Left arrow Go Back

L-IBĦRA MEZZ TA’ GĦEJXIEN GĦAL ELUF TA’ MALTIN

PR1403
Date Icon 10/09/2004

Meta għalaq attivita’ għal ibħra aktar indaf li saret f’Tas-Sliema, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-ibħra madwarna huma mezz ta’ għejxien għall-poplu Malti għaliex jikkontribwixxu sehem kbir u importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ibħra jagħtu kontribut qawwi għat-turiżmu, għall-oqsma tal-yachting u l-cruise liners, għas-sajd, għar-Reġistru tal-Bastimenti Marittimi, għat-tarznari, għall-freeport. Hu qal li l-ibħra huma l-ħajja ta’ pajjiżna u għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex inħarsuhom min kull tniġġiż.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li l-ewwel turisti f’pajjiżna kienu jżuruna għall-baħar kaħlani, ix-xtut u x-xemx. Hu qal li anke jekk illum aktar minn 300,000 turist qed iżuru Malta għal-wirt storiku u kulturali tagħna, għat-tagħlim ta’ l-Ingliż u għall-Konferenzi u Inċentivi, il-maġġoranza ta’ dawk li jieħdu vakanza f’pajjiżna xorta għadhom jiġu għax-xtajtiet tagħna, biex jipprattikaw id-diving, għal żjarat b’yachts u għal żjarat fuq cruise liners.  

Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar snin saru sforzi kbar biex il-promenades ta’ pajjiżna jingħataw dehra ġdida, biex ix-xtut jitnaddfu matul is-sena kollha u biex ma jkunx hemm tniġġiż mid-drenaġġ. Hu qal li wara proġetti ta’ tisbiħ li twettqu fil-bajjiet ta’ Marsascala, il-Bajja ta’ San Tumas, Marsaxlokk, Birżebbuġa, San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, Tas-Sliema u San Ġiljan il-Maltin u l-barranin issa jistgħu jippassiġġjaw u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom tul promenades mill-isbaħ.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li minn din is-sena l-bajjiet baqgħu jitnaddfu tul is-sena kollha inkluż fix-xitwa, żdiedu l-bins fuq ix-xtut li qed jinġabru b’aktar regolarita’ filwaqt li mtliet bir-ramel il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan li qed tkun imħarsa u mnaddfa 24 siegħa kuljum.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minkejja dan l-impenn kollu min-naħa tal-Gvern xorta għad hawn ħafna li jħammġu l-bajjiet billi jħallu warajhom fuq ix-xtut skart li messu jintrama’ fil-bins u fdalijiet minn barbeques. Il-Ministru Zammit Dimech qal li xorta għad baqa’ ħafna nies li jarmu fil-baħar dak li ma jkunux iridu u dan joħloq problemi għal min ikun qiegħed jgħum jew jgħodds. Hu qal li dan l-iskart jagħmel ukoll ħsara lill-flora u l-fauna marittima.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Pollution Control Co-ordinating Unit fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura tieħu ħsieħ tnaddaf wiċċ il-baħar minn skart li jinġieb mal-mewġ u minn żjut li jidħlu lejn il-kosta ta’ pajjiżna u li jintrema’ minn bastimenti li jkunu qed isalpaw qrib il-gżejjer Maltin. Hu qal li dan il-Unit jorganizza wkoll kampanji biex jitnaddaf qiegħ il-baħar minn fliexken, laned u kull tip ta’ skart ieħor li jintrama’ fil-baħar minn nies irresponsabbli. Hu qal li ried irodd ħajr u jirringrazzja lil dawk kollha li jagħtu sehemhom biex kampanji bħal dawn ikunu suċċess u biex min qiegħ il-baħar jittella’ kull tip ta’ skart.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex iżomm ix-xtut indaf u qiegħ il-baħar nadif. Hu qal li mill-ibħra madwarna jieklu eluf ta’  nies u kien għalhekk importanti li nħarsuhom.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow