Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-ONOR. LOUIS GALEA, MINISTRU TA’ EDUKAZZJONI, ŻGĦAŻAGĦ U IMPJIEGI FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SENA SKOLASTIKA

PR1462
Date Icon 27/09/2004

Huwa b’sens ta’ impenn li bil-ferħ nilqa` lura fl-iskejjel Maltin u Għawdxin l-eluf ta’ studenti, għalliema u ħaddiema għal sena skolastika ġdida 2004/05.  Insellem lill-għalliema u lill-ġenituri u nistedinhom nissieħbu lkoll biex flimkien nagħmlu ħilitna ħalli nagħtu lil uliedna l-aħjar u l-isbaħesperjenza edukattiva li hi possibbli.  Fil-Ministeru, fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u fl-iskejjel, ninsabu lesti biex inservu b’ħilitna kollha għall-akbar ġid ta’ wliedna u tal-poplu  tagħna.

Il-ħidma f’dan il-qasam ma tieqaf qatt, u nagħmlu kemm nagħmlu dejjem jifdal x’isir biex naqdu l-bżonnijiet ta’ l-istudenti kollha, żgħar u kbar.  

Fix-xhur li għaddew il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) wettqet ħafna xogħol f’diversi skejjel - xoghol ta’ manutenzjoni, tisbiħ, tisħiħ ta’ strutturi, u sigurta`.  F’numru ta’ skejjel qed jinbnew estensjonijiet, faċilitajiet u swali ġodda.  Filwaqt li ġie assigurat li l-iskejjel kollha jiftħu u jkunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom tat-tagħlim b’mod normali, saru l-arranġamenti meħtieġa biex f’numru ta’ skejjel jitkompla x-xogħol ta’ bini u immodernizzar.  Fl-istess ħin ittieħdu l-passi kollha meħtieġa għall-ħarsien, kura u sigurta` tat-tfal u se jsir minn kollox biex ix-xogħol jitlesta kemm jista` jkun malajr u ma jfixkilx it-tagħlim.  

F’Ottubru ser inressaq għall-approvazzjoni tal-Gvern Pjan Strateġiku għall-immodernizzar u bini meħtieġ biex l-iskejjel kollha ta’ l-Istat ikunu skejjel moderni, sbieħ u ta’ kwalita` denji għaż-żminijiet u l-bżonnijiet tal-lum u t’għada.  Il-bini nnifsu jifforma parti integrali mill-kwalita` ta’ l-edukazzjoni li l-istudenti għandhom dritt għalih.  Meta l-Pjan jiġi approvat ikun ifisser investiment pubbliku ta’ aktar minn LM 60 miljun lira fit-tmin snin li ġejjin. Il-Pjan ser jiġi pubblikat biex pubbliku u Parlament ikunu jistgħu jiddiskutuh u jagħtu s-suġġerimenti tagħhom.  

Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni wettqet ħafna xogħol matul is-sajf biex tagħti lill-iskejjel ta’ l-Istat il-Kapijiet, l-Assistenti Kapijiet, l-għalliema, direzzjoni u riżorsi oħra li għandhom bzonn.  Irrid pubblikament nirringrazzja lil dawk l-uffiċjali kollha li, minkejja ż-żmien ta’ vaganzi tas-sajf, impenjaw ruħhom biex l-iskejjel ikunu preparati mill-aħjar ħalli jilqgħu it-22,475 tifel u tifla fl-iskejjel primarji u 18,182 studenti fl-iskejjel sekondarji. Biex inservu dawn l-istudenti fl-iskejjel ta’ l-Istat għandna qrib 5000 kindergarten assistants, għalliema, u facilitators.  

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) ser tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lil diversi skejjel bi programmi edukattivi differenti.  Matul din is-sena skolastika jiena tlabt lill-FES tiffoka b’mod partikolari fil-Kottonera, f’Għawdex, u fi skejjel sekondarji.  

Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika ġdida nappella lil kulhadd fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti biex iġedded l-impenn u d-dedikazzjoni favur edukazzjoni ta’ kwalita` għal kulħadd. Tajjeb illi infakkru :  

·     L-ewwel dmir ta’ l-edukazzjoni ta’ uliedna jaqa` fuqna l-ġenituri.  Mingħajr l-interess, l-impenn u l-kooperazzjoni sħiħa tal-ġenituri l-għalliema jsibuha bil-bosta aktar diffiċli li jagħtu l-uliedna it-tagħlim skond il-Kurrikulu Nazzjonali u li jgħinuhom jiżviluppaw is-sbuħija u l-ħiliet tal-karattri tagħhom.  Il-ġenituri huma imħeġġa jieħdu sehem fil-programmi ta’ l-iskola u jieħdu interess u pparteċipaw fil-Kunsill ta’ l-Iskola.  Hu mistenni li l-ġenituri jkunu dejjem qrib l-iskola u jsegwu t-tagħlim u l-edukazzjoni ta’ wliedhom.  

·     Mill banda l-oħra, jittiehdu passi ħorox u mill-ewwel, bil-Pulizija, kontra l-ftit ġenituri jew familjari li jġibu ruħhom ħażin, jew wisq agħar aggressiv jew vjolenti, fil-konfront ta’ xi Kap, għalliem jew impjegat ta’ xi skola.  

·     Ninsisti li l-għalliema għandhom josservaw iċ-ċirkolari li ħarġet id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni dwar l-istil u l-manjeri fl-ilbies, fl-imġieba u fid-diskors.  Fl-għalliema l-istudenti jilmħu mudelli li jinfluwenzawhom, tajjeb jew ħażin, kontinwament u għal għomorhom.  Il-Kapijiet ta’ l-iskejjel huma mistennija jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-għalliema li jonqsu f’dawn id-dmirijiet.  

·     Il-ġenituri u l-istudenti huma avzati li l-istudenti mhux ser jitħallew jużaw il-mobiles fl-iskola. Il-Kapijiet ta’ l-iskola ngħataw struzzjonijiet lill-iskejjel biex jikkonfiskaw il-mobiles ta’ l-istudenti u biex il-ġenituri jintalbu jirtirawhom. Huwa projbit ukoll li għalliema juzaw il-mobile fil-klassi waqt il-lezzjonijiet.  

·     Kulħadd jaf li l-pajjiż qed jagħmel sforz nazzjonali biex innaqqsu l-vizzju tat-tipjip.  Filwaqt li l-istudenti huma projbiti milli jpejpu, l-għalliema ma jistgħux ipejpu fil-klassi u qatt m’għandhom ipejpu quddiem l-istudenti.  

·     Fil-bidu tal-ġimgħa l-iskejjel ta’ l-Istat ser jirċevu ċirkolari dwar l-indafa u l-manutenzjoni ta’ kuljum fl-iskejjel.  Il-ħaddiema fil-gradi relattivi għal dan ix-xogħol qed jiġu avzati li jridu jaħdmu bħala tim biex iservu l-bżonnijiet ta’ l-iskola u jżommuha nadifa.  Mhux ser ikun tollerat li xi ħaddiema jirrifjutaw li jagħmlu xogħol sempliċi ta’ tindif u ħasil, u xogħol ieħor li jinkarigawhom jaghmlu l-Kapijiet bl-iskuza li dan mhux xogħolhom.  Ser isiru spezzjonijiet regolari biex jiġi assigurat li din iċ-ċirkolari qed tiġi esegwita u li dawn il-ħaddiema qed ikunu fuq xogħolhom fl-iskola tul il-ħin kollu tax-xogħol.  

·     Il-Kapijiet u l-għalliema huma mistennija jimxu fuq il-prinċipji u d-direzzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali u japplikaw il-policies u l-proċeduri indikati f’diversi dokumenti dwar dixxiplina, saħħa u sigurta`, inklużjoni, attendenza, bullying, abbuż ta’ tfal, u abbuż ta’ droga u alkoħol, fost l-oħrajn.  Huwa importanti li s-servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti jintużaw b’mod tajjeb u kull meta jkunu meħtieġa.  

·     F’dawn l-aħħar xhur saru il-laqghat meħtieġa ma’ l-assoċjazzjonijiet tat-trasport ta’ l-istudenti biex kemm jista` jkun jingħata servizz tajjeb.  It-Taqsima Trasport Skejjel ta’ l-Istat ser tkun qed issegwi r-rotot kollha biex tara li l-kondizzjonijiet miftiehma ma’ l-assoċjazzjonijiet qed jiġu osservati.  Diskussjonijiet ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet u kuntratturi għadhom għaddejjin biex ikun hemm servizz dejjem aħjar f’dan is-settur.  

·     Il-ġenituri huma avżati li :  

1.   Fir-rigward tal-kinder u l-iskejjel primarji ta’ l-Istatil-bibien ta’ l-iskola jinfetħu għaxar minuti qabel il-bidu ta’ l-iskola.  Hi responsabbilita` tal-ġenituri li jwasslu lit-tfal l-iskola fil-ħin.  L-iskola ma tistax tassumi responsabbilita` għal tfal li jitwasslu qrib l-iskejjel qabel dan il-ħin.  Eċċezzjonijiet għal din ir-regola jistgħu isiru biss b’arrangamenti speċjali jekk ikunu possibbli.  

2.   Il-ġenituri huma responsabbli wkoll li jiġbru l-uliedhom fil-ħin li tispiċċa l-iskola u mhux iħallu t-tfal jistennew tul ta’ ħin.  L-amministrazzjoni ta’ l-iskola ma tistax tidħol responsabbli għal tfal li l-ġenituri tagħhom ma jiġux għal uliedhom fil-ħin.  

3.   Fir-rigward ta’ skejjel sekondarji saru arrangamenti bi ftehim mal-Kapijiet biex dawk l-istudenti li jużaw is-servizz ta’ trasport ta’ l-iskejjel ikunu jistgħu jidħlu l-iskola sa nofs siegħa qabel tibda l-iskola.  Meta t-trasport jasal tard għalihom l-istudenti jkunu jistgħu jikkuntattjaw il-ġenituri biex jinfurmawhom u jinżammu jistennew fl-iskola.  

Hija l-mira tiegħi li tul is-sena li ġejja tiġi varata sensiela ta’ riformi bil-ħsieb li insaħħu l-kwalita` tas-sistema edukattiva f’Malta u f’Għawdex mill-iċken sa l-ogħla livell.  Dawn ir-riformi jirrigwardaw l-edukazzjoni bikrija; aġġornament tal-Kurrikulu Nazzjonali; proposta ta’ Liġi ġdida ta’ l-edukazzjoni li, fost ħwejjeġ oħra, toħloq awtorita` ta’ l-edukazzjoni minn naħa u awtonomija fit-tmexxija ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat minn naha l-oħra; il-politika dwar edukazzjoni inklussiva; l-assentejiżmu; l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC; il-finanzjament u t-tmexxija tas-settur post-sekondarju, ta’ l-MCAST u tal-Universita`.  Dawn ir-riformi huma mnebbħa mill-ħsieb u strateġija li joħorġu mill-kunċett ta’ tagħlim tul il-ħajja (Life-long Learning).   

Dwar dawn ir-riformi qed jitħejjew id-dokumenti meħtieġa li ser jiġu pubblikati biex ikunu bażi għal djalogu informat ma’ kull min hu interessat, speċjalment ma’ dawk involuti direttament inkluż l-MUT. Il-Gvern jemmen li l-edukazzjoni hija tal-poplu kollu u jrid li l-informazzjoni meħtiega tkun aċċessibbli għal kulħadd. Il-Gvern ser jagħmel ħiltu kollha biex kemm jista` jkun dak li ser jagħmel jagħmlu b’konsultazzjoni sħiħa u bl-usa` konsensus possibbli.  

L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex kull wieħed u waħda minna ikun jista` jieħu sehem sħiħ u bi frott fis-soċjeta` tagħna.  Dmirna hu li ngħinu lil kull tifel u tifla jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom.  L-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalita` huma investiment u jagħtu ġejjieni ekonomiku sod u sabiħ lil pajjiżna.  

Fl-aħħarnett irrid li llum il-poplu kollu jiftakar li ftit ġimgħat ilu t-tfal ta’ Beslan fir-Russja, bħat-tfal tagħna, ukoll marru ferħana għall-ewwel jum tas-sena skolastika, ma’ l-għalliema u l-ġenituri. Iżda minflok għaddew minn traġedja li anke aħna naqsmu magħhom.  Ejjew illum nitolbu biex Alla l-Imbierek isabbar il-familji li tilfu l-uliedhom u l-membri tagħhom f’din l-esperjenza inumana u orribbli, u li jgħin lid-dinja kollha tfittex il-ġustizzja, is-sliem u is-sigurta`.  Uliedna għandhom dritt għal dinja aħjar milli sibna aħna.  

Mill-ġdid nawgura lill-istudenti, l-għalliema u lill-ħaddiema, lill-mexxejja ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti sena ta’ ħidma sfieqa kollaborattiva u li tħalli frott fit-tul.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow