Left arrow Go Back

MINN GĦODDA TAL-GWERRA GĦAL ĊENTRU GĦALL-KREATTIVITA’

PR1405
Date Icon 11/09/2004

Meta nieda l-istaġun tal-ħarifa fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru r-raba’ anniversarju ta’ l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Kavallier ta’ San Ġakbu nbena biex iħares il-kapitali ta’ pajjiżna fiż-żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San  Ġwann. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’dawn il-jiem pajjiżna qed jiċċelebra l-40 anniversarju mill-akkwist ta’ l-Indipendenza tiegħu. Hu qal li tul dan iż-żmien pajjiżna nbidel minn bażi militari għal pont ta’ paċi b’ekonomija marbuta madwar il-manifattura, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji. Francis Zammit Dimech qal li dak kollu li sal-1964 kien iservi bħala parti mid-difiża tagħna u tad-dinja ħielsa llum ġie diversifikat biex iservi bħala għodda għall-paċi.  

Francis Zammit Dimech qal li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea tat lil pajjiżna dimensjoni ġdida bħala post fejn jiltaqgħu kulturi u reliġjonijiet diversi, pont ta’ paċi bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan ix-xenarju ġdid il-Kavallier ta’ San Gakbu jiehu dimensjoni ġdida. Hu qal li l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ bejn l-1992 u l-1996 ħadet id-deċiżjoni li l-Kavallier ta’ San Ġakbu jinbidel f’ċentru fejn il-Maltin ikollhom fejn jiżviluppaw it-talenti u l-kreattivita’ tagħhom, fejn inkabbru l-arti u l-kultura billi jkollna swali ta’ wirjiet u ta’ produzzjonijiet kulturali u artistiċi.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hu kellu l-inkarigu li fl-ammistrazzjonijiet ta’ bejn l-1992 u l-1996,  u ta’ wara l-1998 ikun  responsabbli mix-xogħol ta’ riabilitazzjoni u restawr li sar fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Hu qal li din il-fortizza, b’investiment ta’ Lm4.6 miljun, inbidlet minn post umdu, mitluq u li ma kien qed iservi ebda skop pożittiv, f’Ċentru għall-Kreattivita’, post fejn l-artisti tagħna qed jiżviluppaw it-talenti tagħhom b’risq l-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna li jidentifikana minn kull nazzjon ieħor.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan iċ-Ċentru hu marbut ukoll mal-millennju l-ġdid għaliex kien il-proġett li ġie inawgurat biex ifakkar il-bidu tat-tielet millennju tal-Kristjaneżmu. Hu qal li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ issa ilu erba’ snin jagħti s-servizzi tiegħu lill-poplu u ma kellux dubbju li kien suċċess mill-bidu għaliex minnu mhux biss għaddew eluf ta’ nies biex jaraw wirjiet u jassistu ghal produzzjonijiet teatrali u films, iżda ikkontribwixxa bil-kbir għar-rinaxximent kulturali ta’ pajjiżna.  
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jekk wie
ħed iħares lejn is-sena li għaddiet biss isib li fiċ-Ċentru ttellgħu 26 wirja ta’ pittura u xogħlijiet ta’ l-arti, intwerew 98 film li 32 minnhom kien jagħmlu parti minn festivals ta’ films Ċeki, Awstraljani, Irlandiżi, Franċiżi u Taljani, saru 20 rappreżentazzjoni teatrali u 23 avveniment mużikali. Hu qal li barra minhekk kienet organizzata id-Dramafest 04, il-Fly Zone li kienet attrazzjoni speċjali ta’ dwal u ħsejjes li ttellgħet bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas-sħubija ta’Maltafl-UE u għadd ta’ avvenimenti speċjali. 

Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li dan iċ-ċentru kellu quddiemu żminijiet interessanti fejn seta’ jiżviluppa inizjattivi ġodda li jressqu l-arti u l-kultura aktar lejn il-poplu Malti kollu. Hu qal li bħala ministru responsabbli mit-turiżmu u l-kultura kien tal-fehma li l-kultura setgħet tikkontribwixxi bis-sħiħ biex aktar turisti jżuru Malta . Hu qal li n-numru ta’ turisti li jżuruna għal skopijiet kulturali  kien diġa’ jlaħħaq aktar minn 200,000 ċifra li b’ħidma flimkien għandha tikber u tħalli aktar frott. Hu qal li f’din il-ħidma seta’ jagħti sehem importanti ċ-Ċentru għall-Kreattivita’.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-programm ta’ attivitajiet li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ kien ħejja għal din il-ħarifa kien wieħed vast u li mistenni jimla s-swali kollha taċ-Ċentru b’attivitajiet minn issa sa’ Mejju tas-sena d-dieħla. Hu qal li ċ-Ċentru kellu diġa ibbukjati diversi attivitajiet fosthom kunċerti fil-Music Room, wirjiet ta’ films li jinkludu festival ta’ Films Ċiniżi  f’Ottubru, wirjiet minn artisti lokali u barranin fis-sala ewlenija u fl-Upper Galleries, festival internazzjonali ta’ poeżija u diversi attivitajiet oħra. Hu qal li attivita’ importanti organizzata miċ-Ċentru kienet il- “Young Cavalier’s Summer Club” li ser jerġa’ jibda fid-9 ta’ Ottubru b’kors mifrux fuq għaxar sessjonijiet u li jintemm fid-9 ta’ Diċembru.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li meta l-Gvern beda jwettaq il-proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu kien hemm min tqarras li kienu se jiġu nvestiti daqshekk flus fi proġett bħal dan. Hu qal li llum kulħadd qed jifhem li l-investiment li sar kien wieħed għaqli għaliex mhux biss iċ-Ċentru żied id-dħul tiegħu mill-attivitajiet li jorganizza iżda anke għaliex żdiedu l-attivitajiet kulturali li huma indikazzjoni ċara li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ qed jilħaq l-iskop li għalih twaqqaf. Francis Zammit Dimech irringrazzja lic-Chairman,  lill-membri tal-bord u lill-ħaddiema kollha taċ-Ċentru għall-Kreattivita’ għax-xogħol tagħhom filwaqt li awguralhom aktar ħidma b’risq il-kultura f’pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow