/10/2004

Il-Union Ħaddiema Magħqudin avżat lill-Malta Freeport li tista’, mingħajr avviż ieħor, tibda azzjonijiet industrijali. Dawn l-azzjonijiet industrijali meħuda fl-istess ġranet li trid issir il-privatizzazzjoni m’huma xejn ħlief l-aħħar tentattivi biex tipprova ġġiegħel lill-Gvern jaqbel bil-fors ma’ dak li qed tippretendi l-UĦM.  

Il-UĦM, fi stqarrija li ħarġet illum, provat turi sniena max-xerrejja tal-Malta Freeport lejliet il-privatizzazzjoni. Il-UĦM turi immaturità industrijali kbira meta għall-iskopijiet dojoq u bla bażi tagħha tgħarraq, minn qabel tibda, ir-relazzjoniet industrijali mal-Management ġdid fi proċess ta’ privatizzazzjoni li hi (il-UĦM) stess tammetti li hi kruċjali għall-futur ta’ l-impjieg tal-membri tagħha.  

Id-diskussjonijiet mal-UĦM dwar il-Ftehim Kollettiv ilhom għaddejjin xhur sħaħ. Il-Gvern ried li jikkonkludi Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Malta Freeport qabel jgħaddi biex jipprivatizza din il-kumpanija. Il-Gvern ried iħares l-interessi ta’ l-impjegati wara li l-kumpanija tiġi privatizzata u jassigura li jinżammu xierqa l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà ta’ l-impjieg tal-ħaddiema. Tant dan hu minnu li l-Gvern waħdu u mingħajr il-bżonn li timbuttah il-UĦM ġab l-assigurazzjoni tax-xerrej li ma jkunx hemm sensji tul il-perjodu kollu tal-ftehim, jiġifieri għal tletin sena sħaħ.  

Il-UĦM agixxiet b’mod inspjegabbli tul ix-xhur tan-negozjati. Il-Gvern kien flessibbli tant li ippospona darbtejn l-iffirmar tal-privatizzazzjoni. Tul dawn in-negozjati intervjena wkoll bħala rikonċiljatur il-Ministru responsabbli mix-Xogħol Louis Galea. L-intransiġenza tal-UĦM ukoll ġabet fix-xejn l-isforzi kollha tar-rikonċiljatur.  

Il-Gvern u l-Malta Freeport laqgħu waħda wara l-oħra t-talbiet tal-union u kien jidher f’ħafna stadji li qed jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat, izda kull darba l-UĦM kienet qed tiġi lura b’talbiet ġodda li kienu dejjem anqas ġustifikati.  

L-aħħar waħda minn dawn l-istanzi kienet l-aħħar laqgħa formali bejn iż-żewġ naħat li nżammet nhar it-Tnejn, 27 ta’ Settembru 2004. Dak inhar il-UĦM indikat li kienet taqbel mal-konklużjoni tad-diskussjoni u kienet ser titlob lill-membri japprovaw il-Ftehim ħalli jsir l-iffirmar qabel il-privatizzazzjoni li hi skedata għal għada, 5 t’Ottubru 2004.  

M’hux talli l-UĦM ma talbitx lill-membri japprovaw il-ftehim, talli qasmet fi tnejn il-laqgħa lill-membri, it-tieni waħda minnhom illum stess, lejlet il-privatizzazzjoni, u minn qabel il-laqgħat il-membri kienu jafu li m’humiex ser jintlabu japprovaw il-Ftehim.  

Din hi mġieba inspjegabbli li tinftiehem biss bħala tattitika intiża biex il-Gvern għal darb’oħra jipposponi l-privatizzazzjoni.  

Hemm element ewlieni fil-Ftehim Kollettiv il-ġdid maqbul fil-prinċipju mal-UĦM nhar is-27 ta’ Settembru 2004. Dan hu li fuq talba tal-UĦM stess l-impjegati tal-Malta Freeport jibdew jingħataw garanzija f’liem ġranet tal-ġimgħa ma jkunx imisshom xogħol, speċjalment jekk dawn jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa. Din il-proposta kienet milqugħa mil-Malta Freeport, anke wara li nbidlet darbtejn mil-UĦM, minkejja li din il-garanzija tfisser żieda netta fl-ispejjeż tal-kumpanija.  

Barra minn din il-konċessjoni importanti, il-Ftehim Kollettiv jaħseb biex l-impjegati:  

      1.   jitħallsu darba mill-Gvern is-somma ta’ Lm175 bħala ħlas ta’ l-arretrati li jkopri l-perjodu  

      Lulju 2003 sa Diċembru 2004;   

2.   żidiet fil-pagi darbtejn ta’ Lm2 fil-ġimgħa kull darba fl-2005 u fl-2006;

3.   żieda t’10ċ fl-allowance tal-crane operators (li tfisser żieda oħra ta’ madwar 50ċ   

      fil-ġimgħa);

4.   titjib fl-iskemi t’inċentiv li tinħadem skond in-numru ta’ containers li jitmexxew kull 4 

      siegħat.  

Dawn huma żidiet eċċezzjonali permissibbli biss minhabba li l-Freeport ser ikun privatizzat. Ebda kumpanija pubblika fi stat finanzjarju simili għal tal-Malta Freeport ma setgħet tikkontempla żidiet fil-Ftehim Kollettiv tagħha. Il-Ftehim Kollettiv tal-PBS u l-Air Malta huma eżempji espliċiti ta’ dan.  

Barra minn dan kollu l-Gvern kiseb mingħand ix-xerrejja tal-Malta Freeport garanzija li fit-30 sena li fihom kienu qed jingħataw kirja biex joperaw il-Malta Freeport, m’huma ser jingħataw ebda sensji. Din hi garanzija t’impjieg eċċezzjonali li ma ngħatat qatt qabel, u li ma tibqax teżisti li kellha ma ssirx il-privatizzazzjoni nhar it-Tlieta.  

Wara l-qbil fil-prinċipju, il-UĦM iddeċidiet li tagħmel talbiet ġodda mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Il-UĦM riedet li flok il-Lm175 li qed iħallas il-Gvern f’darba f’arretrati, l-impjegati jieħdu żieda oħra ta’ Lm2 fil-ġimgħa minbarra ż-żewġ żidiet li diġà qed jingħataw. Dan hu inaċċettabli għax ikompli jżid l-ispejjeż ta’ l-ażjenda meta wieħed iqis ukoll il-konċessjoni l-ġdida li qed tingħata dwar il-garanzija mogħtija minn qabel ta’ meta jkunu l-ġranet franki ta’ l-impjegati.  

Talba ġdida u ironika oħra li issa qed tagħmel il-UĦM hi li jiżdiedu s-substitution allowances li jingħataw għal xogħol ta’ sostituzzjoni li jsiru s-Sibtijiet u l-Ħdud (li llum huma ta’ Lm12 u ta’ Lm21 rispettivament). Din it-talba hi l-aktar ironika għax fuq kollox, fuq talba tal-UĦM stess, is-Sibt issa saret ġurnata fissa fil-kalendarju tax-xogħol u allura ma baqgħalha ebda skop li titħalsilha kumpens għas-sostituzzjoni.  

Meta wieħed iqis li f’dawn l-aħħar sentejn il-Freeport spiċċat bit-telf f’kuntest internazzjonali fejn il-valuri tal-kambju u l-prezz taż-żejt kienu sfavorevoli għall-aħħar; meta wieħed iqis ukoll li r-rati ta’ produttività tal-Malta Freeport spiss huma anqas minn tal-kompettituri diretti tagħna; u meta tqis il-ġenerożità taż-żidiet offruti anke f’dan il-kuntest: wieħed malajr jinduna li ma jista jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għat-talbiet tal-UĦM.  

Il-UĦM donna qed tinsa wkoll li l-Freeport hi ażjenda li għandha bżonn immedjat t’investiment fl-apparat u t-teknoloġija tagħha li jekk ma jsirx immedjatament, il-kumpanija ser tkompli tiffaċċja sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetittività. Jekk il-privatizzazzjoni ma ssirx m’hux biss tintilef il-garanzija li ma jkunx hemm sensji, iżda kważi jiġi żgurat li jkun hemm is-sensji.  

Il-Gvern jinkoraġġixxi lill-membri tal-UĦM jaraw ir-realtà ta’ l-offerta u l-opportunità li għandhom quddiemhom u ma jaħsbux li jistgħu bid-dewmien jerbħu xi benefiċċju li mingħalihom jistgħu jerbħu għax il-Gvern irid jipprivatizza. L-offerta li għandhom quddiemhom il-ħaddiema hi offerta tajba li bla dubju hi l-aħjar offerta li jistgħu jippretendu.  

Il-Ministru Austin Gatt appella lill-UĦM biex tirtira t-theddida insensata t’azzjonijiet industrijali u tonora l-impenn tagħha li tfittex u tikseb l-approvazzjoni tal-membri tagħha għall-Ftehim Kollettiv li qablet mal-Gvern.

DOI – 04.10.2004

14.98 Kbytes Last Modified on 04th October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

More Press Releases Right arrow