NIPPROMWOVU L-ARTI FOST UDJENZA AKBAR
Meta kien qed jinawgura wirja fil-Muzew tas-Santwarju ’Haz-Zabbar, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech feraħ lil Mario Portelli għall-wirja tiegħu ta’ arti li kien qed itella’ f’wieħed mil-lokalitiajiet ewlenin ta’ pajjiżna. Hu qal li l-arti ma kellix fruntieri u għalhekk kien ta’ sodisfazzjon għalih li jinawgura wirjiet ma’ kull parti ta’ Malta .
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar xhur kellu l-okkażżjoni jinawgura wirjiet importanti fin-Nofsinhar ta’ Malta fosthom wirja dwar ix-xogħlijiet ta’ Caravaggio li ttellgħet fl-Imħażen ta’ Caraffa fil-Birgu u wirja dwar strumenti tat-tortura li ttellgħet fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Birgu wkoll. Hu qal li wirjiet bħal dawn iressqu lill-poplu aktar lejn l-arti u jagħmluna aktar konxji ta’ dak kollu li hu sabiħ bħal fil-każ tal-pittura ta’ Carravaggio u dak li hu ikraħ bħal fil-każ tal-wirja ta’ strumenti tat-tortura li kienu jintużaw fl-Ewropa.
Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru responsabbli mill-kultura l-priorita’ immedjata tiegħu kienet li jressaq l-arti u l-kultura lejn udjenza dejjem akbar. Hu qal li b’dan il-għan kien lest jagħti kull appoġġ lil artisti Maltin fl-isforz biex joħolqu identita’ fix-xogħolijiet tagħhom. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li pajjiżna llum kien jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea li kienet mibnija fuq kulturi diversi u li kienet marbuta li tirrispetta id-diversita’ fil-kulturi u l-identitajiet. Hu qal li l-kultura tagħna kienet tagħżilna minn kull nazzjon ieħor u tagħmilna Maltin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-akkwist ta’ l-Indipendenza 40 sena ilu wassal għal rinaxximent kulturali u artistiku għaliex il-Maltin fehmu mill-ewwel li l-arti Maltija kienet l-aqwa reklam għal pajjiżna u kienet tidentifikana minn popli oħra. Hu qal li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea wasslet għal rinaxximent ġdid fl-oqsma kulturali u artistiċi għaliex illum qegħdin mill-ġdid nifhmu li rridu nsostnu l-identita’ tagħna f’Ewropa b’popolazzjoni ta’ 450 miljun.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern mhux jibqa’ lura milli jibni l-infrastruttura meħtieġa biex l-artisti tagħna jesprimu lilhom infushom. Hu qal li b’investiment ta’ Lm4.6 miljun il-Gvern biddel l-Kavallier ta’ San Ġakbu – post li kien mitluq, umdu u fi stat tal-biki – f’Ċentru għall-Kreattivita’ fejn l-artisti tagħna jistgħu jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom. Hu qal li t-Teatru Manoel u ċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran ukoll kienu qed jagħtu sehem importanti għal dan ir-rinaxximent. Sehem li xtaq jara jikber anke bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda għall-artisti tagħna. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern qed ipoġġi wkoll għad-diżpożizzjoni ta’ artisti Maltin u kumpanniji teatrali postijiet bħal Forti Sant’Iermu , il -Forti Sant’Anġlu u s-swar ta’ San Ġwann fil-Belt. Hu qal li dawn il-postijiet storiċi, u oħrajn, kienu joffru “backdrop” naturali u mill-aqwa għal attivitajiet kulturali, artistiċi u teatrali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-wirja li kien qed itella’ Mario Portelli kienet waħda bażata fuq il-fantasija li kien jispeċjalizza fiha dan l-artist. Hu qal li Portelli kien ġej minn familja bi storja ta’ artisti u ttella’ fl-arti sa minn żgħir ħafna. Dan għenu jiskopri t-talenti tiegħu fil-qasam artistiku li komplew tħeġġu minn artisti Maltin li taħthom tgħallem u pperfezzjona l-arti u d-disinn.
Francis Zammit Dimech qal li Mario Portelli pproduċa disinji għall-palk għal festivals tad-drama u l-kanzunetta, posters għal diversi produzzjonijiet, disinji għal souvenirs tipiċi, disinji għal effetti multi-viżwali. Hu qal li din il-varjeta’ ta’ disinji għamlet minn Mario Portelli artist, li llum qed jispeċjalizza fl-arti tal-fantasija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kulmin iżur din il-wirja jifhem kemm f’pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, għandna varjeta’ ta’ talenti li qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jsaħħaħ l-identita’ tiegħu u jikber bħala nazzjon sovran. Hu awgura lil Mario Portelli kull suċċess fil-ħidma artistiku li qed iwettaq.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en