Left arrow Go Back

JIBDA X-XOGĦOL FUQ TOROQ F’ŻEWĠ ŻONI INDUSTRIJALI

PR1479
Date Icon 28/09/2004

Beda x-xogħol fuq numru sostanzjali ta’ toroq fiż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel. Ix-xogħol qed jsir taħt il-kordinazzjoni Direttorat tan-Network Infrastructure fi ħdan l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT).

Waqt żjara li għamel dal-għodu fiż-żona industrijali tal-Mosta, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, il-Ministru Mugliett qal li dan il-proġett ser itejjeb il-moviment tal-vetturi kummerċjali f’dawn iż-żoni u għalhekk ser iżid ukoll l-effiċjenza u l-produttività tal-intrapriżi li joperaw f’dawn iż-żoni.  

“It-toroq huma element li jolqot il-ħajja ta’ kulħadd. Il-Gvern huwa impenjat li jtejjeb l-infrastruttura tat-toroq f’kull livell, u għalhekk qed jinvesti bis-sħiħ mhux biss fi proġetti f’toroq arterjali u residenzjali, iżda wkoll f’żoni industrijali.  

“L-ambjent madwar żoni industrijali huwa importanti ukoll anke għax f’ċerti każi jiddetermina l-kwalità tax-xogħol – bħal per eżempju it-trab u l-kwalità ta’ l-ispraying,” qal il-Ministru Mugliett.  

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li dan huwa biss wieħed mill-erba’ proġetti fuq toroq li qed isiru fil-Mosta jew fil-madwar. Fil-fatt, fl-istess ħin li għaddej dan ix-xogħol fiż-żona industrijali, miexi ġmielu wkoll ix-xogħol fuq ir-ring road tal-Mosta u anke ir-rikostruzzjoni ta’ żewġ arterji prinċipali f’ Tal-Qlejgħa u Tarġa Gap li qed ikunu iffinanzjati mill-Ħames Protokoll bejn Malta u l-Italja. Barra dawn, il-Kunsill Lokali tal-Mosta bl-għajnuna tal-ADT qed iwettaq proġett sabiex isir il-pavimentar tal-pjazza ta’ quddiem ir-Rotunda tal-Mosta.  

Il-Ministru Mugliett qal li għalkemm matul it-tliet snin li ġejjin ser ikun qed isir investiment rekord fil-kostruzzjoni u r-rikostruzzjoni tat-toroq, il-Gvern għandu d-dmir li jara li jinvesti bil-għaqal u li fuq kollox, jieħu l-aqwa valur għall-investiment li jagħmel.  

“Ix-xogħlijiet fiż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel seta’ jibda wara li l-kuntratturi u l-ADT qablu fuq prezz li kien raġjonevoli għat-tnejn. U dan huwa l-ispirtu li rridu inkomplu naħdmu bih fl-interess ġenerali sabiex ikun jista’ jitwettaq il-programm estensiv li l-Gvern għandu għat-toroq u biex tiżdied il-profitabilità tal-kuntratturi,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.  

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo qal li “dan il-progett ser ikun qieghed jgħin lis-self employed itejbu l-kundizzjonijiet li fihom qegħdin jaħdmu bħalissa.  Dan il-progett ser iwassal biex jittejjeb l-aċċess għan-negozji u l-industriji li jinsabu f’dawn iż-żoni, u dan ser ifisser li ser tiżdidilhom il-kompetittività tagħhom.  Ser tispiċċa l-mentalità li dawn in-nies qegħdin jaħdmu ġo “no man’s land”, u issa ser ikunu qegħdin jaħdmu ġo żona b’regolamenti li jridu jiġu mħarsa.  Il-persuni li qegħdin jaħdmu f’dawn iż-żoni jridu jiġu konformi ma’ l-istandards lihuma mistennija.”  Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “dan il-proġett ser iwassal għal titjib tal-livelli u kwalità, mhux biss tat-toroq, iżda wkoll tax-xogħol li jsir f’dawn iż-żoni.  F’dan il-proġett qed isir l-aħjar użu possibbli mill-art industrijali.”  

Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “f’dan il-proġett ser jingħataw is-servizzi kollha u mhux biss it-toroq u dan ser iwassal għal responsabbiltajiet ġodda fiż-żamma ta’ l-ordni u l-indafa għan-nies li jaħdmu f’dawn iż-żoni.”  

Ix-xogħlijiet li ser isiru fiż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel ser jiswew investiment ta’ madwar Miljun Lira Maltin u dan l-investiment jinkludi l-bini ta’ passaġġi, il-pedamenti u l-wiċċ tat-triq.B’kollox b’dawn il-proġetti ser jingħataw mal-35,000 metru kwadru ta’ tarmac.  Ix-xogħlijiet qegħdin isiru bejn erba’ kuntratturi, tnejn għal kull żona, biex ix-xogħol jitqassam u jitnaqqas kull inkonvenjent.  

Id-Direttorat tan-Network Infrastructure ħa ħsieb jikkordina x-xogħol mal-kumpanniji tas-servizzi biex is-servizzi jiġu mgħoddija fil-ġenb tat-triq jew taħt il-bankini. Għal dan l-għan, ser jinbnew numru ta’ services culverts biex xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-servizzi jkun jista’ jsir mingħajr ma ssir ħsara lill-wiċċ tat-triq. Il-parti l-kbira tas-service culverts li qed jintużaw f’dawn it-toroq huma precast.  

Wieħed mill-fatturi li ngħataw importanza waqt id-diżinn ta’ dawn it-toroq kienet l-inklużjoni ta’ sistema għall-immaniġġjar tax-xita biex ma ssirx ħsara lill-wiċċ tat-triq. Għal dan l-għan ser jitqiegħed network ta’ pajpijiet ta’ dijametru li jiflaħ l-ilma kollu li jinġabar f’dawn l-inħawi.  

It-toroq li ser jerġgħu jinbnew fiż-Żona Industrijali tal-Mosta jinkludu Triq il-Ballut, Triq iż-Żnuber, Triq il-Kappar, Triq l-Għarghar, Triq il-Parsott, partijiet minn Triq il-Fortizza, Triq Nikol Muscat, Triq Filippu Apap Bologna u Triq tas-Sriedaq.  

Il-proġett fiż-żona industrijali tal-Imrieħel hu magħmul mill-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Industrija, Triq il-Kummerċ, Triq il-Ħaddieda, Triq is-Snajja, Triq il-Bankiera, Triq is-Salib and Triq l-Għajn. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow