EMOZZJONIJIET U PASSJONI MILL-KULURI TA’ FABIO BORG
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura wirja ta’ xogħlijiet ta’ pittura ta’ Fabio Borg bit-tema “Emotions and Passions”. Ix-xogħlijiet ta’ Borg huma għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti.
Fabio Borg ħa l-ispirazzjoni għall-wirja tiegħu minn ittra li l-Papa Ġwanni Pawlu II bagħat lil-artisti kollha fl-1999 fejn stedinhom jirreferu għall-iskrittura bħala s-sors ta’ l-ispirazzjoni tagħhom. Borg dehrlu li kellu jiddedika wirja bit-tema “Emotions and Passion” li tiddeskrivi l-Passjoni ta’ Kristu skond il-Vanġelu ta’ San Ġwann.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-qawmien kulturali li hawn f’pajjiżna hu rifless fid-diversi wirjiet li qed jittellgħu mhux biss f’galleriji ta’ l-arti tal-Gvern iżda wkoll f’galleriji privati. Hu qal li jekk jieħu l-galleriji tal-Gvern bħala kejl jinnota li filwaqt li baqgħu jittellgħu wijiet ta’ l-arti fil-Mużewijiet illum qed jittellgħu wirjiet fil-bini ta’ Heritage Malta, fl-Universita’ l-Qadima kif ukoll fit-Teatru Manoel u fil-Kavallier ta’ San Ġakbu li nfetaħ bħala Ċentru għall-Kreattivita’ erba’ snin ilu. Hu qal li dan iċ-Ċentru hu diġa’ ibbukkjat għal diversi wirjiet filwaqt li fil-bitħa tat-Teatru Manoel, li għandha tinda innovattiva, fix-xhur li ġejjin se jittellgħu disa’ wirjiet.
“Artisti żgħażagħ bħal Fabio Borg hu ta’ min jinkorraġihom għaliex bit-talenti tagħhom għandna assigurazzjoni li l-kultura f’pajjiżna se tkompli tiffjorixxi u pajjiżna se jsaħħaħ l-identita’ tiegħu”, stqarr il-Ministru Francis Zammit Dimech, li żied li “Il-Gvern fl-aħħar snin ħoloq l-infrastruttura biex l-artist Malti jkollu fejn juri x-xogħlijiet tiegħu. Din il-ħidma qed tagħti riżultati pożittivi għaliex mhux biss qed jiżdiedu l-wirjiet iżda qed togħla wkoll il-kwalita’ tax-xogħlijiet ta’ l-artisti lokali.”
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944