Left arrow Go Back

IL-WIRT ARKITETTONIKU TAL-GŻEJJER MALTIN

PR1478
Date Icon 28/09/2004

Is-Sur George Said-Zammit u s-Surmast tas-Seminarju Minuri Fr. David Cilia ippreżentaw kopja tal-ktieb ‘Il-Wirt Arkitettoniku tal-Gżejjer Maltin’ lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea.  Dan il-ktieb li għadu kif ippubblika s-Seminarju ta’ l-Arċisqof  ta’ Malta hu xogħol ta’ George A. Said-Zammit.  Dan l-istudju huwa maħsub biex jikkumplimenta parti mis-sillabu tas-SEC ta’ l-Istudji Ambjentali, suġġett maħsub biex jgħin lill-istudenti Maltin u Għawdxin japprezzaw aħjar il-wirt naturali, storiku u soċjali ta’ pajjiżna u tal-Mediterran b’mod speċjali, u fil fatt qed jintuża fis-Seminarju.

F’120 paġna, il-ktieb jagħrbel il-wirt mibni ta’ pajjiżna mill-Preistorja saż-żminijiet li ngħixu fihom aħna.  Huwa maqsum f’għaxar kapitli u jittratta fid-dettal kull perjodu ta’ l-Istorja ta’ Malta: il-Preistorja, il-Feniċi, ir-Rumani, il-Perjodu Kristjan Bikri, il-Medjuevu, Żmien il-Kavallieri, Żmien il-Franċiżi, il-Perjodu Kolonjali, u l-Perjodu Kontemporanju. Fl-aħħar taqsima tiegħu dan jittratta wkoll l-arkitettura vernakulari ta’ pajjiżna.  

L-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ktieb huwa l-ammont kbir ta’ ritratti u disinji. Il-ħsieb wara dan huwa li l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-kontenut tal-ktieb waqt li jkunu jistgħu japprezzaw aħjar il-wirt mibni ta’ Malta u Għawdex. Ħafna minn dawn ir-ritratti huma oriġinali u huma x-xogħol ta’ l-awtur ta’ dan  il-ktieb.  

George Said-Zammit huwa l-għalliem ta’ l-Istudji Ambjentali fis-Seminarju Minuri. Ilu jgħallem f’din l-iskola sa mill-1990 u barra l-Istudji Ambjentali kien jgħallem ukoll l-Istorja. Barra l-esperjenza ta’ bosta snin fil-qasam tat-tagħlim, l-awtur għandu wkoll sfond akkademiku wiesa’, u għalhekk dan ix-xogħol żgur li se jkun ta’ għajnuna kbira għall-istudenti Maltin u Għawdxin biex jitgħallmu japprezzaw aħjar dak li ħallew warajhom missirijietna biex jitgawda minna u mill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.  

Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb Fr. Cilia qal li s-Seminarju Minuri għandu għal qalbu ħafna li jxerred u jkattar it-tagħlim tiegħu, anke dak akkademiku, barra l-ħitan tiegħu.  Dan minħabba l-fatt li barra x-xogħol ta’ George Said-Zammit, is-Seminarju Minuri diġà ħareġ studji oħrajn maħsubin għall-istudenti, fosthom is-sensiela Kelmet Ommi ta’ Dun Karm Zammit.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow