Left arrow Go Back

PROPOSTI MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ŻGHAR U S-SELF EMPLOYED, EDWIN VASSALLO, BIEX TKOMPLI TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA GĦALL-FTUH TA’ NEGOZJI ĠODDA.

PR1520
Date Icon 01/10/2004

Fl-egħluq tal-Konferenza dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq l-impatt tad-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea fuq is-servizzi fis-Suq Intern, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ressaq numru ta’ proposti dwar il-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju biex ikunu diskussi mill-għaqdiet ta’ negozju u mis-settur kummerċjali.  Is-Segretarju Parlamentari qal li rridu naraw:  

            Jekk wasalx iż-żmien li f’pajjiżna naċċettaw li certu setturi ta’ negozju jkunu jistgħu jibdew jaħdmu bil-permess tal-MEPA biss, mingħajr il-bżonn tal-liċenzja tan-negozju billi mbagħad jirreġistraw l-attivita` kummerċjali tagħhom wara li jkunu bdew joperaw.  

            Liema huma dawk is-setturi ta’ negozju li jistgħu jgħaddu mingħajr il-liċenzja tan-negozju iżda bil-permess tal-MEPA biss.  

            Fejn għad għandna bżonn ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ negozji u fejn jibqa’ l- bżonn ta’ sistema ta’ ħrug tal-liċenżji tan-negozji.  

           Jekk ikunx aktar sostenibbli li ċertu Dipartimenti jew Awtoritajiet, filwaqt li jibqgħu joħorġu l-liċenzja tan-negozju ta’ ċertu setturi, għandhomx ikollhom lit-Trade Licensing Unit jaħdem bħala aġent għalihom.  B’dan il-mod l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru f’post wieħed minflok f’diversi uffiċji differenti.

            Jekk għandux ikun hemm emendi fil-liġijiet differenti li bihom jinħarġu liċenżji tan-negozju, bil-ħsieb li jkollna liġi waħda li tirregola l-ħruġ tal-liċenzji għas-setturi kollha.  

Wara li s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għamel dawn il-proposti, huwa ħeġġeġ lis-settur kummerċjali biex jiddiskutihom flimkien ma’ l-Awtoritajiet li jirregolaw in-negozju f’pajjiżna.  Is-Segretarju Parlamentari qal li “Jiena qiegħed inressaq dawn il-punti ta’ diskussjoni għaliex nixtieq li nevalwaw jekk wasalx iż-żmien li jerġa’ jkun hemm reviżjoni ta’ l-eżerċizzju li kien intemm madwar sentejn ilu meta f’Mejju ta’ l-2002 bdiet tiffunzjona s-sistema preżenti tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju.  Qiegħed inressaq dawn il-proposti wkoll biex naraw jekk hux il-waqt li jerġa jsir dak l-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni bil-ħsieb li jwassal:  

            Biex negozjant kważi lanqas biss ikollu għalfejn imur f’xi uffiċju biex ikun jista’ jiftaħ in-negozju tiegħu.  

            Iżda, jekk dan ma jistax isir, allura rridu naħdmu biex fejn ser ikun hemm il-bżonn li tibqa’ s-sistema ta’ ħrug tal-liċenzja tan-negozju jkollna sitwazzjoni fejn, kemm legalment kif ukoll loġistikament, ikollna l-aħjar organizazzjoni possibli biex ikun hemm post wieħed fejn jistgħu jsiru l-applikazzjonijiet.  B’dan il-mod inkunu qegħdin nersqu lejn sistema effiċjenti tal-one stop shop.  

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fakkar li f’pajjizna f’Mejju ta’ l-2002 kien ġie introdott il-kuncett tal-one stop shop fejn kull awtorita` li tirregola in-negozju hija fiha nnifisha l-one stop shop għal dak is-settur kummerċjali li huwa irregolat minnha.  L-Onor. Vassallo fakkar ukoll li “f’pajjiżna s-sistema tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju kif applikata mit-TLU diġa saret taħdem daqs li kieku kienet sistema ta’ registrazzjoni ta’ negozju.  Dan għaliex kemm ilha titħaddem din is-sistema, l-ebda applikazzjoni ma ġiet irrifjutata.  Dan wassal biex juri li f’pajjiżna għandna prova ċara li meta tonqos il-burokrazija il-kummerċ jaħdem iżjed u aħjar, u meta il-kummerċ jikber igawdi l-pajjiż kollu.  

“Id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea tipproponi li jitnaqqas ix-xkiel burokratiku li negozju ġdid jiltaqa’ miegħu biex jiftaħ u jopera.  L-Unjoni Ewropea . tixtieq li kull pajjiz jieħu miżuri biex inaqqas dik il-burokrazija li ttellef in-negozju milli jikber.  Dan għaliex l-istess Unjoni Ewropea tixtieq li ċ-ċaqlieq ta’ negozju bejn pajjiżi differenti jkun aktar faċilitat.  

“F’pajjiżna għadna ma rajniex xi ċaqlieq ta’ barranin li riedu jiftħu negozju hawnhekk.  Dik il-biza’ li kellna donnha sfumat fix-xejn.  Huwa minnu li ċaqlieq ta’ negozju bħala regola jsir mill-pajjiżi t’isfel għall-pajjiżi ta’ fuq.  Iżda minkejja dan, xorta waħda nemmen li rridu naraw li jkollna ċerti negozji li minħabba n-natura tagħhom, għandhom jibqgħu protetti.  B’hekk jibqa’ jaħdem in-numerus clausus li jwassal biex ikollna numru ta’ liċenzji limitati.”  

L-Onor. Vassallo irrifera wkoll għal dak li qed tipproponi din id-Direttiva, fejn l-Unjoni Ewropea qed tipproponi li kull Gvern ikun regolatur ta’ servizz inqas burokratiku f’dak li jittratta l-ħrug tal-liċenzja tan-negozju.  Dan ifisser ukoll li issa irridu nibdew naħsbu kif għandu jiċkien il-Gvern jekk irridu li l-kummerċ jiżdied.  

Fil-konklużjoni tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta ftit statistika ta’ kemm inħarġu liċenzji ta’ negozju mit-TLU bejn Mejju ta’ l-2002 u Awissu ta’ din is-sena.  

Permessi Maħruġa  Mejju 2002 – Awissu 2004

Applikazzjonijiet mingħajr il-permess tal-MEPA

17

Applikazzjonijiet ġodda li diġa kellhom il-permess tal-MEPA

985

Bdil ta’ l-attivita` bil-permess tal-MEPA

51

Bdil ta’ sid in-negozju

549

Bdil ta’ idejn tan-negozju permezz ta’ wirt

52

Bdil tal-ġeneru tan-negozju mingħajr il-bżonn tal-permess tal-MEPA

130

Kanċellazzjonijiet tal-liċenzji

414

Street Hawkers

271

Market Hawkers

360

Fieri Kummerċjali

40

Is-Segretarju Parlamentari qal li aktar dettalji dwar din l-istatistika ser tingħata l-ġimgħa d-dieħla.  Huwa qal li “dan ifisser li minn 3087 permess maħruġ mit-TLU għal dan il-perjodu ta’ żmien, nistgħu ngħidu li kien hemm ma’ l-2415 permess maħruġ ghal attivita` ġdida ta’ negozju.  Minn 2415 kellna 1002 permess għal negozju ġdid f’post fejn qabel qatt ma kien hemm negozju, filwaqt li 1413 kienu bidu ta’ attivita` kummerċjali ġdida f’post fejn diġa kien hemm qabel xi attivita` kummerċjali għaddejja.  Din l-istatistika turi kemm f’dan il-pajjiż kapaċi naraw l-attivita` kummerċjali tikber kemm-il darba inkomplu naħdmu flimkien biex nissimplifikaw il-proċeduri, innaqqsu il-burokrazija, u naraw li jkollna negozji kompetittivi li lkoll flimkien jgħinu biex pajjiżna jkun aktar kompetittiv”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.  

DOI – 01.10.2004

29.88 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow