Left arrow Go Back

QAWMIEN KULTURALI RIFLESS F’WIRJIET ARTISTIĊI

PR1466
Date Icon 27/09/2004

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-qawmien kulturali ġdid li hawn f’pajjiżna hu rifless fin-numru kbir ta’ attivitajiet kulturali li qed ikunu organizzati. Hu qal li n-numru ta’ wirjiet li qed jittellgħu minn artisti lokali, u anke artisti barranin, qed jiżdied.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’dawn il-jiem nieda l-attivitajiet li qed ikunu organizzati fil-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru għall-Kreattivita’ u fit-Teatru Manoel. Hu qal li bejn dan ix-xahar u Mejju tas-sena d-dieħla fil-main hall tal-Kavallier ta’ San Ġakbu se jittellgħu ħames wirjiet, erba’ ta’ pittura u waħda ta’ fotografija filwaqt li fl-Upper Galleries ta’ l-istess kumpless se jittellgħu tmien wirjiet, tlieta tal-fotografija u ħamsa ta’ pittura. Hu qal li fit-Teatru Manoel hemm proġettati li jittellgħu disa’ wirjiet. Il-Ministru Zammit Dimech qal li wirjiet oħra jittellgħu f’mużewijiet tal-Gvern u mill-privat. 

Francis Zammit Dimech qal li l-pittura hi mezz ieħor kif l-artist jesprimi ruhhu. Hu qal li fil-każ ta’ Anthony Lucian Cauchi l-artist iddikjara li hu skjav tal-azzjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu għalkemm jipprova ma jkunx skjav għal dak li jidhrilhom dawk li jżuru l-wirjiet tiegħu. Hu jgħid li għandu dritt għad-dwejjaq u għall-ferħ u li jipprova jaqsam dawn ma’ dawk li jsegwu x-xogħlijiet tiegħu.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal illi Cauchi jemmen li, li jaqsam dak li jħoss ma’ ħaddieħor, ikabbar ir-resistenza għad-disperazzjoni u fl-istess waqt ikabbar ukoll il-kapaċita’ tiegħu li  jifraħ. L-artist jgħid li “il-ferħ u d-dwejjaq huma iż-żewġ dellijiet ta’ l-eżistenza tal-bniedem u jakkompanjawh tul il-vjaġġ ta’ ħajtu.”  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’żewġ sentenzi Anthomy Lucian Cauchi esprima l-ħsibijiet wara x-xogħlijiet tiegħu – vjaġġ f’ħajtu u għalhekk wieħed jifhem li taqsam il-ħajja ma’ oħrajn hu ferħ li għandek  tirrealizza.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li minkejja li aħna pajjiż żgħir għandna artisti ta’ kalibru li mhux biss jagħmlulna unur f’pajjiżna iżda anke ’il bogħod minn xtutna. Hu qal li l-kultura f’pajjiżna għenitna ikollna l-identita’ tagħna u allura li nkunu nazzjon bi drawwiet u identita’ differenti minn ta’ ħaddieħor. Hu qal li l-kultura hi mezz ta’ promozzjoni għas-settur turistiku ta’ Malta, settur li kien qed jikber u jagħmel tajjeb għal telf minn setturi oħra li m’għadniex nikkompetu fihom minħabba l-kompetizzjoni qawwija li qed niffaċċjaw minn pajjiżi ġirien tagħna.  

Francis Zammit Dimech qal li darba ninsabu fl-Unjoni Ewropea nfetħu beraħ għall-artisti tagħna l-bibien ta’ l-Ewropa. Hu qal li ma kellux dubbju li l-artisti Maltin kienu se jieħdu din l-opportunita’ kbira biex joħorġu t-talenti tagħhom u biex ikabbru isem Malta fl-24 pajjiż l-ieħor ta’ l-UE.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lil Anthony Lucian Cauchi għax-xogħlijiet tiegħu fl-akrilika, żejt u tafal filwaqt li awguralu kull suċċess fil-ħidma tiegħu.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow