IMNIEDI R-REĠISTRU DWAR L-INĊIDENTI U L-KORRIMENTI
Permezz ta’ għajnuna teknika u fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kurafil-Komunità qiegħed iniedi Reġistru (databank) dwar l-Inċidenti u l-Korrimenti. B’dan ir-reġistru Malta qegħda tingħaqad ma’ pajjiżi oħra Ewropej biex tiġbor u taqsam informazzjoni dwar inċidenti u korrimenti l-aktar fid-dar u waqt il-ħin liberu, li jseħħu f’pajjiżna.
Għat-tnedija ta’ dan ir-Reġistru kien preżenti Mr. Horst Kloppenburg, Principal Administrator, Unit C2, DGSANCO mill-Unjoni Ewropea, li f’dawn il-jiem kellu taħdidiet ma’ uffiċjali tal-Health Information Department (HID) dwar dan il-proġett.
Dan l-eżerċizzju se jkun f’idejn il- Health Information Department (HID) li hu responsabbli mill-ġbir ta’ kull informazzjoni dwar is-saħħa f’Malta. Dan id-Dipartiment ilu għaddej żmien twil biex iwitti t-triq għal ġbir ta’ din l-informazzjoni billi ħejja pjan ta’ implimentazzjoni. Għaddejjin negozjati sabiex dan ir-reġistru jkun fuq bażi nazzjonali. Dan ifisser li l-informazzjoni ser tinġabar kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Għal dan il-għan, ser jiġu nvoluti l-imsieħba fil-qasam tal-Kura Primarja (Ċentri tas-Saħħa) kif ukoll l-isptarijiet pubbliċi u privati.
L-għan ewlieni ta’ din is-sistema hu li tinġabar informazzjoni dwar l-inċidenti u l-korrimenti, permezz ta’ metodoloġija universali ma’ l-istati membri kollha. Dan jippermetti klassifikazzjoni u għadd ta’ l-importanza relattiva tat-tipi differenti ta’ l-inċidenti l-aktar komuni, kif ukoll dwar il-prodotti involuti f’dawn l-incidenti. L-għan aħħari ta’ dan ir-reġistru huwa l-promozzjoni tas-saħħa pubblika f’dak li hu tnaqqis ta’ korrimenti, speċjalment dawk li jiġru fid-dar u waqt il-ħin liberu.
Il-Ministru qal li issa li Malta hija membru fl-Unjoni Ewropea qegħda dejjem tintegra ruħha f’din l-istituzzjoni billi tipparteċipa f’diversi inizjattivi li minnhom jibbenefikaw iż-żewġ naħat. L-Unjoni Ewropea toffri għajnuna biex id-diversi pajjiżi jkunu jistgħu jwettqu proġetti li jkunu ta’ benefiċċju kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Komunità Ewropea.
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qiegħed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jisfrutta fondi u għajnuna mill-Unjoni Ewropea. Proprju ftit ġranet ilu ġie mħabbar li l-Ministeru kien ġab għajnuna ta’ madwar żewġ miljun ewro għal tliet proġetti fil-qasam tas-Saħħa.
Il-Ministru awgura li l- Health Information Department (HID) jsib il-koperazzjoni minn dawk involuti biex tinġabar din l-informazzjoni.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944