Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI DWAR ĊILINDRI TAL-GASS

PR1428
Date Icon 17/09/2004

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni għandu rapporti preliminari li juru li xi ċilindri tal-gass li qassmet l-Enemalta f’dawn l-aħħar disa’ xhur, huma ta’ kwalità anqas tajba minndik miftiehma fil-kuntratt bejn l-Enemalta u l-ażjenda li begħtilha ċ-ċilindri, kif ukoll minnnormi stabbiliti mid-Direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Għalissa l-Gvern m’għandu ebda parir tekniku li jeżisti xi periklu minndawn iċ-ċilindri. Madankollu bħala prekawzjoni l-Gvern b’responsabbiltà ddeċieda li jordna lill-Enemalta biex gradwalment tirtira dawn iċ-ċilindri mis-suq.

Bħalissa qed isiru testijiet mil-kumpanija ta’ konsulenza industrijali Taljana OMECO, biex tkun verifikata aktar fid-dettal il-kwalità taċ-ċilindri. Riżultati preliminari juru li ċ-ċilindri tal-gass huma ta’ kundizzjoni aċċettabbli u tal-livell rekwiżit meta jiġu sottomessi għat-tip ta’ testijiet imsejħa ‘m’hux qerrieda’. Iżda eżaminazzjoni bl-X-Ray aktar dettaljata wriet li hemm diskrepanzi fil-kwalità taċ-ċilindri bejn dik miftehma fil-kuntratt li taħtu l-Enemalta ħallset lill-ażjenda u dik li kienet qed tirriżulta mit-testijiet.  

Minn din l-informazzjoni preliminari kif ukoll minħabba l-fatt li fil-ġranet li għaddew l-Enemalta stess għamlet aktar testijiet fuq iċ-ċilindri m’hemm l-ebda raġuni għalfejn jitqies li dawn iċ-ċilindri jfissru xi periklu. Madankollu l-Gvern iħoss li għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ikun assigurat li ma jinħolqu ebda riskji għas-saħħa tal-klijenti ta’ l-Enemalta.  

Ghalhekk fuq il-bażi tar-rapporti preliminari li bagħtu l-esperti Taljani, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jordna lill-Enemalta biex gradwalment tirtira dawn iċ-ċilindri mis-suq bħala prekawzjoni. Aktar testijiet dettaljati taċ-ċilindri għadhom għaddejjin fl-Italja u r-riżultati finali mistennijja fil-ġranet li ġejjin. Il-pubbliku ser ikun infurmat bil-konklużjonijiet ta’ dawn l-eżamijiet.  

L-Enemalta għad baqgħala maħżuna ċilindri minn din il-kunsinja. Ebda ċilindru mqassam minndistributuri tal-gass jew minn xi punt tad-distribuzzjoni ieħor mis-17 ta’ Settembru, 2004 ’il quddiem ma ser ikun wieħed miċ-ċilindri mill-kunsinja taċ-ċilindri involuti.  

Intant il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni ordna immedjatament lill-Enemalta biex tagħmel investigazzjoni interna dwar kif ġew aċċettati ċilindri li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom ma kienux skond il-kuntratt.  

Mill-investigazzjoni interna preliminari irriżultaw il-fatti li ġejjin:  

1.   Id-dokument dwar is-sejħa għall-offerti għax-xiri taċ-ċilindri tħejja nhar l-24 ta’ Ġunju, 2002. Jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet determinati f’din is-sejħa għall-offerti kienu anqas ċari u preċiżi milli kellhom ikunu.  

2.   Is-sejħa għall-offerti ħarġet fil-15 ta’ Novembru, 2002.  

3.   L-ewwel evalwazzjoni ta’ dawk li għamlu offerta saret minn Bord ta’ l-Għażla maħtur apposta u li kien jinkludi tlett uffiċjali ta’ l-Enemalta li wieħed minnhom kien l-awtur tad-dokument dwar is-sejħa għall-offerti. L-evalwazzjoni saret f’Marzu 2003. Dak inhar l-offerenti kollha minbarra tlieta ġew eliminati mill-proċess ta’ l-għażla. Tnejn minn dawk li nżammu, issottomettew kampjuni taċ-ċilindri biex dawn jiġu ttestjati. L-ieħor għal ħafna snin issupplixxa lill-Enemalta diversi ordinijiet ta’ ċilindri, u minħabba f’dan ma ntalabx jissottemetti kampjuni.  

4.   Wara li saru t-testijiet fuq il-kampjuni taż-żewġ l-offerenti l-oħra, il-Bord ta’ l-Għażla rrakkomanda li jintgħażel l-offerent li offra ċ-ċilindri li marru anqas tajjeb fit-testijiet minndawk tal-kompetitur tiegħu. Fil-fatt iċ-ċilindri li offra l-offerent li mbagħad spiċċa biex intagħżel ġabu riżultati anqas minn dak li wiegħed li se jġibu l-istess offerent fl-offerta tiegħu. Barra minhekk għal xi raġuni jew raġunijiet s’issa m’hux stabbiliti, il-Bord ta’ l-Għażla bagħat għat-testijiet kampjun t’erba’ ċilindri fil-każ ta’ l-offerent li spiċċa ma ntagħżilx u kampjun ta’ żewġ ċilindri fil-każ ta’ l-offerent li spiċċa ntagħżel. L-offerent li ntagħżel kien għamel l-offerta bl-orħos prezz.  

5.   Fid-19 ta’ Mejju, 2003, il-Bord ta’ l-Għażla ddeċieda li jirrakomanda li jintgħażel l-orħos offerent, minkejja li mar anqas tajjeb fit-testijiet, bil-kundizzjoni li d-djugħfijiet li nstabu fit-testijiet jitranġaw fil-kunsinja taċ-ċilindri.  

6.   Dan il-parir ġie ratifikat mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Enemalta dwar it-Tenders fis-17 ta’ Lulju, 2003.  

7.   Il-parir ta’ l-Enemalta ngħata l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti fid-19 ta’ Lulju, 2003.  

8.   Fil-5 t’Awissu, 2003, it-Taqsima tax-Xiri (procurement section)ta’ l-Enemalta infurmat lill-offerent magħżul li l-Korporazzjoni kellha l-intenzjoni tixtri ċ-ċilindri mingħandu basta jagħmel il-korrezzjonijiet li kien irrakkomanda l-Bord ta’ l-Għażla.  

9.   Fis-6 t’Awissu, 2003, il-kuntrattur informa lill-Enemalta li kien qed jaqbel ma’ wħud mir-rekwiżiti li kienu qed isirulu, iżda m’hux ma’ kollox.  

10. Fl-14 t’Awissu, 2003, it-Taqsima tax-Xiri (procurement section) u l-uffiċju tal-ħażna (central supplies) ta’ l-Enemalta informaw lill-kuntrattur li l-Korporazzjoni kienet qed taċċetta l-aħħar kundizzjonijiet li kien qed jagħmel (il-kuntrattur).  

11. F’Novembru 2003, f’Jannar 2004 u f’Lulju 2004 waslu fi tlett kunsinji t-tletin elf ċilindru tal-gass ordnati mingħand il-kuntrattur. It-tlett kunsinji kienu ffirmati bħala milqugħa fil-kundizzjoni u l-istat miftiehem bejn il-Korporazzjoni u l-kuntrattur mill-istess uffiċjal ta’ l-Enemalta. L-uffiċjal li kkonferma bil-miktub li ċ-ċilindri tal-gass kienu tal-livell u l-kwalità miftiehma kien l-istess uffiċjal li kiteb id-dokument dwar is-sejħa għall-offerti u wieħed mit-tlett uffiċjali li kienu fil-Bord ta’ l-Għażla.  

12. Bħala rutina l-Enemalta teżamina għall-porożità kull ċilindru li timla. Qatt minn meta nxtraw ma falla minn din l-eżaminazzjoni xi wieħed miċ-ċilindri li nxtraw minn Novembru 2003 ’il hawn.  

13. F’Lulju 2004, l-Enemalta ordnat lit-Tarzna tagħmel testijiet fuq iċ-ċilindri tal-gass. Dawn it-testijiet kienu ordnati minħabba li l-Enemalta kienet waslet biex tordna 30,000 ċilindru ġdid u riedet tara kienx ikun f’loku li ssir ordni mil-kuntrattur li rebaħ l-aħħar sejħa għall-offerti. It-testijiet urew li l-kwalità tal-metall taċ-ċilindri meta eżaminata għas-saħħa tiegħu, imsejħa bħala ‘testijiet qerrieda’, kienet anqas mil-livelli miftiehma bejn il-kuntrattur u l-Korporazzjoni. Minkejja dan, xejn f’dawn ir-riżultati ma jindika li jeżisti xi periklu minn dawn iċ-ċilindri.  

14. Fid-19 t’Awissu, 2004, tħejja rapport minn konsulenti lokali esterni li għamlu osservazzjonijiet dwar il-proċess ta’ l-għażla fix-xiri ta’ dawn iċ-ċilindri.  

15. Fid-9 ta’ Settembru, 2004, kampjuni taċ-ċilindri ntbagħtu lill-esperti Taljani għall-verifika. It-testijiet fl-Italja, li għadhom għaddejjin, taw l-ewwel rapporti  preliminari nhar l-14 ta’ Settembru, 2004.    

Il-Bord tad-Diretturi ta’ l-Enemalta informa lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni li nhar l-14 ta’ Settembru, 2004, issospenda u beda proċeduri interni ta’ dixxiplina kontra t-tlett membri tal-Bord ta’ l-Għażla wara li l-investigazzjoni interna iddeterminat biż-żejjed fatti biex dawn jiġu akkużati bi traskuraġni kbira (‘gross negligence’) fl-aġir tagħhom fl-evalwazzjoni ta’, u r-rakkomandazzjonijiet li taw dwar, dan il-kuntratt. Dawn il-proceduri jistgħu jwasslu għat-tkeċċija ta’ l-impjegati kkonċernati kif ukoll għal passi oħra li l-Korporazzjoni jidhrilha li għandha tieħu fil-konfront tagħhom.

L-Enemalta informat lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni wkoll li rreferiet id-dettalji ta’ dan il-każ lill-avukati tal-Korporazzjoni biex issir evalwazzjoni ta’ kif l-aħjar jiġu segwiti l-interessi legali tagħha fil-konfront tal-kuntrattur li biegħlha ċ-ċilindri.  

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni llum ser jitlob lill-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika biex jinvestiga dan il-każ.  

Il-Gvern jixtieq jenfasizza li m’għandu ebda parir tekniku li juri li jeżisti xi periklu fiċ-ċilindri tal-gass. Madankollu, il-Gvern irid li tittieħed kull prekawzjoni u għalhekk iċ-ċilindri li jingħataw vojta lid-distributuri ser jinġabru mill-Enemalta u ma jerġgħux jintużaw.  

Il-programm ta’ irtirar mis-suq jista’ jkollu effett għal xi ġimgħat ta’ skarsità fl-istokk ta’ ċilindri tal-gass minħabba li l-istokk eżistenti ta’ riżerva li għandha l-Enemalta hu kważi kollu magħmul mill-istess tip ta’ ċilindri li jridu jinġabru. F’Awissu 2004, l-Enemalta identifikat, wara sejħa għall-offerti oħra, kuntrattur ġdid minn fejn tixtri ċilindri tal-gass ġodda. Iżda l-kuntrattur li biegħlha ċ-ċilindri li jridu jinġabru, appella quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti. Minħabba li dan l-Appell kien u għadu pendenti, l-Enemalta ma setgħetx tixtri ċilindri biex iżżid ir-riservi tagħha. Hu għalhekk li l-programm ta’ ġbir ser jinkludi miżuri ta’ prioritizzazzjoni biex jitnaqqas kemm jista’ jkun kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jinħoloq.  

Hu importanti ħafna li l-mezzi kollha tal-komunikazzjoni jifhmu li m’hemm ebda raġuni għalfejn jinħoloq paniku jew sens ta’ urġenza dwar dan il-każ. Il-Gvern hu impenjat li jżomm lill-pubbliku infurmat fl-istadji kollha bl-azzjonijiet li jkun qed jieħu.  

F’dan il-kuntest il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu lid-diriġenti u l-ġurnalisti tal-Malta Today li minkejja li kellha f’idejha partijiet mill-informazzjoni dwar dan il-każ, b’responsabbiltà kbira ikkollaborat mal-Ministeru u mal-Korporazzjoni Enemalta biex ma jinħoloqx paniku mingħajr bżonn. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow