BUST TA’ CARLO DIACONO FIL-JUNIOR LYCEUM TAŻ-ŻEJTUN
Fid-29 ta’ Settembru, it-tielet jum mill-bidu tas-sena skolastika, fl-iskola Carlo Diacono taż-Żejtun, inkixef il-bust tal-kompożitur Carlo Diacono, li kien miż-Żejtun stess.
Kien inħass xieraq li l-iskola tiġi msemmija għal Carlo Diacono proprju fl-1987 meta ġie deċiż li l-iskola Sekondarja taż-Żejtun issir Liċeo tal-Bniet, il-kompożitur Żejtuni għalaq 100 sena minn meta beda jattendi l-Liċeo hu stess. Il-bust kien magħmul mis-Sur Carmel Agius, membru ta’ l-istaff ta’ din l-iskola. Għal din il-ġurnata speċjali kien mistieden il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea li wara l-attivita’ ġie ppreżentat b’CD fejn hemm miġbura l-Antifoni ta’ dan il-kompożitur. Tkellem ukoll is-Sur Jesmond Bonnici, librar fl-iskola. Is-Sur Charles Debono, viċi President tal-Każin Beland, Żejtun li qiegħed jagħmel riċerka fuq il-ħajja ta’ Carlo Diacono, ippreżenta abbozz oriġinali tal-Manifikat mis-siltiet ta’ Carlo Diacono biex jibqa’ jinżamm bħala dokument fl-iskola. Bint l-istess Carlo Diacono, is-Sinjura Maria Falzon nee’ Diacono, kienet ukoll mistiedna għal din l-okkażjoni importanti fl-iskola, iżda b’xorti ħażina ma setgħetx tattendi minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Carlo Diacono kien kompożitur ta’ ħila kbira, li bix-xogħlijiet tiegħu għamel ġieħ kemm lil Malta kif ukoll liż-Żejtun. Hu twieled fl-1 t’April 1876 u ta’ għaxar snin ħareġ idoqq il-kwartin mal-banda Beland. Huwa miet fl-eqqel tal-gwerra fl-1942 fl-eta’ ta’ sitta u sittin sena.
Sadattant il-ġuranta ta’ qabel fl-istess skola, saret laqgħa għall-istudenti li ser jibdew il-ħames sena tas-sekondarja. Mistednin għal din il-laqgħa kienu l-ġenituri ta’ dawn l-istudenti, l-istudenti li temmew il-ħames sena f’Ġunju li għadda, kif ukoll il-ġenituri tagħhom. Il-ħames sena tas-sekondarja hi meqjusa bħala sena deċiżiva għall-istudenti. L-iskop ta’ din il-laqgħa kien li l-istudenti li ser jibdew il-ħames sena jkollhom l-opportunita’ li jiltaqgħu ma’ l-istudenti li temmew b’suċċess din is-sena, jieħdu pariri mingħandhom, jisimgħu l-esperjenzi tagħhom, kif ukoll jistaqsuhom dwar xi problemi li jistgħu jitfaċċaw. Din il-laqgħa fl-iskola Carlo Diacono saret appuntament ta’ kull sena, għax l-esperjenza wriet li studenti li ġa għaddew minn din l-esperjenza jistgħu jkunu ta’ kuraġġ kbir għal dawk li għadhom ser jibdewha.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll Mrs. Sonia Camilleri, il-Kummissarju tat-Tfal kif ukoll Mrs Nanette Samuel, President tal-Kunsill Skolastiku.
DOI – 01.10.2004
5.94 Kbytes Last Modified on 01st October, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944