- L-UŻU T-TAJJEB TA’ L-INTERNET U L-POSTA ELETTRONIKA
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea nieda kampanja li se jkollha l-iskop li twassal informazzjoni, regoli u pariri dwar l-użu ta’ l-Internet u l-Posta Elettronika (e-mail) u kif dawn għandhom jintużaw b’mod, li t-tfal jieħdu l-akbar benefiċċju minn din it-teknoloġija mingħajr ma jkunu esposti għal affarijiet li mhumiex xierqa.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, permezz tad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni investiet bosta biex fl-iskejjel tagħha jkun hemm l-aqwa tagħmir u servizzi tat-teknoloġija ta' l-informatika. Illum il-ġurnata fil-klassijiet ta’ l-iskejjel primarji ta’ l-istat, insibu kompjuter għal kull 7 studenti b’total li jaqbeż it-3500 kompjuter. Fl-iskejjel sekondarji, ir-rata hija ta’ kompjuter għal kull 15-il-student b’total ta’ aktar minn 1500 kompjuter f’91 laboratorju.
Din is-sena se jkun tlesta l-proġett li beda erba’ snin ilu u li se jwassal biex l-Iskejjel kollha ta’ l-istat ikollhom l-Internet u indirizz tal-posta elettronika għal kull student. L-iskejjel kollha se jkunu mqabbda ma’ network tal-kompjuters imsejjaħ SchoolNet.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-ġenituri jistgħu iserrħu rashom li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex meta it-tfal jużaw l-Internet fl-iskola, ma jkollhom l-ebda aċċess għal materjal mhux xieraq. L-aċċess jingħata biss għal paġni li huma ta’ natura edukattiva permezz ta’ sistema ta’ ‘filtering’ li tieħu ħsieb li materjal b’temi adulti, jew li ma jitqiesx bħala edukattiv, jiġi mblukkat. L-istudenti kollha jistgħu jingħataw ‘e-mail’ personali tagħhom li jista’ jintuża kemm mill-iskola kif ukoll mid-dar. L-‘e-mail’ huwa wkoll iffiltrat kontra l-iSPAM biex b’hekk uliedna ma jirċevux messaġġi mhux mixtieqa u li jaħlulhom il-ħin. L-‘e-mails’ li t-tfal jibgħatu jew jirċievu jiġu wkoll iċċekkjati biex niżguraw li ma jkunx qed isir abbuż mis-sistema.
Id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni ħareġ sett ta’ regoli għall-użu aċċettabbli ta’ l-Internet li jinsabu fi ktejjeb li ser jitqassam lill-ġenituri kollha li jibgħatu lil uliedhom fl-iskejjel ta’ l-istat. Dawn ir-regoli jiżguraw li l-użu li uliedna jagħmlu mill-Internet fl-iskejjel ikun wieħed ta’ benefiċċju edukattiv u li jżommu ’l bogħod minn xi perikli li jista’ jkun hemm. Dawn ir-regoli jgħoddu għall-użu ta’ l-Internet mill-iskola, però l-ġenituri huma mħeġġa biex jaddottaw dawn ir-regoli fid-dar ukoll għax wara kollox dawn qegħdin għall-ġid tat-tfal.
Studenti qegħdin ukoll jingħataw l-opportunità li jużaw spazju fejn jagħmlu ‘website’ personali. Din tingħata wara applikazzjoni, bil-permess tal-ġenituri, u l-materjal li jitpoġġa fuqha jrid ikun konformi mar-regoli għall-użu aċċettabbli.
Il-ġenituri ser ikunu mitluba biex jaqraw ir-Regoli għall-Użu Aċċettabbli u flimkien ma’ uliedhom jimlew u jiffirmaw il-formola li hija forma ta’ ftehim bejn l-iskola u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni fuq naħa, u l-ġenituri u l-istudenti fuq l-oħra. Filwaqt li l-istudenti u l-ġenituri jistqarru li qraw, fehmu, u li ser isegwu ir-regoli, l-iskola u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tikkommetti ruħha li tibqa’ tipprovdi l-aħjar servizz possibbli u fuq kollox tiżgura li tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, bħal ‘filtering’ u monitoraġġ ta’ l-użu, biex tissalvagwardja lit-tfal.
Se jkunu biss dawk l-istudenti li jirritornaw din il-formola mimlija li jingħataw ‘e-mail’ u li jitħallew jagħmlu użu sħiħ mill-Internet, filwaqt li dawk li ma jiffirmawx il-formola jingħataw aċċess limitat biss għall-ħinijiet tal-lezzjonijiet fejn ikunu taħt għajnejn l-għalliema.
Filwaqt li ħafna ġenituri jieħdu pjaċir li x-xogħol tat-tfal tagħhom jiġi apprezzat u ppubblikat, u li ritratti li fihom jidhru t-tfal tagħhom jiġu ppubblikati, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tirrispetta d-dritt li din l-għażla jagħmluha l-ġenituri, għalhekk il-formola tinkludi wkoll parti li timtela minn dawk il-ġenituri li jkunu jridu jagħtu l-permess biex l-iskola tkun tista’ tippubblika xogħol jew ritratti tat-tfal tagħhom.
F’inizjattiva parallela b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Investment u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, sar ftehim ma’ Childnet International, li hija fondazzjoni bbażata l-Ingilterra u li tispeċċjalizza fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal fuq l-Internet. Dan il ftehim jinkludi sessjonijiet ta’ taħriġ f’dan il-qasam għal diversi uffiċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u minn oqsma oħrajn bl-iskop li l-iskejjel ikunu nfurmati biżżejjed biex jagħtu lill-ġenituri tagħrif dwar l-aħjar prattiċi fl-użu ta’ l-Internet mit-tfal. Eżempju ta’ dawn huwa li fid-dar, il-kompjuter ma jitpoġġiex f’kamra tat-tfal iżda f’post aktar komuni għall-familja kollha, li t-tfal ma jagħmlux appuntamenti ma’ nies li jiltaqgħu magħhom fuq l-Internet, li ma jagħtux dettalji personali u li jżommu ’l bogħod minn ‘websites’ b’materjal pornografiku u bla sens. Il-pubblikazzjonijiet ‘Kid Smart’ ta’ Childnet International,b’aktar dettalji mmirati lejn il-ġenituri u l-istudenti ġew tradotti għall-Malti u ser jitqassmu flimkien mal-ktejjeb tar-‘Regoli għall-Użu Aċċettabbli’.
Il-Ministru Galea appella lill-ġenituri u l-għalliema biex jirsistu ma’ l-istudenti dwar is-sabiħ tat-teknoloġija li mingħajra ma nistgħux nimxu ’l quddiem. Minn naħa l-oħra l-Ministru wissa lil kulħadd li tfal u studenti qed jaħlu wisq ħin prezzjuż jilgħabu u “jiċċettjaw” fuq il-kompjuter. F’ħafna każijiet il-logħob qed isir vizzju u addizzjoni bħat-tipjip. Il-ġenituri għandhu jkollhom il-ħila li jirregolaw il-ħin li wliedhom iqattgħu fuq il-kompjuter. Dan hu ħin moħli u m’għandux x’jaqsam ma’ l-istudju.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944