DISKORS MILL-ONOR. HELEN D’AMATO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITA’ FL-OKKAZJONI TAL-JUM DINJI TA’ L-ANZJANI
Madwar id-dinja, kif ukoll ġewwa Malta , għaddejja rivoluzzjoni siekta li qed iġġib magħha ħafna opportunitajiet u sfidi ġodda. In-numru ta` anzjani qiegħed dejjem jikber u dan il-kambjament qiegħed jitlob minna li naraw, nistudjaw u naħsbu kif inwettqu politika li taġevola l-ħajja ta’ kull persuna anzjana.
Kien għal diversi raġunijiet li n-Nazzjonijiet Uniti ħasset il-bżonn li tiddikjara l-Ewwel ta` Ottubru bħala l-Jum Dinji għall-Anzjani.
Ġurnata bħal din għandha sservi sabiex napprezzaw il-valur ta` soċjeta` nklussiva li tagħraf u tifhem li l-ġid komuni jissarraf f’servizzi li jinqasmu u jingħataw b’mod ekwu u b’sens ta` ġustizzja soċjali.
Fil-ġurnata tal-lum irridu nżommu quddiem għajnejna li persuna anzjana li tibqa’ b’saħħitha u attiva hija riżorsa għall-familja tagħha, għall-kommunita` li qed tgħix fiha, kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiz. Għalhekk, kien ferm għaqli li l-Gvern jenfasizza fuq it-twettiq ta` politika li kemm jista` jkun nipprovdu u ntejbu servizzi fil-kommunita`.
Minkejja kull sforz li jsir biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-kommunita`, nirrikonoxxu li numru ta` anzjani jkollhom bżonn jiġu rikoverati fi djar residenzjali jew f’San Vinċenz De Paule. Huwa l-impenn tas-Segretarjat tiegħi li naraw li l-kura u s-servizzi li jingħataw ikunu ta` kwalita` u li dan iseħħ b’rispett sħiħ lejn id-dinjita` ta` l-anzjani tagħna.
Ir-riforma fil-qasam tal-pensjonijiet u fil-qasam tas-sahha għandna nħarsu lejha bħala pass pożittiv ta` kif il-Gvern irid jassigura li l-anzjani tagħna jibqgħu jgawdu kwalita` ta` ħajja għolja. Aħna qegħdin ninpenjaw ruħna biex nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu aċċessibli, sostenibbli u adegwati għall-ħtigijiet tal-anzjani tal-lum u ta` għada.
F’dan il-jum nixtieq nindirizza wkoll lil dawk li għadhom ma laħqux l-eta` tal-anzjanita`. Nappella li f’dan il-Jum dedikat lill-anzjani tieqfu u taħsbu ftit dwar l-istil ta` ħajja li qed ngħixu, sabiex dak li nkunu qegħdin ninvestu fih issa, nkunu nistgħu ngawdu l-frott tiegħu aktar ‘il quddiem u b’hekk ingawdu anzjanita` b’saħħitha u attiva. Lit-tfal, nappellalkom biex tapprezzaw in-nanniet tagħkom u turuhom l-għozza li jixirqilhom.
Ippermettuli li f’dan il-Jum nirringrazzja pubblikament lil tant nies li ta` kuljum jimpenjaw ruħhom u jaħdmu favur ħajja aħjar għall-anzjani tagħna. Nappella sabiex id-diversi Ghaqdiet tal-volontarjat, il-Knisja, il-Kunsilli Lokali u l-Gvern jersqu dejjem aktar lejn xulxin sabiex ikun kemm aktar ko-ordinament u kollaborazzjoni ħalli nagħmlu l-aħjar uzu mir-rizorsi li għandna.
Iżda, f’isem il-poplu Malti, l-akbar grazzi nixtieq ngħidha lilkom l-anzjani, tal-kontribuzzjoni siewja li tajtu matul ħajjitkom. Grazzi talli bis-sagrifiċċji tagħkom tajtuna wirt kulturali u patrimonju daqstant sabih.
L-anzjani tagħna huma riżorsa imprezzabli u jekk nagħrfu nieħdu l-opportunitajiet kollha li qegħdin jinħolqu żgur naraw lil dan il-pajjiż ikompli jimxi `l quddiem u li jkun veru xempju ta` soċjeta` nklussiva, soċjeta` li tħares lejn il-passat u tara li jista` jkun garanzija għall-futur.
Nawgura saħħa u sliem lil kulħadd.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944